EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D0866

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/866 tal-11 ta' Mejju 2017 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward tal-asil u n-non-refoulement

ĠU L 131, 20.5.2017, p. 13–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/866/oj

20.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 131/13


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/866

tal-11 ta' Mejju 2017

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward tal-asil u n-non-refoulement

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 78(2), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Unjoni ħadet sehem flimkien mal-Istati Membri bħala osservatur fin-negozjati tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (“il-Konvenzjoni”), li ġiet adottata mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fis-7 ta' April 2011. Il-Konvenzjoni nfetħet għall-iffirmar fil-11 ta' Mejju 2011.

(2)

F'konformità mal-Artikolu 75 tal-Konvenzjoni, il-Konvenzjoni hija miftuħa għall-iffirmar mill-Unjoni.

(3)

Il-Konvenzjoni toħloq qafas ġuridiku komprensiv u pluridimensjonali għall-protezzjoni tan-nisa minn kull forma ta' vjolenza. Hija għandha l-għan li tipprevjeni, tħarrek u telimina l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u l-vjolenza domestika. Hija tkopri firxa wiesgħa ta' miżuri, mill-ġbir tad-data u s-sensibilizzazzjoni għal miżuri legali dwar il-kriminalizzazzjoni ta' forom differenti ta' vjolenza kontra n-nisa. Hija tinkludi miżuri għall-protezzjoni ta' vittmi u l-għoti ta' servizzi ta' appoġġ, u tindirizza d-dimensjoni tal-vjolenza minħabba l-ġeneru f'materji ta' asil u migrazzjoni. Il-Konvenzjoni tistabbilixxi mekkaniżmu speċifiku ta' monitoraġġ sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet tagħha mill-Partijiet.

(4)

L-iffirmar tal-Konvenzjoni mill-Unjoni ser jikkontribwixxi għar-realizzazzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-oqsma kollha, li hu objettiv u valur ċentrali tal-Unjoni li għandu jiġi mwettaq fl-attivitajiet kollha tagħha f'konformità mal-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Il-vjolenza kontra n-nisa hija ksur tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom u forma estrema ta' diskriminazzjoni, bl-għeruq f'inugwaljanzi bejn is-sessi u li tikkontribwixxi għaż-żamma u t-tisħiħ tagħhom. Billi timpenja ruħha għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni, l-Unjoni tikkonferma l-impenn tagħha għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa fit-territorju tagħha u globalment, u ssaħħaħ il-qafas ġuridiku sostanzjali eżistenti u l-azzjoni politika attwali tagħha fil-qasam tal-liġi proċedurali kriminali, li hu ta' rilevanza partikolari għan-nisa u l-bniet.

(5)

Kemm l-Unjoni kif ukoll l-Istati Membri tagħha għandhom kompetenza fl-oqsma koperti mill-Konvenzjoni.

(6)

Jenħtieġ li l-Konvenzjoni tiġi ffirmata f'isem l-Unjoni fir-rigward ta' materji li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni sal-punt li l-Konvenzjoni tista' taffettwa regoli komuni jew tbiddel l-għan tagħhom. Dan japplika, b'mod partikolari, għal ċerti dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali u għad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni relatati mal-asil u n-non-refoulement. L-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom sal-punt li l-Konvenzjoni ma taffettwax regoli komuni jew tbiddel l-għan tagħhom.

(7)

L-Unjoni għandha wkoll kompetenza esklużiva li taċċetta l-obbligi li jinsabu fil-Konvenzjoni fir-rigward tal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tagħha stess.

(8)

Minħabba li l-kompetenza tal-Unjoni u l-kompetenzi tal-Istati Membri huma interkonnessi, jenħtieġ li l-Unjoni ssir Parti għall-Konvenzjoni flimkien mal-Istati Membri tagħha, sabiex flimkien huma jkunu jistgħu jwettqu l-obbligi stipulati fil-Konvenzjoni u jeżerċitaw id-drittijiet mogħtija lilhom b'mod koerenti.

(9)

Din id-Deċiżjoni tikkonċerna biss l-Artikoli 60 u 61 tal-Konvenzjoni. Hija ma tikkonċernax id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali, li huma indirizzati minn Deċiżjoni tal-Kunsill separata dwar l-iffirmar li għandha tiġi adottata b'mod parallel ma' din id-Deċiżjoni.

(10)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, dawk l-Istati Membri mhumiex qegħdin jieħdu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhumiex marbutin biha jew soġġetti għall-applikazzjoni tagħha.

(11)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(12)

Jenħtieġ li l-Konvenzjoni tiġi ffirmata,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward tal-asil u n-non-refoulement, huwa b'dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-Konvenzjoni msemmija. (1)

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jinnomina lill-persuna jew persuni bis-setgħa li jiffirmaw il-Konvenzjoni f'isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Mejju 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

R. GALDES


(1)  It-test tal-Konvenzjoni ser jiġi ppubblikat flimkien mad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.


Top