Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D0847

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/847 tas-16 ta' Mejju 2017 li tagħti deroga mitluba mid-Danimarka skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (notifikata bid-dokument C(2017) 2891)

    C/2017/2891

    ĠU L 125, 18.5.2017, p. 35–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2018

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2017/847/oj

    18.5.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 125/35


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/847

    tas-16 ta' Mejju 2017

    li tagħti deroga mitluba mid-Danimarka skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli

    (notifikata bid-dokument C(2017) 2891)

    (It-test bid-Daniż biss huwa awtentiku)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta' Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (1), u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III tagħha,

    Billi:

    (1)

    Fit-18 ta' Novembru 2002, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2002/915/KE (2) li tagħti deroga mitluba mid-Danimarka skont id-Direttiva 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli, li tippermetti l-użu ta' demel tal-bhejjem li fih sa 230 kg nitroġenu għal kull ettaru fis-sena fuq ċerti azjendi tal-bhejjem tal-ifrat fil-qafas tal-programm ta' azzjoni Daniż 1999–2003. Id-deroga ġiet estiża bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/294/KE (3) b'rabta mal-programm ta' azzjoni Daniż 2004–2007, bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/664/KE (4) b'rabta mal-programm ta' azzjoni Daniż 2008–2012 u bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/659/UE (5), b'rabta mal-programm ta' azzjoni Daniż 2008–2015.

    (2)

    Id-deroga mogħtija bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/659/UE kienet tikkonċerna madwar (għall-perjodu 2014/2015) 1 500 azjenda tal-bhejjem tal-ifrat, 425 102 unità ta' bhejjem u 205 165 ettaru ta' art li tinħadem, li jikkorrispondu rispettivament għal 4,0 % tal-għadd totali ta' azjendi, 18,6 % tal-unitajiet ta' bhejjem totali u 8,2 % tal-erja totali li tinħadem fid-Danimarka.

    (3)

    Fl-4 ta' Frar 2016, id-Danimarka ressqet talba għat-tiġdid tad-deroga lill-Kummissjoni skont it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE.

    (4)

    Id-Danimarka stabbilixxiet programm ta' azzjoni għall-perjodu 2016 sal- 2018, b'konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/676/KEE, permezz ta' partijiet tal-Ordni dwar bhejjem kummerċjali, demel tal-bhejjem, silaġġ, eċċ. Nru 1324 tal-15 ta' Novembru 2016, l-Att Konsolidat dwar l-użu mill-farms ta' fertilizzant u dwar il-kopertura veġetali Nru 388 tas-27 ta' April 2016 u l-Ordni dwar l-użu mill-farms ta' fertilizzanti fil-perjodu tal-ippjanar 2016/2017 Nru 1055 tal-1 ta' Lulju 2016, skema ġdida għall-għelejjel tat-titwiq fil-mira, parti obbligatorja, kif iddikjarat fl-Att dwar l-użu mill-farms ta' fertilizzanti u dwar il-kopertura veġetali. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni Daniża tinkludi regolament ġenerali ġdid dwar il-fosforu, skont l-Att dwar l-approvazzjoni ambjentali eċċ. ta' azjendi agrikoli u l-Ordni dwar bhejjem kummerċjali, demel tal-bhejjem, silaġġ eċċ.

    (5)

    Il-leġiżlazzjoni Daniża li timplimenta d-Direttiva 91/676/KEE tistabbilixxi limiti għall-użu tan-nitroġenu. Ġiet adottata leġiżlazzjoni li tillimita l-użu tal-fosforu u din se tidħol fis-seħħ f'Awwissu 2017.

    (6)

    Ir-rapport Daniż dwar “L-Istatus u l-bixriet tal-ambjent akkwatiku u tal-prattika agrikola” fir-rigward tal-perjodu 2012 sal-2015 juri bilanċ favorevoli annwali fil-livell nazzjonali ta' 80 kg N/ettaru fl-2014 u rilaxx totali ta' nitroġenu fil-baħar li ġej mill-agrikoltura ta' bejn wieħed u ieħor 70 % tat-total fl-2012. Id-Danimarka stmat li l-ammont ta' nitroġenu terrestri mitfugħ fl-ilmijiet kostali għandu jitnaqqas minn 56,8 Mt għal 44,7 Mt ta' N, b'appoġġ għal status ekoloġiku tajjeb.

    (7)

    Il-leġiżlazzjoni Daniża għandha tinkludi skema mmirata u kkombinata għall-għelejjel tat-titwiq volontarji u obbligatorji għall-2017 u l-2018. Skont din l-iskema, id-dispożizzjonijiet obbligatorji għall-għelejjel tat-titwiq għandhom jidħlu fis-seħħ awtomatikament jekk il-ftehimiet volontarji għall-għelejjel tat-titwiq ma jirnexxilhomx iwettqu l-għanijiet ambjentali. L-erjas b'għelejjel tat-titwiq għandhom ikunu b'żieda mar-rekwiżit nazzjonali tal-għelejjel tat-titwiq obbligatorji skont l-Att Daniż dwar l-użu mill-farms ta' fertilizzanti u dwar il-kopertura veġetali. Dawn il-miżuri huma meħtieġa biex jiġi żgurat li l-applikazzjoni tad-deroga attwali ma twassalx għal deterjorament tal-kwalità tal-ilma.

    (8)

    L-informazzjoni mogħtija mid-Danimarka fil-kuntest tad-deroga mogħtija bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/659/UE turi li d-deroga ma wasslitx għal deterjorament tal-kwalità tal-ilma meta jsir paragun mal-erjas mhux koperti mid-deroga. Id-dejta ppreżentata mid-Danimarka dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 91/676/KEE għall-perjodu 2012 sal-2015 (6) turi li fid-Danimarka, għall-ilma ta' taħt l-art, madwar 16 % tal-istazzjonijiet ta' monitoraġġ għandhom konċentrazzjonijiet ta' nitrati li jaqbżu l-50 mg/l u madwar 23 % tal-istazzjonijiet ta' monitoraġġ għandhom konċentrazzjonijiet ta' nitrati li jaqbżu l-40 mg/l. Id-dejta tal-monitoraġġ turi tendenza stabbli fil-konċentrazzjoni ta' nitrati fl-ilma ta' taħt l-art meta mqabbla ma' dik tal-perjodu preċedenti tar-rappurtar (2008 sal-2011). Għall-ilma tal-wiċċ, il-biċċa l-kbira tal-punti ta' monitoraġġ fl-ilmijiet tal-wiċċ juru medja ta' konċentrazzjonijiet ta' nitrati taħt il-50 mg/l u xejra stabbli fil-konċentrazzjonijiet tan-nitrati. Ir-rapport li jkopri l-perjodu 2012 sal-2015 jiddikjara li 2 minn 119-il ilma kostali kienu kklassifikati fi status “tajjeb”.

    (9)

    Il-Kummissjoni, wara li eżaminat it-talba tad-Danimarka abbażi tal-elementi deskritti fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE u fid-dawl tal-esperjenza miksuba mid-deroga kif stipulata fid-Deċiżjonijiet 2002/915/KE, 2005/294/KE, 2008/664/KE u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/659/UE, tqis li l-ammont ta' demel previst mid-Danimarka, 230 kg nitroġenu għal kull ettaru fis-sena, se jkun bla ħsara għall-ksib tal-għanijiet tad-Direttiva 91/676/KEE, sakemm ikunu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet stretti.

    (10)

    F'farms awtorizzati li japplikaw demel tal-bhejjem li fih sa 230 kg nitroġenu għal kull ettaru fis-sena, il-pjanijiet għall-fertilizzazzjoni jiġu aġġornati fil-ħin biex tiġi żgurata konsistenza fil-prattiki agrikoli attwali, u l-kopertura veġetali permanenti tal-erja li tinħadem u l-għelejjel tat-titwiq jintużaw sabiex jiġu rkuprati n-nitrati li jintilfu mis-saff sekondarju tal-ħamrija fil-ħarifa u sabiex jiġi limitat it-telf tan-nitroġenu fix-xitwa.

    (11)

    Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) tipprevedi approċċ transfruntier u komprensiv għall-ħarsien tal-ilma organizzat madwar id-distretti tal-baċiri idrografiċi, bil-għan li l-korpi tal-ilma Ewropej jiksbu status tajjeb sal-2015. It-tnaqqis tan-nutrijenti huwa parti integrali minn dak l-għan. L-għoti ta' deroga skont din id-Deċiżjoni huwa mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet skont id-Direttiva 2000/60/KE u ma jeskludix li jista' jkun hemm bżonn ta' miżuri addizzjonali biex jissodisfaw l-obbligi li joħorġu minnha.

    (12)

    Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) tistabbilixxi regoli ġenerali maħsuba għall-istabbiliment tal-Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fl-Unjoni għall-finijiet tal-politiki ambjentali tal-Unjoni u l-politiki jew l-attivitajiet li jista' jkollhom impatt fuq l-ambjent. Fejn applikabbli, l-informazzjoni ġeografika miġbura fil-kuntest ta' din id-Deċiżjoni għandha tkun konformi mad-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dik id-Direttiva. Sabiex jonqos il-piż amministrattiv u tiżdied il-koerenza tad-dejta, id-Danimarka, meta tiġbor id-dejta neċessarja skont din id-Deċiżjoni għandha tuża l-informazzjoni ġġenerata skont is-Sistema Integrata ta' Amministarazzjoni u Kontroll stabbilita skont il-Kapitolu II tat-Titolu V tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

    (13)

    Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar in-Nitrati stabbilit skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 91/676/KEE.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Deroga

    Id-deroga mitluba mid-Danimarka permezz tal-ittra tal-4 ta' Frar 2016, bil-għan li jiġi awtorizzat l-użu fuq l-art ta' ammont ta' nitroġenu mid-demel tal-bhejjem li jkun ogħla minn dak previst fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE, qed tingħata soġġetta għall-kundizzjonijiet stipulati f'din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Kamp ta' applikazzjoni

    Din id-deroga tapplika għal farms tal-bhejjem tal-ifrat fejn in-newba tal-għelejjel tinkludi aktar minn 80 % ta' għelejjel b'assorbiment għoli ta' nitroġenu u bi staġun twil ta' tkabbir u li għalihom tkun ingħatat awtorizzazzjoni f'konformità mal-Artikolu 5.

    Artikolu 3

    Definizzjonijiet

    Għal finijiet ta' din id-Deċiżjoni, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

    (a)

    “Farm tal-bhejjem tal-ifrat” tfisser azjenda bi produzzjoni annwali ta' nitroġenu fid-demel tal-bhejjem ta' aktar minn 300 kg u li mill-inqas żewġ terzi ġejjin mill-bhejjem tal-ifrat;

    (b)

    “ħaxix” tfisser bur permanenti jew temporanju;

    (c)

    “għelejjel li jittewqu bil-ħaxix” tfisser silaġġ taċ-ċereali, silaġġ tal-qamħirrum, xgħir tar-rebbiegħa jew xgħir tar-rebbiegħa u piżelli, li għandhom jittewqu bil-ħaxix qabel jew wara l-ħsad;

    (d)

    “għelejjel b'assorbiment għoli ta' nitroġenu u bi staġun twil ta' tkabbir” tfisser kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

    (i)

    ħaxix;

    (ii)

    għelejjel tal-ħaxix tat-titwiq;

    (iii)

    pitravi għall-foraġġ;

    (iv)

    għelejjel li jittewqu bil-ħaxix;

    (e)

    “profil tal-ħamrija” tfisser is-saff tal-ħamrija li jinsab taħt il-wiċċ tal-art sa fond ta' 0,90 m jew sal-medja tal-ogħla livell ta' ilma tal-pjan fejn dak il-livell huwa inqas minn 0,90 m taħt il-wiċċ tal-art;

    Artikolu 4

    Kundizzjonijiet tad-deroga

    Id-deroga qed tingħata bil-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    Minn Awwissu 2017 għandu jidħol fis-seħħ regolament dwar il-fosforu li jistabbilixxi limiti diretti ta' fosforu f'livelli differenti madwar il-pajjiż skont il-pożizzjoni ġeografika u t-tip ta' fertilizzant. Il-limiti għandhom ikopru l-użu tal-fosforu minn kull tip ta' fertilizzant: fertilizzanti organiċi, inkluż id-demel, id-diġestat tal-bijogass, il-bijomassa veġetali mingħajr gass, il-ħama mit-trattament tad-drenaġġ kif ukoll il-fertilizzanti industrijali. Limiti aktar stretti dwar l-użu tal-fosforu li jkopru t-tipi kollha ta' fertilizzanti għandhom jiġu applikati f'żoni ta' qbid b'ambjent akkwatiku vulnerabbli għall-fosforu.

    (2)

    Għandha tidħol fis-seħħ sistema ta' indikaturi u ta' monitoraġġ fir-rigward tal-ammont ta' fosforu applikat fuq artijiet agrikoli fid-Danimarka. Jekk is-sistema tal-indikaturi jew is-sistema tal-monitoraġġ juru li l-medja annwali tar-rata reali ta' fertilizzazzjoni tal-fosforu fuq ħamrija agrikola fid-Danimarka tista' taqbeż jew tkun fil-fatt qabżet il-medja tal-livelli nazzjonali ta' fertilizzazzjoni tal-fosforu li għandhom jintlaħqu matul il-perjodu 2018–2025, il-limiti għall-użu massimu tal-fosforu se jitnaqqsu kif meħtieġ.

    (3)

    Għandha tidħol fis-seħħ skema mmirata u kkombinata għall-għelejjel tat-titwiq volontarji u obbligatorji abbażi tal-ħtieġa li jitnaqqas il-kontenut tan-nitrati f'korpi ta' ilma ta' taħt l-art jew f'ilmijiet kostali. Skont din l-iskema, id-dispożizzjonijiet obbligatorji għall-għelejjel tat-titwiq għandhom jidħlu fis-seħħ awtomatikament jekk il-ftehimiet volontarji għall-għelejjel tat-titwiq ma jirnexxilhomx iwettqu l-għanijiet ambjentali.

    (4)

    L-għelejjel tat-titwiq stabbiliti skont din l-iskema għandhom ikunu addizzjonali għar-rekwiżit obbligatorju nazzjonali ta' 10 jew 14 % ta' għelejjel tat-titwiq fuq l-erja tal-art tar-raba' tal-farms, u ma jistgħux jiġu stabbiliti fuq l-istess erja użata sabiex jiġi ssodisfat rekwiżit tal-EFA għall-għelejjel tat-titwiq.

    Artikolu 5

    Awtorizzazzjoni annwali u impenn

    1.   Il-bdiewa li jrabbu l-bhejjem tal-ifrat jistgħu jippreżentaw applikazzjoni għal awtorizzazzjoni annwali sabiex japplikaw demel tal-bhejjem li fih sa 230 kg nitroġenu għal kull ettaru fis-sena lill-awtoritajiet kompetenti.

    Il-limitu taż-żmien għall-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għandu jkun l-istess bħall-iskadenza nazzjonali għall-applikazzjoni għal Pagament Uniku tal-fertilizzant u l-preżentazzjoni tal-kwoti tal-fertilizzanti u tal-pjan dwar l-għelejjel tat-titwiq.

    2.   Flimkien mal-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-applikant għandu jippreżenta dikjarazzjoni li hu jissodisal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 7, 8 u 9.

    Artikolu 6

    L-għoti tal-awtorizzazzjonijiet

    L-awtorizzazzjonijiet biex jiġi applikat ammont ta' demel tal-bhejjem tal-ifrat, inkluż demel li jipproduċu l-bhejjem infushom u demel ittrattat, li jkun fih sa 230 kg nitroġenu għal kull ettaru art fis-sena għandhom jingħataw soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 7 sa 9.

    Artikolu 7

    Kundizzjonijiet rigward l-użu tad-demel u fertilizzanti oħra

    1.   L-input tan-nitroġenu ma għandux jaqbeż id-domanda prevista ta' nutrijenti għall-għalla, b'kont meħud tal-provvista ta' nutrijenti mill-ħamrija. Ma għandux jaqbeż l-istandards massimi ta' użu, kif stabbiliti fl-Ordni dwar l-użu agrikolu ta' fertilizzanti matul il-perjodu tal-ippjanar 2016/2017 Nru 1055 (1/07/16), u fl-ordnijiet korrispondenti fil-perjodi ta' programmazzjoni suċċessivi.

    2.   Għandu jitħejja pjan ta' fertilizzazzjoni għas-superfiċji kollha tal-farm tal-bhejjem tal-ifrat. Dan għandu jinżamm fil-farm. Għandu jkopri l-perjodu bejn l-1 ta' Awwissu u l-31 ta' Lulju tas-sena suċċessiva. Il-pjan ta' fertilizzazzjoni għandu jinkludi dan li ġej:

    (a)

    pjan tan-newba tal-għelejjel, li jispeċifika dan li ġej:

    (1)

    is-superfiċji ta' rqajja' b'għelejjel b'assorbiment għoli ta' nitroġenu u bi staġun twil ta' tkabbir;

    (2)

    is-superfiċji ta' rqajja' b'għelejjel oħra għajr dawk imsemmija f'punt (1);

    (3)

    mappa li tindika l-post tal-irqajja' msemmija fil-punti (1) u (2) rispettivament;

    (b)

    l-għadd ta' bhejjem fil-farm u d-deskrizzjoni tal-post fejn jinżammu u tas-sistema tal-ħżin tad-demel, inkluż il-volum ta' ħżin ta' demel disponibbli;

    (c)

    kalkolu tan-nitroġenu u tal-fosforu fid-demel prodott fuq il-farm;

    (d)

    deskrizzjoni tat-trattament tad-demel, fejn applikabbli, u tal-karatteristiċi mistennija tad-demel ittrattat;

    (e)

    l-ammont, it-tip u l-karatteristiki tad-demel imwassal barra l-farm jew fil-farm;

    (f)

    ammont prevedibbli ta' nitroġenu u fosforu meħtieġa għall-għalla f'kull roqgħa;

    (g)

    kalkolu tal-użu tan-nitroġenu u tal-fosforu mid-demel għal kull roqgħa;

    (h)

    kalkolu tal-użu tan-nitroġenu u tal-fosforu minn fertilizzanti kimiċi u fertilizzanti oħrajn għal kull roqgħa;

    (i)

    indikazzjoni taż-żmien tal-użu tad-demel u tal-fertilizzanti kimiċi.

    Il-pjan ta' fertilizzazzjoni għandu jiġi rivedut mhux aktar tard minn sebat ijiem wara kwalunkwe bidla fil-prattiki agrikoli ġol-farm tal-bhejjem tal-ifrat. Il-kont tal-fertilizzazzjoni għandu jiġi ppreżentat lill-awtoritajiet kompetenti sa mhux aktar tard minn tmiem Marzu ta' kull sena.

    3.   Id-demel ma għandux jinfirex fil-perjodu bejn l-31 ta' Awwissu u l-1 ta' Marzu fuq bur li se jinħarat fir-rebbiegħa ta' wara.

    Artikolu 8

    Kundizzjonijiet rigward it-teħid ta' kampjuni u l-analiżi tal-ħamrija

    1.   Il-kampjuni għandhom jittieħdu minn fost l-ogħla 30 cm tal-ħamrija tal-art agrikola u analizzati għall-kontenut tagħhom ta' nitroġenu u fosforu.

    2.   It-teħid ta' kampjuni u l-analiżi għandhom jitwettqu tal-inqas darba kull erbgħa snin għal kull erja tal-farm li tippreżenta karatteristiċi omoġenji fir-rigward tan-newba tal-għelejjel u l-karatteristiċi tal-ħamrija.

    3.   It-teħid ta' kampjuni u l-analiżi għandhom jitwettqu tal-inqas għal kull ħames ettari ta' art agrikola.

    4.   Ir-riżultati tal-analiżi għandhom ikunu disponibbli għall-ispezzjoni fuq il-farm tal-bhejjem tal-ifrat.

    Artikolu 9

    Kundizzjonijiet rigward il-ġestjoni tal-art

    1.   80 % jew aktar tas-superfiċji disponibbli għall-użu tad-demel għandhom jiġu kkultivati b'għelejjel b'assorbiment għoli ta' nitroġenu u bi staġun twil ta' tkabbir.

    2.   L-għelejjel tal-ħaxix tat-titwiq ma għandhomx jinħartu qabel l-1 ta' Marzu tas-sena wara li jkunu ġew stabbiliti.

    3.   Il-bwar temporanji għandhom jinħartu fir-rebbiegħa. Għalla b'assorbiment għoli ta' nitroġenu u bi staġun twil ta' tkabbir għandha tinżera' mill-aktar fis possibbli, u mhux aktar tard minn 3 ġimgħat, wara li jkun inħarat il-ħaxix.

    4.   Għelejjel użati fin-newba tal-għelejjel ma għandhomx jinkludu pjanti leguminużi jew pjanti oħra li jipproċessaw in-nitroġenu atmosferiku, ħlief għal dan li ġej:

    (a)

    xnien f'bur b'inqas minn 50 % ta' xnien u alfalfa;

    (b)

    alfalfa f'bur b'inqas minn 50 % ta' xnien u alfalfa;

    (c)

    xgħir u piżelli li jittewqu bil-ħaxix;

    5.   L-istandards dwar il-fertilizzazzjonijiet tan-nitroġenu għall-għelejjel li jiġu wara bur temporanju għandhom jitnaqqsu bil-valur tan-nitroġenu tal-għalla preċedenti skont l-Ordni dwar l-użu agrikolu ta' fertilizzant matul il-perjodu tal-ippjanar 2016/2017 Nru 1055 (1/07/16), u l-ordnijiet korrispondenti fil-perjodi ta' ppjanar suċċessivi rigward l-istandards dwar il-fertilizzazzjoni, it-tabella dwar in-normi ta' fertilizzazzjoni għall-għelejjel agrikolu u ħxejjex, u bidliet sussegwenti.

    Artikolu 10

    Monitoraġġ

    1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-mapep jitfasslu biex juru dan li ġej:

    (a)

    il-persentaġġ tal-farms tal-bhejjem tal-ifrat f'kull muniċipalità li huma koperti minn awtorizzazzjonijiet;

    (b)

    il-persentaġġ tal-bhejjem f'kull muniċipalità li huma koperti minn awtorizzazzjonijiet;

    (c)

    il-persentaġġ tal-art agrikola f'kull muniċipalità li hija koperta minn awtorizzazzjonijiet;

    Dawk il-mapep għandhom jiġu aġġornati kull sena.

    L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiġbru dejta dwar in-newbiet tal-għelejjel u l-prattiki agrikoli koperti minn awtorizzazzjonijiet. Dik id-dejta għandha tiġi aġġornata kull sena.

    2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jimmonitorjaw l-ilma tar-riżosfera, l-ilmijiet tal-wiċċ u ta' taħt l-art, u għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni dejta dwar in-nitroġenu u l-fosforu fil-profil tal-ħamrija u l-konċentrazzjonijiet tan-nitrati fl-ilmijiet tal-wiċċ u ta' taħt l-art, kemm bil-kundizzjonijiet tad-deroga kif ukoll mingħajr.

    Il-monitoraġġ għandu jitwettaq fil-livell tal-farms fil-qafas tal-programm nazzjonali tal-monitoraġġ taż-żoni agrikoli ta' qbid. Is-siti ta' monitoraġġ għandhom ikunu rappreżentattivi tat-tipi ewlenin ta' ħamrija, il-prattiki ta' fertilizzazzjoni prevalenti u l-għelejjel ewlenin. Għandu jitwettaq monitoraġġ rinforzat f'żoni agrikoli ta' qbid fuq ħamrija mrammla.

    Barra minn hekk, il-konċentrazzjonijiet tan-nitrati fl-ilma tal-wiċċ u ta' taħt l-art għandhom jiġu sorveljati f'mill-inqas 3 % tal-farms kollha li jibbenefikaw minn awtorizzazzjonijiet.

    3.   L-awtoritajiet għandhom iwettqu stħarriġiet u analiżi kontinwa tan-nutrijenti fil-programm nazzjonali ta' monitoraġġ taż-żoni agrikoli ta' qbid u għandhom jipprovdu dejta dwar l-użu tal-art fil-livell lokali, in-newbiet tal-għelejjel u l-prattiki agrikoli fuq farms tal-bhejjem tal-ifrat li jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni.

    L-Informazzjoni u d-dejta miġbura mill-analiżi tan-nutrijenti kif imsemmi fl-Artikolu 7 u mill-monitoraġġ kif imsemmi fl-Artikolu 10(2) għandhom jintużaw għall-kalkoli bbażati fuq mudelli tat-telf tan-nitroġenu u tal-fosfru mill-farms tal-bhejjem tal-ifrat li jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni fuq il-bażi ta' prinċipji xjentifiċi.

    4.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkwantifikaw il-persentaġġi tal-art taħt deroga koperta:

    (a)

    bis-silla jew bl-alfalfa f'bur;

    (b)

    xgħir u piżelli li jittewqu bil-ħaxix.

    Artikolu 11

    Verifika

    1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet jitressqu għal kontroll amministrattiv. Meta l-kontroll juri li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 7, 8 u 9 ma jiġux issodisfati mill-applikant, l-applikazzjoni għandha tkun rifjutata u l-applikant għandu jiġi informat bir-raġunijiet għar-rifjut.

    2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu programm ta' spezzjonijiet ta' farms li jibbenefikaw minn awtorizzazzjonijiet.

    Dan il-programm għandu jkun ibbażat fuq analiżi tar-riskju filwaqt li jitqiesu r-riżultati tal-kontrolli tas-snin preċedenti fir-rigward tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 7, 8 u 9 u r-riżultati tal-kontrolli ta' konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 91/676/KEE.

    3.   L-ispezzjonijiet għandhom jikkonsistu minn spezzjonijiet fuq il-post u kontroll fuq il-post għall-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 7, 8 u 9 u għandhom ikopru kull sena mill-inqas 7 % tal-farms li jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni. Meta jkun instab li farm ma jikkonformax ma' dawn il-kundizzjonijiet, id-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jiġi mmultat skont il-liġi nazzjonali u m'għandux ikun eliġibbli għal awtorizzazzjoni s-sena ta' wara.

    4.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw is-setgħat u l-mezzi meħtieġa biex jivverifikaw il-konformità mal-kundizzjonijiet tad-deroga mogħtija skont din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 12

    Rappurtar

    L-awtoritajiet kompetenti għandhom, kull sena u mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru, jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni li jkun fih l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    mapep li juru l-persentaġġ tal-farms tal-bhejjem tal-ifrat, il-persentaġġ ta' bhejjem, il-persentaġġ tal-art agrikola koperta b'derogi individwali għal kull muniċipalità, kif ukoll mapep dwar l-użu tal-art fil-livell lokali, kif imsemmi fl-Artikolu 10(1);

    (b)

    ir-riżultati tal-monitoraġġ tal-ilma tal-pjan u l-ilma tal-wiċċ, fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet tan-nitrati u tal-fosforu, inkluża l-informazzjoni dwar ix-xejriet fil-kwalità tal-ilma, kemm jekk bil-kundizzjonijiet ta' deroga kif ukoll jekk le, flimkien mal-impatt tad-deroga fuq il-kwalità tal-ilma, kif imsemmi fl-Artikolu 10(2);

    (c)

    ir-riżultati tal-monitoraġġ tal-ħamrija fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet tan-nitroġenu u tal-fosforu fuq l-ilma tar-riżosfera, kemm bil-kundizzjonijiet tad-deroga kif ukoll bla deroga, kif imsemmi fl-Artikolu 10(2);

    (d)

    ir-riżultati tal-istħarriġiet dwar l-użu tal-art fil-livell lokal, in-newbiet tal-għelejjel u l-prattiki agrikoli, imsemmija fl-Artikolu 10(3);

    (e)

    ir-riżultati ta' kalkoli bbażati fuq mudelli ta' kemm hu kbir it-telf tan-nitroġenu u tal-fosforu minn farms li jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 10(3);

    (f)

    tabelli li juru l-persentaġġ ta' art agrikola taħt deroga koperta bix-xnien jew bl-alfalfa f'bur u bix-xgħir/bil-piżelli li jittewqu bil-ħaxix, kif imsemmi fl-Artikolu 10(4);

    (g)

    evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet tad-deroga, fuq il-bażi ta' kontrolli fil-livell tal-farms u ta' informazzjoni dwar il-farms li mhumiex konformi, abbażi tar-riżultati tal-ispezzjonijiet amministrattivi u fuq il-post, kif imsemmi fl-Artikolu 11;

    (h)

    ix-xejriet fl-għadd ta' bhejjem għal kull kategorija ta' bhejjem fid-Danimarka u fil-farms tad-deroga.

    Id-dejta ġeografika fir-rapport għandha, fejn applikabbli, tissodisfa d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2007/2/KE. Fejn xieraq, fil-ġbir tad-dejta meħtieġa d-Danimarka għandha tagħmel użu mill-informazzjoni ġġenerata taħt is-Sistema Integrata ta' Amministrazzjoni u Kontroll stabbilita skont l-Artikolu 67(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

    Artikolu 13

    Perjodu ta' Applikazzjoni

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta' Diċembru 2018.

    Artikolu 14

    Destinatarju

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tad-Danimarka.

    Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Mejju 2017.

    Għall-Kummissjoni

    Karmenu VELLA

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/915/KE tat-18 ta' Novembru 2002 dwar talba għal deroga skont il-paragrafu 2(b) tal-Anness III u l-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 319, 23.11.2002, p. 24).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/294/KE tal-5 ta' April 2005 dwar talba għal deroga skont il-punt 2(b) tal-Anness III u l-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 94, 13.4.2005, p. 34).

    (4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/664/KE tat-8 ta' Awwissu 2008 li temenda d-Deċiżjoni 2005/294/KE dwar talba għal deroga skont il-punt 2(b) tal-Anness III u l-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 217, 13.8.2008, p. 16).

    (5)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/659/UE tat-23 ta' Ottubru 2012 li tagħti deroga mitluba mir-Renju tad-Danimarka skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 295, 25.10.2012, p. 20).

    (6)  L-Aġenzija Daniża għall-Protezzjoni tal-Ambjent (ed.), L-istatus u x-xejriet tal-ambjent akkwatiku u tal-prattika agrikola fid-Danimarka, Rapport għall-Kummissjoni Ewropea għall-perjodu 2012–2015 skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar in-Nitrati (1991/676/KEE), Settembru 2016.

    (7)  Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1)

    (8)  Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).

    (9)  Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).


    Top