EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D0369

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/369 tas-27 ta' Frar 2017 li tissottoponi il-metil-2-[[1-(ċikloħeksilmetil)-1H-indol-3-karbonil]amino]-3,3-dimetilbutanoat (MDMB-CHMICA) għal miżuri ta' kontroll

ĠU L 56, 3.3.2017, p. 210–212 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2017/369/oj

3.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 56/210


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/369

tas-27 ta' Frar 2017

li tissottoponi il-metil-2-[[1-(ċikloħeksilmetil)-1H-indol-3-karbonil]amino]-3,3-dimetilbutanoat (MDMB-CHMICA) għal miżuri ta' kontroll

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI tal-10 ta' Mejju 2005 dwar l-iskambju ta' informazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-kontroll fuq sustanzi psikoattivi ġodda (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(3) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (2),

Billi:

(1)

Tfassal rapport dwar il-valutazzjoni tar-riskji dwar is-sustanza psikoattiva ġdida metil-2-[[1-(ċikloħeksilmetil)-1H-indol-3-karbonil]amino]-3,3-dimetilbutanoat (MDMB-CHMICA) skont l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI minn sessjoni speċjali tal-Kumitat Xjentifiku estiż taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga, u sussegwentement dan intbagħat lill-Kummissjoni u lill-Kunsill fit-28 ta' Lulju 2016.

(2)

MDMB-CHMICA hija kklassifikata bħala agonist sintetiku tar-riċettur kannabinojdi. Agonisti sintetiċi tar-riċettur kannabinojdi, imsejħin ukoll kannabinojdi sintetiċi, huma grupp kimikament varjat ta' sustanzi funzjonalment simili għal Δ9-tetraħidrokannabinol (Δ9-THC), il-prinċipju psikoattiv ewlieni tal-kannabis. Il-(Δ9-THC) u l-kannabinojdi sintetiċi naftalen-1-yl(1-pentil-1H-indol-3-yl)metanon (JWH-018) u 1-(5-flworopentil)-1H-indol-3-yl]-(naftalen-1-yl)-metanon (AM-2201) huma agonisti tar-riċettur kannabinojdi kkontrollati taħt il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar Sustanzi Psikotropiċi.

(3)

Il-qawwa kbira tal-MDMB-CHMICA u l-varjabilità kbira tal-ammonti tal-kompost fi “stimulanti legali” jikkostitwixxu riskju kbir ta' tossiċità akuta.

(4)

MDMB-CHMICA ilha disponibbli fis-suq tad-droga fl-Unjoni mill-inqas minn Awwissu 2014 u nstabet fi 23 Stat Membru. Hija mibjugħa bħala “stimulant legali” b'marka kummerċjali f'headshops, kif ukoll fuq l-Internet bħala sostitut “legali” għall-kannabis. L-informazzjoni disponibbli tissuġġerixxi li t-trabijiet fil-massa tal-MDMB-CHMICA huma prodotti minn kumpaniji kimiċi bbażati fiċ-Ċina. Dawn jiġu importati fl-Unjoni fejn jew jiġu pproċessati jew jiġu ppakkjati f'taħlitiet tat-tipjip kummerċjali jew mibjugħa bħala trab. Ma hemm l-ebda informazzjoni li tindika li hemm produzzjoni ta' MDMB-CHMICA fl-Unjoni.

(5)

MDMB-CHMICA hija tipikament amministrata permezz tat-tipjip ta' taħlita erbali li jew tiġi minn “stimulant legali” kummerċjali lest għall-użu jew, f'każijiet aktar rari, titħejja mill-utent stess. Fil-prodotti kummerċjali, ġeneralment mhuwiex iddikjarat jekk il-prodott ikunx fih MDMB-CHMICA jew xi agonisti sintetiċi tar-riċettur kannabinojdi oħra. Għalhekk, bosta individwi esposti għal MDMB-CHMICA jistgħu ma jkunux jafu li qegħdin jużaw is-sustanza. Barra minn hekk, tali konsumaturi jistgħu ma jkunux jafu d-doża li qed jużaw. Il-proċess tal-manifattura jista' wkoll iwassal għal distribuzzjoni żbilanċjata tas-sustanza fil-materjal tal-pjanti, bir-riżultat li xi prodotti jkun fihom “partijiet jaħarqu” fejn il-kannabinojd ikun ikkonċentrat ħafna, u dan iżid ir-riskju ta' tossiċità akuta u ta' tifqigħat ta' avvelenament tal-massa.

(6)

Id-dejta disponibbli tindika li l-MDMB-CHMICA tintuża minn utenti tal-kannabis, “psikonawti” u dawk li huma regolarment sottoposti għal proċeduri ta' testijiet tad-droga, inklużi dawk fil-ħabs.

(7)

Filwaqt li ma hemm l-ebda informazzjoni speċifika dwar l-effetti possibbli tal-MDMB-CHIMICA fuq l-ambjent soċjali dirett jew fuq is-soċjetà kollha kemm hi, bosta rapporti indikaw il-possibbiltà ta' vjolenza u aggressjoni bħala konsegwenza tal-użu tagħha. Barra minn hekk, is-sejbien ta' MDMB-CHIMICA f'każijiet ta' suspett ta' sewqan taħt l-influwenza indikaw potenzjal ta' riskju akbar għas-sigurtà pubblika.

(8)

Tmien Stati Membri rrappurtaw total ta' 28 mewt u 25 intossikazzjoni akuta assoċjati fejn il-MDMB-CHMICA ġie individwat. Kieku l-MDMB-CHMICA kellha ssir aktar disponibbli u tibda tintuża aktar, l-implikazzjonijiet għas-saħħa individwali u pubblika jistgħu jkunu sinifikanti.

(9)

Hemm ftit informazzjoni li tissuġġerixxi l-involviment potenzjali tal-kriminalità organizzata fil-manifattura, fid-distribuzzjoni, fit-traffikar u fil-forniment tal-MDMB-CHMICA fl-Unjoni.

(10)

L-MDMB-CHMICA mhijiex elenkata għall-kontroll skont il-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1961 dwar id-Drogi Narkotiċi jew skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar Sustanzi Psikotropiċi. Madankollu, hija elenkata fost is-sustanzi kkunsidrati għar-rieżami fit-38 Kumitat tal-Esperti tal-WHO dwar id-Dipendenza mid-Droga li jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Drogi Narkotiċi fuq il-miżuri ta' kontroll li huwa jqis xierqa.

(11)

Il-MDMB-CHIMICA ma għandha l-ebda użu mediku tal-bniedem jew veterinarju stabbilit jew rikonoxxut. Minbarra l-użu tagħha f'materjali ta' referenza analitiċi u fir-riċerka xjentifika li tinvestiga l-kimika, il-farmakoloġija u t-tossikoloġija tagħha bħala riżultat tal-feġġ tagħha fis-suq tad-droga, ma hemm l-ebda indikazzjoni li qed tintuża għal skopijiet oħra.

(12)

Ir-rapport dwar il-valutazzjoni tar-riskji juri li hemm evidenza xjentifika limitata disponibbli fuq il-MDMB-CHMICA u jindika li tkun meħtieġa aktar riċerka. Madankollu, l-evidenza u l-informazzjoni disponibbli dwar ir-riskji għas-saħħa u soċjali li toħloq is-sustanza jipprovdu raġunijiet suffiċjenti biex MDMB-CHMICA tiġi sottoposta għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha.

(13)

Billi 10 Stati Membri jikkontrollaw l-MDMB-CHMICA taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali f'konformità mal-obbligi tagħhom taħt il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar Sustanzi Psikotropiċi u billi ħames Stati Membri jużaw miżuri leġiżlattivi oħrajn biex jikkontrollawha, l-obbligu li din is-sustanza tkun sottoposta għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha jista' jgħin biex jiġi evitat il-feġġ ta' ostakli fl-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja transfruntieri, u jgħin fil-protezzjoni mir-riskji li d-disponibbiltà u l-użu tagħha jistgħu joħolqu.

(14)

Id-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI tikkonferixxi setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kunsill bil-ħsieb li jkun hemm reazzjoni rapida u bbażata fuq kompetenza esperta fil-livell tal-Unjoni għal meta jfiġġu sustanzi psikoattivi ġodda individwati u rrappurtati mill-Istati Membri, billi tissottoponi dawk is-sustanzi għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha. Billi l-kondizzjonijiet u l-proċedura biex jiġi attivat l-eżerċizzju ta' tali setgħat ta' implimentazzjoni ġew issodisfati, għandha tiġi adottata deċiżjoni ta' implimentazzjoni sabiex il-MDMB-CHMICA titqiegħed taħt kontroll fl-Unjoni kollha.

(15)

Id-Danimarka hi marbuta bid-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni li timplimenta d-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI.

(16)

L-Irlanda hi marbuta bid-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni li timplimenta d-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI.

(17)

Ir-Renju Unit mhuwiex marbut bid-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI u għalhekk mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni li timplimenta d-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-sustanza psikoattiva l-ġdida metil 2-[[1-(ċikloħeksilmetil)-1H-indol-3-karbonil]amino]-3,3-dimetilbutanoat (MDMB-CHMICA) għandha tkun sottoposta għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha.

Artikolu 2

Mill-aktar fis possibbli, iżda mhux aktar tard mill-4 ta' Marzu 2018, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa, skont il-liġi nazzjonali tagħhom, biex is-sustanza psikoattiva l-ġdida msemmija fl-Artikolu 1 tkun sottoposta għal miżuri ta' kontroll u pieni kriminali, kif previst taħt il-leġiżlazzjoni tagħhom, f'konformità mal-obbligi tagħhom taħt il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar is-Sustanzi Psikotropiċi.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data wara dik tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika f'konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Frar 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

K. MIZZI


(1)  ĠU L 127, 20.5.2005, p. 32.

(2)  Opinjoni tal-14 ta' Frar 2017 (għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).


Top