Atlasiet eksperimentālās funkcijas, kuras vēlaties izmēģināt!

Šis dokuments ir izvilkums no tīmekļa vietnes EUR-Lex.

Dokuments 32017D0877

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/877 tas-16 ta' Mejju 2017 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta li ġġib l-isem “Let us reduce the wage and economic differences that tear the EU apart!” (notifikata bid-dokument C(2017) 3382)

C/2017/3382

ĠU L 134, 23.5.2017., 38./39. lpp. (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dokumenta juridiskais statuss Spēkā

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/877/oj

23.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 134/38


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/877

tas-16 ta' Mejju 2017

dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta li ġġib l-isem “Let us reduce the wage and economic differences that tear the EU apart!”

(notifikata bid-dokument C(2017) 3382)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Is-suġġett tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bl-isem “Let us reduce the wage and economic differences that tear the EU apart!” jirreferi għal “Atti legali li juru biċ-ċar l-intenzjoni tal-UE li telimina l-inugwaljanzi fil-pagi bejn l-Istati Membri u li — sabiex tikseb dan l-objettiv — tippermetti koeżjoni aktar effiċjenti bejn dawn l-Istati”.

(2)

L-objettivi ddikjarati tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta huma: “Minħabba differenzi sinifikanti fil-pagi, il-moviment tal-ħaddiema huwa f'direzzjoni waħda. L-emigrazzjoni tal-massa twassal sabiex Stati Membri jiġu emarġinati ulterjorment. Sadanittant, Stati Membri aktar sinjuri jipperċepixxu l-influss massiv tal-ħaddiema bħala ta' dannu għall-interessi tagħhom, li jwassal għal diviżjoni fl-UE. Jeħtieġ li l-UE turi biċ-ċar l-intenzjoni tagħha li telimina l-inugwaljanzi fil-pagi li jaffettwaw il-moviment liberu tal-ħaddiema; sabiex tagħmel dan l-UE teħtieġ koeżjoni aktar effiċjenti sabiex tiżgura s-sopravivenza tagħha.”

(3)

L-atti legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati jistgħu jiġu adottati:

fir-rigward tal-linji gwida li l-Istati Membri għandhom jieħdu kont tagħhom fil-politiki tal-impjiegi tagħhom;

fir-rigward tal-Fond Soċjali Ewropew, li għandu l-għan li jħaffef l-impjieg tal-ħaddiema u li jżid il-mobbiltà geografika u professjonali tagħhom fi ħdan l-Unjoni, u li jiffaċilita l-adattament tagħhom għal tibdiliet industrijali u tibdiliet fis-sistemi ta' produzzjoni, partikolarment permezz ta' formazzjoni vokazzjonali u taħriġ mill-ġdid;

sabiex jiġu definiti l-kompiti, l-objettivi ta' prijorità u l-organizzazzjoni tal-Fondi Strutturali sakemm l-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati jwasslu għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni.

(4)

L-atti legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati li għandhom l-għan li jappoġġaw u jikkumplimentaw l-attivitajiet tal-Istati Membri jistgħu jiġu adottati inter alia fl-oqsma tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, tas-sigurtà soċjali u tal-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema, tal-protezzjoni tal-ħaddiema f'każ li jintemmilhom il-kuntratt tal-impjieg, tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni mal-ħaddiema, tar-rappreżentazzjoni u d-difiża kollettiva tal-interessi tal-ħaddiema u l-impjegaturi, inkluża l-kodeterminazzjoni, tal-integrazzjoni tal-persuni esklużi mis-suq tax-xogħol, tal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, u tal-modernizzazzjoni tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali. Madankollu, atti bħal dawn ma jistgħux jiġu applikati għall-pagi jew għad-drittijiet ta' assoċjazzjoni.

(5)

It- Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jirrinforza ċ-ċittadinanza tal-Unjoni u jsaħħaħ aktar il-funzjonament demokratiku tal-Unjoni billi jipprevedi, inter alia, li kull ċittadin ikollu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni permezz ta' inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej.

(6)

Għal dan il-għan, il-proċeduri u l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-inizjattiva taċ-ċittadini għandhom ikunu ċari, sempliċi, faċli biex jintużaw u proporzjonali man-natura tal-inizjattiva taċ-ċittadini sabiex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u biex l-Unjoni ssir aktar aċċessibbli.

(7)

Għal dawn ir-raġunijiet, ikun adegwat li wieħed jikkunsidra li l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta ma taqax manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni, li permezz tagħhom hija tista' tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati, skont l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament.

(8)

L-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bl-isem “Let us reduce the wage and economic differences that tear the EU apart!” għandha, għalhekk, tiġi rreġistrata. Madankollu, jenħtieġ li jinġabru dikjarazzjonijiet ta' appoġġ għal din l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta biss jekk din hija maħsuba għall-preżentazzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, ta' proposti għal atti legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati fl-ambitu tal-kamp ta' applikazzjoni msemmi fil-premessi 3 u 4.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bl-isem “Let us reduce the wage and economic differences that tear the EU apart!” hija rreġistrata.

2.   Madankollu, id-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ għal din l-inizjattiva taċ-ċittadini, sakemm din hija maħsuba għall-preżentazzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, ta' proposti ta' atti legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati fl-oqsma tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, tas-sigurtà soċjali u l-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema, tal-protezzjoni tal-ħaddiema f'każ li jintemmilhom il-kuntratt tal-impjieg, tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema, tar-rappreżentazzjoni u d-difiża kollettiva tal-interessi tal-ħaddiema u tal-impjegaturi, inkluż il-kodeterminazzjoni, tal-integrazzjoni tal-persuni esklużi mis-suq tax-xogħol, tal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, u tal-modernizzazzjoni tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali, jistgħu jinġabru biss sakemm dawn l-atti legali ma jiġux applikati għall-pagi jew għad-dritt ta' assoċjazzjoni, tal-istrajkjar jew id-dritt li jiġi impost lock-out.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-22 ta' Mejju 2017.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-organizzaturi (il-membri tal-kumitat taċ-ċittadini) tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta li ġġib l-isem “Let us reduce the wage and economic differences that tear the EU apart!”, rappreżentata mis-Sur Márton GYÖNGYÖSI u s-Sur Jaak MADISON li jaġixxu bħala persuni ta' kuntatt.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Mejju 2017.

Għall-Kummissjoni

Frans TIMMERMANS

L-ewwel Viċi President


(1)  ĠU L 65, 11.3.2011, p. 1.


Augša