Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D0365

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/365 tal-4 ta' Lulju 2016 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.36387 (2013/C) (ex 2013/NN) (ex 2013/CP) implimentata minn Spanja għal Valencia Club de Fútbol Sociedad Anónima Deportiva, Hércules Club de Fútbol Sociedad Anónima Deportiva u Elche Club de Fútbol Sociedad Anónima Deportiva (notifikata bid-dokument C(2016) 4060) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2016/4060

ĠU L 55, 2.3.2017, p. 12–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/365/oj

2.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 55/12


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/365

tal-4 ta' Lulju 2016

dwar l-għajnuna mill-Istat SA.36387 (2013/C) (ex 2013/NN) (ex 2013/CP) implimentata minn Spanja għal Valencia Club de Fútbol Sociedad Anónima Deportiva, Hércules Club de Fútbol Sociedad Anónima Deportiva u Elche Club de Fútbol Sociedad Anónima Deportiva

(notifikata bid-dokument C(2016) 4060)

(It-test bl-Ispanjol biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni ddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, fir-rigward tal-għajnuna SA.36387 (2013/C) (ex 2013/NN) (ex 2013/CP), (1)

Wara li stiednet lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw il-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet ikkwotati hawn fuq u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   IL-PROĊEDURA

(1)

Fl-2012–2013 rapporti mill-istampa u informazzjoni mibgħuta miċ-ċittadini ġibdu l-attenzjoni tal-Kummissjoni għal allegazzjonijiet li l-gvern reġjonali ta' Valencia (“Generalitat Valenciana”) kien ta għajnuna mill-Istat fil-forma ta' garanziji għal self favur tliet klabbs tal-futbol f'Valencia. Valencia Club de Fútbol Sociedad Anónima Deportiva (“Valencia CF”), Hércules Club de Fútbol Sociedad Anónima Deportiva (“Hercules CF”) u Elche Club de Fútbol Sociedad Anónima Deportiva (“Elche CF”). Skont dawn ir-rapporti, il-garanzija favur Valenzja CF ġiet sussegwentement miżjuda talanqas darbtejn, sabiex jiġu koperti l-kapital, l-imgħax u l-ispejjeż li kienu għadhom ma tħallsux. Fit-8 ta' April 2013 Spanja ntalbet tikkummenta dwar dawn ir-rapporti. Spanja bagħtet informazzjoni lill-Kummissjoni fis-27 ta' Mejju u fit-3 ta' Ġunju 2013.

(2)

Permezz ta' ittra datata t-18 ta' Diċembru 2013, il-Kummissjoni infurmat lil Spanja li kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) fir-rigward tal-għajnuna (“id-deċiżjoni tal-ftuħ”). Spanja ppreżentat kummenti dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ permezz ta' ittra datata l-10 ta' Frar 2014.

(3)

Il-Kummissjoni talbet informazzjoni lil Spanja permezz ta' ittra tal-1 ta' Awwissu 2014, li għaliha wieġbet fit-30 ta' Settembru u fit-13 ta' Ottubru 2014. Il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali lil Spanja permezz ta' ittra tat-23 ta' Jannar 2015, li għaliha wieġbet fis-27 ta' April 2015.

(4)

L-Instituto Valenciano de Finanzas (“IVF”), l-istituzzjoni finanzjarja tal-Generalitat Valenciana, ippreżenta kummenti fit-3 ta' Novembru u fil-15 ta' Diċembru 2014, fl-20 ta' Frar, fil-25 ta' Frar, fil-31 ta' Marzu u fit-18 ta' Mejju 2015. IVF ippreżenta informazzjoni addizzjonali permezz ta' emails tat-3, 5, 13, 19, 20, 26 u tat-30 ta' Novembru 2015, tal-1, 11, 14, 15, 16, 17 u tat-18 ta' Diċembru 2015, u tal-4 u tat-13 ta' Mejju 2016.

(5)

Id-deċiżjoni tal-ftuħ ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2) fis-7 ta' Marzu 2014. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar il-miżuri. Il-Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet mingħand tliet partijiet interessati: Mil-Liga Nacional de Fútbol Profesional fis-7 ta' April 2014; mingħand Valencia CF fis-7 ta' April, fis-16 ta' Ġunju, fit-30 ta' Ottubru u fil-15 ta' Diċembru 2014, u fit-12 ta' Mejju 2015; u mingħand Fundaciόn Valencia Club de Fútbol (“Fundacion Valencia”) fid-19 ta' Mejju 2015. Bagħtithom lil Spanja, li ngħatat l-opportunità li tirreaġixxi; il-kummenti ta' Spanja waslu permezz ta' ittri datati t-30 ta' Settembru u t-13 ta' Ottubru 2014 u t-3 ta' Lulju 2015. Valencia CF ippreżenta kjarifiki ulterjuri fl-14 ta' Diċembru 2015 u fis-26 ta' Jannar 2016. Fid-29 ta' Jannar 2015 saret laqgħa fi Brussell bil-parteċipazzjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni, tal-awtoritajiet Spanjoli, tar-rappreżentanti ta' IVF u tar-rappreżentanti ta' Valencia CF.

2.   DESKRIZZJONI TAL-MIŻURI U TAL-BENEFIĊJARJI

2.1.   Miżura 1: il-garanzija tal-Istat tal-2009 favur Valencia CF

(6)

Fil-5 ta' Novembru 2009, IVF ipprovda garanzija għal self bankarju ta' EUR 75 miljun minn Bancaja (issa Bankia) lil Fundacion Valencia. IVF huwa istituzzjoni pubblika ta' finanzjament taħt il-kontroll tal-Generalitat Valenciana, u r-rappreżentanti ta' dan tal-aħħar jipparteċipaw ukoll fil-Kunsill Ġenerali u fil-Kumitat ta' Investiment ta' IVF.

(7)

L-għan speċifiku tas-self, kif iddikjarat fid-deċiżjoni dwar l-għoti tal-garanzija tal-IVF lil Fundacion Valencia, kien li jiġi ffinanzjat l-akkwist ta' ishma ta' Valencia CF minn Fundacion Valencia, fil-kuntest tad-deċiżjoni minn Valencia CF biex iwettaq żieda fil-kapital ta' EUR 92,4 miljun għall-ħruġ ta' 1 922 250 sehem ġdid (li wassal biex l-għadd totali ta' ishma jlaħħaq iż-2 114 475). L-ishma l-ġodda kienu sottoskritti b'parità ma' dawk eżistenti, għal valur nominali ta' EUR 48,08 għal kull sehem. Permezz ta' dan is-self, Fundacion Valencia akkwista 70,6 % tal-ishma totali ta' Valencia CF għall-prezz imsemmi hawn fuq ta' EUR 48,08 għal kull sehem. Parteċipazzjonijiet oħra fl-istess żieda fil-kapital laħħqu l-ammont ta' EUR 18,8 miljuni. Sussegwentement, minn dawn l-ishma, 52 212-il sehem inbiegħu għall-prezz ta' EUR 56,50 kull sehem matul is-sena finanzjarja 2010–2011, 878 sehem inbiegħu għall-prezz ta' EUR 57,00 kull sehem matul is-sena finanzjarja 2011–2012, u 1 481 368 sehem inbiegħu għall-prezz ta' EUR 67,50 kull sehem fis-sena finanzjarja 2013–2014.

(8)

Il-garanzija minn IVF kopriet 100 % tas-somma kapitali ewlenija tas-self, flimkien mal-imgħax u l-ispejjeż tat-tranżazzjoni garantita. Kien hemm primjum annwali ta' garanzija ta' 0,5 % għall-IVF u tariffa ta' impenn ta' darba ta' 1 % (3), li kellha titħallas minn Fundacion Valencia. Bħala kontrogaranzija, IVF irċieva rahan subordinat wara Bankia fuq l-ishma ta' Valencia CF proprjetà ta' Fundacion Valencia. It-tul tas-self sottostanti kien ta' sitt snin, li matulu kien hemm perjodu ta' grazzja (għall-ħlas tal-kapital tas-self) ta' erba' snin. Ir-rata tal-imgħax tas-self sottostanti kienet ekwivalenti għal: (a) 6 % sas-26 ta' Awwissu 2010 (l-ewwel sena tas-self); u (b) mis-26 ta' Awwissu 2010 'l quddiem, Euribor sena + marġini ta' 3,5 % b'rata minima ta' 6 %. L-iskeda miftiehma ta' ħlasijiet tal-kapital tas-self ipprevediet ħlasijiet lura annwali tal-imgħax li kellhom jibdew f'Awwissu 2010, filwaqt li fir-rigward tal-kapital tas-self ġie miftiehem li fis-26 ta' Awwissu 2014 jitħallsu EUR 37,5 miljuni u EUR 37,5 miljun fis-26 ta' Awwissu 2015. Il-ħlas lura tal-prinċipal u tal-imgħax tas-self kien previst li kien se jiġi ffinanzjat mid-dħul mill-bejgħ tal-ishma li Fundacion Valencia kien akkwista f'Valencia CF.

2.2.   Miżura 2: il-garanzija tal-Istat tal-2010 favur Hercules CF

(9)

Fis-26 ta' Lulju 2010, IVF ipprovda garanzija għal self bankarju ta' EUR 18-il miljun minn Caja de Ahorros del Mediterráneo lil Fundacion Hercules. L-għan speċifiku tas-self, kif iddikjarat fid-deċiżjoni dwar l-għoti tal-garanzija tal-IVF lil Fundacion Hercules, kien li jiġi ffinanzjat l-akkwist ta' ishma ta' Hercules CF minn Fundacion Valencia, fil-kuntest taż-żieda fil-kapital deċiża minn Hercules CF, permezz ta' injezzjoni ta' kapital. Il-garanzija kopriet 100 % tas-somma kapitali ewlenija tas-self, flimkien mal-imgħax u l-ispejjeż tat-tranżazzjoni garantita. Kien hemm primjum ta' garanzija ta' 1 % għal IVF, li kellu jitħallas mill-Fundacion Hercules. Bħala kontrogaranzija, IVF irċieva rahan fuq l-ishma ta' Hercules CF propjetà ta' Fundacion Hercules; b'mod proviżorju sar-rahan tal-ishma, IVF irċieva garanzija mingħand is-sid tal-istadju José Rico Pérez, Aligestión Integral SA, u r-rahan tal-ishma f'Hercules CF proprjetà ta' Aligestión Integral SA. It-tul tas-self sottostanti kien ta' ħames snin. Ir-rata tal-imgħax tas-self sottostanti kienet ekwivalenti għal: (a) rata fissa ta' 4 % fl-ewwel 36 xahar; u (b) Euribor sena + marġini ta' 2 % matul l-aħħar 24 xahar. Kien hemm ukoll tariffa ta' impenn ta' 0,5 %. Il-ħlas lura tas-self garantit (kapital u mgħax) kien previst li kien se jsir permezz tal-bejgħ tal-ishma akkwistati f'Hercules CF.

(10)

Wara l-għoti tal-garanzija tal-Istat minn IVF, Fundacion Hercules ma ħallasx lura s-self sottostanti. Bħala riżultat, fl-24 ta' Jannar 2012, IVF, li kellu jissodisfa l-obbligu ġuridiku tiegħu bħala garanti, ħallas lura l-ammont ta' EUR 18,4 miljuni lill-bank mutwanti, issostitwixxa lil dan tal-aħħar bħala l-kreditur tas-self inkwistjoni u sussegwentement beda proċedimenti legali kontra Fundacion Hercules CF sabiex jirkupra l-ammont imsemmi hawn fuq.

2.3.   Miżura 3: il-garanzija tal-Istat tal-2011 favur Elche CF

(11)

Fis-17 ta' Frar 2011, IVF ipprovda żewġ garanziji għal żewġ kuntratti ta' self bankarju li laħħqu l-EUR 14-il miljun, mingħand Caja de Ahorros del Mediterráneo (EUR 9 miljuni) u mingħand Banco de Valencia (EUR 5 miljuni), lil Fundacion Elche. L-għan speċifiku taż-żewġ kuntratti ta' self, kif iddikjarat fid-deċiżjoni dwar l-għoti tal-garanzija ta' IVF lil Fundacion Elche, kien li jiġi ffinanzjat l-akkwist ta' ishma ta' Elche CF minn Fundacion Elche, fil-kuntest taż-żieda fil-kapital deċiża minn Elche CF, permezz ta' injezzjoni ta' kapital. Il-garanziji koprew 100 % tas-somma kapitali ewlenija tas-self, flimkien mal-imgħax u l-ispejjeż tat-tranżazzjoni garantita. Kien hemm primjum ta' garanzija ta' 1 % għal IVF, li kellu jitħallas mill-Fundacion Elche. Bħala kontrogaranzija, IVF irċieva rahan fuq l-ishma ta' Elche CF, proprjetà ta' Fundacion Elche. It-tul tas-self sottostanti kien ta' ħames snin. Ir-rata tal-imgħax tas-self sottostanti kienet ekwivalenti għal Euribor sena + marġini ta' 3,5 %. Kien hemm ukoll tariffa ta' impenn ta' 0,5 %. Il-ħlas lura tas-self garantit (kapital u mgħax) kien previst li kien se jsir permezz tal-bejgħ tal-ishma akkwistati f'Elche CF.

2.4.   Miżura 4: iż-żidiet tal-2010 u tal-2013 tal-garanzija tal-Istat tal-2009 favur Valencia CF

(12)

Fl-10 ta' Novembru 2010, IVF żied il-garanzija tiegħu lil Fundacion Valencia b'EUR 6 miljuni. L-iskop taż-żieda fil-garanzija kien biex tiġi koperta żieda fis-self eżistenti ta' EUR 6 miljuni ta' Bankia bl-għan li jitħallsu l-kapital, l-imgħax u l-ispejjeż li kienu għadhom ma tħallsux, li kienu ġejjin mill-pagament ta' imgħax inadempjenti tas-26 ta' Awwissu 2010 tas-self garantit. Bħala riżultat ta' din iż-żieda, l-iskeda inizjali tal-ħlas tal-kapital tas-self sottostanti (ara l-premessa 7 hawn fuq) inbidlet u pprevediet ħlasijiet lura ta' EUR 40,5 miljuni fis-26 ta' Awwissu 2014 u ta' EUR 40,5 miljuni fis-26 ta' Awwissu 2015. Ir-rata tal-imgħax tas-self baqgħet l-istess.

(13)

Skont is-sottomissjonijiet tal-awtoritajiet Spanjoli u ta' Valencia CF matul il-proċedura ta' investigazzjoni formali, fi Frar 2013 IVF ħallas EUR 4,9 miljuni sabiex ikopri l-invokazzjoni parzjali tal-garanzija mill-Istat minn Bankia minħabba li ma kienx sar il-ħlas parzjali tal-imgħax tas-26 ta' Awwissu 2012. F'Diċembru 2013 il-Kummissjoni, abbażi tal-informazzjoni disponibbli dak iż-żmien, fetħet il-proċedura ta' investigazzjoni formali, abbażi tal-konvinzjoni li fi Frar 2013 IVF kien żied il-garanzija eżistenti tiegħu b'mod simili għaż-żieda fil-garanzija tal-10 ta' Novembru 2010.

2.5.   Il-benefiċjarji

(14)

Valencia CF huwa klabb tal-futbol professjonali Spanjol ibbażat f'Valencia u twaqqaf fl-1919. Jipparteċipa fl-ewwel lîg Spanjol (“La Liga”) u huwa wieħed mill-akbar klabbs tal-futbol fil-futbol Spanjol u dak Ewropew. Valencia CF rebaħ sitt titoli tal-La Liga u seba' trofei tal-Copa del Rey. Fit-tabella globali ta' kull żmien tal-La Liga, Valencia jinsab fit-tielet pożizzjoni wara Real Madrid CF u FC Barcelona. Wasal ukoll fil-finali ta' tmien kampjonati Ewropej kbar, u rebaħ ħamsa minnhom. Valencia CF kien ukoll membru tal-grupp G-14 tal-aqwa klabbs tal-futbol Ewropej. Fi Spanja huwa t-tielet l-aktar klabb tal-futbol favorit tal-partitarji. Huwa wkoll wieħed mill-akbar klabbs fid-dinja f'termini ta' għadd ta' membri (partitarji abbonati reġistrati), b'aktar minn 50 000 detentur ta' biljetti staġjonali u aktar minn 20 000 persuna fuq il-lista ta' stennija għal biljett staġjonali, u jilgħab il-partiti ġewwa pajjiżu (home) fl-istadju Mestalla li jiflaħ 55 000 spettatur.

(15)

It-Tabella 1 hawn taħt tinkludi d-data dwar il-prestazzjoni finanzjarja ta' Valencia CF matul il-perjodu ta' bejn Ġunju 2007 u Ġunju 2012.

Tabella 1

Data finanzjarja ewlenija ta' Valencia CF bejn Ġunju 2007– Ġunju 2012

(f'miljuni ta' EUR)

 

7/2006–6/2007

7/2007–6/2008

7/2008–6/2009

7/2009–6/2010

7/2010–6/2011

7/2011–6/2012

Fatturat

107,6

99,4

82,4

101,3

116,8

119,6

QQT (qligħ qabel it-taxxa)

– 26,1

12,4

– 59,2

17,9

0,1

8,3

Marġini ta' QQT (proporzjon)

– 0,24

0,12

– 0,72

0,18

0,00

0,07

Kapital reġistrat

9,2

9,2

9,2

101,7

101,7

101,7

Ekwità proprja

– 26,3

5,9

– 33,3

57,3

55,4

57,6

Dejn/Ekwità (proporzjon)

– 11,1

73,5

– 16,5

8,0

6,9

6,6

Sors: Rapport annwali u ġbir ta' data kummerċjali.

(16)

Fundacion Valencia huwa fondazzjoni mingħajr skop ta' qligħ li l-għan li fuqha hija msejsa huwa li dak li “tippreserva, ixxerred u tippromwovi l-aspetti kulturali u soċjali, relatati mal-isports ta' Valenzja Club de Fútbol u r-rabta bejn il-Klabb u l-partitarji tiegħu”. Fundacion Valencia ġie stabbilit fl-1996 u ilu minn dakinhar azzjonist f'Valencia CF. L-attivitajiet ta' Fundacion Valencia huma relatati, fost oħrajn, mal-promozzjoni tal-futbol, il-ġestjoni tat-timijiet taż-żgħażagħ ta' Valencia CF u l-promozzjoni tal-futbol tan-nisa u dak amatorjali. Wara l-injezzjoni ta' kapital inkwistjoni (ara l-premessa 7 hawn fuq), Fundacion Valencia akkwista interess kontrollanti f'Valencia CF, b'mod partikolari 72 % kontra 1,6 % li kien jikkontrolla qabel l-injezzjoni ta' kapital, u sar l-entità prinċipali ta' Valencia CF (4). Barra minn hekk, il-membri kollha tal-Bord tad-Diretturi ta' Valencia CF kienu wkoll membri tal-Bord ta' Fundacion Valencia.

(17)

It-Tabella 2 hawn taħt tinkludi d-data finanzjarja ta' Fundacion Valencia fil-perjodu ta' bejn Ġunju 2008 u Ġunju 2011.

Tabella 2

Data finanzjarja ewlenija ta' Fundacion Valencia Ġunju 2008– Ġunju 2011

(f'miljuni ta' EUR)

 

7/2007–6/2008

7/2008–6/2009

7/2009–6/2010

7/2010–6/2011

Dħul Gross

1,7

1,8

1,2

1,5

QQT

– 0,01

0,00

– 4,4

– 4,8

Assi Totali

0,6

0,6

74,1

71,8

Ekwità proprja

0,03

0,03

– 4,4

– 9,9

Dejn

0,5

0,6

76,5

81,6

Sors:Rapporti annwali ta' Fundacion Valencia.

(18)

Hercules CF huwa klabb tal-futbol professjonali Spanjol ibbażat f'Alicante, fir-reġjun ta' Valencia. Twaqqaf fl-1922, u attwalment jilgħab fit-tielet diviżjoni Spanjola (“Segunda División B”), u jilgħab il-partiti ġewwa pajjiżu fl-istadju José Rico Pérez li jiflaħ 30 000 spettatur. Fiż-żmien tal-miżuri taħt skrutinju (Lulju 2010), Hercules CF kien għadu kif ikkwalifika għal-La Liga bħala runner-up tat-tieni diviżjoni Spanjola (“Segunda División”) tal-istaġun 2009–2010. Kif ippreżentat mill-awtoritajiet Spanjoli, fil-25 ta' Jannar 2012, Hercules CF daħal fi ftehim mal-maġġoranza tal-kredituri privati tiegħu li kienu bdew proċedimenti ta' insolvenza li bdew fil-5 ta' Lulju 2011 (“concurso de acreedores”), li kien jinkludi valwazzjoni negattiva tad-dejn ta' 50 % tat-talbiet tagħhom u differiment ta' seba' snin tal-ħlasijiet ta' pretensjonijiet ordinarji, li seta' jiġi estiż b'sentejn f'każ li jitlef l-istatus professjonali tiegħu. It-Tabella 3 hawn taħt tinkludi d-data dwar il-prestazzjoni finanzjarja ta' Hercules CF fil-perjodu ta' bejn Ġunju 2008 u Ġunju 2012.

Tabella 3

Data finanzjarja ewlenija ta' Hercules CF Ġunju 2008– Ġunju 2012

(f'miljuni ta' EUR)

 

7/2007–6/2008

7/2008–6/2009

7/2009–6/2010

7/2010–6/2011

7/2011–6/2012

Fatturat

4,0

4,1

5,4

24,8

6,2

QQT

– 5,7

– 9,8

– 17,6

– 12,9

– 0,4

Marġini ta' QQT (proporzjon)

– 1,4

– 2,4

– 3,3

– 0,5

– 0,1

Kapital reġistrat

3,8

3,8

3,8

21,2

21,2

Ekwità proprja

– 22,6

– 29,6

– 29,4

– 39,0

– 36,6

Dejn/Ekwità (proporzjon)

– 1,1

– 1,0

– 1,6

– 1,3

– 1,4

Sors: Rapport annwali u ġbir ta' data kummerċjali.

(19)

Fundaciόn Hércules de Alicante (“Fundacion Hercules”) huwa organizzazzjoni li l-missjoni tagħha huwa li tippromwovi l-benessri soċjali u kwistjonijiet relatati ma' Hercules CF, u mhijiex involuta f'attivitajiet ekonomiċi. Bl-injezzjoni ta' kapital inkwistjoni (ara l-premessa 9 hawn fuq), Fundacion Hercules akkwista 81,96 % u b'hekk interess kontrollanti f'Hercules CF, bl-azzjonist ikklassifikat fit-tieni pożizzjoni jippossjedi 16,99 % (qabel l-injezzjoni ta' kapital, Fundacion Hercules ma kellux ishma). Barra minn hekk, kif previst mill-istatuti u mir-regolamenti lokali ta' Fundacion Hercules, il-membri tal-Bord tad-Diretturi ta' Hercules CF huma legalment membri tal-korp governattiv ta' Fundacion Hercules (“Patronato”). It-Tabella 4 hawn taħt tinkludi d-data finanzjarja ta' Fundacion Hercules fil-perjodu ta' bejn Ġunju 2009 u Ġunju 2011.

Tabella 4

Data finanzjarja ewlenija ta' Fundacion Hercules Ġunju 2009–Ġunju 2011

(f'miljuni ta' EUR)

 

7/2008–6/2009

7/2009–6/2010

7/2010–6/2011

Dħul Gross

0,6

0,4

0,4

QQT

0,0

0,0

0,0

Assi Totali

0,06

0,12

17,58

Ekwità proprja

0,03

0,03

–1,00

Dejn

0,03

0,09

18,58

Sors: Rapporti annwali ta' Fundacion Hercules.

(20)

Elche CF huwa klabb tal-futbol professjonali Spanjol ibbażat f'Elche, fil-provinċja ta' Alicante, fir-reġjun ta' Valencia. Twaqqaf fl-1923, u attwalment jilgħab fit-tieni diviżjoni Spanjola, u jilgħab il-partiti f'pajjiżu (home) fl-istadju Manuel Martínez Valero li jiflaħ 38 750 spettatur. Fiż-żmien li fih ingħataw il-miżuri inkwistjoni (Frar 2011), kien qiegħed jilgħab fit-tieni diviżjoni, filwaqt li sussegwentement fl-istaġuni 2013–14 u 2014–15 lagħab fil-La Liga. It-Tabella 5 hawn taħt tinkludi d-data dwar il-prestazzjoni finanzjarja ta' Elche CF fil-perjodu ta' bejn Ġunju 2007 u Ġunju 2011. Kif ippreżentat mill-awtoritajiet Spanjoli, fis-6 ta' Awwissu 2015 Elche CF daħal fi proċedimenti ta' insolvenza.

Tabella 5

Data finanzjarja ewlenija ta' Elche CF Ġunju 2007– Ġunju 2011

(f'miljuni ta' EUR)

 

7/2006–6/2007

7/2007–6/2008

7/2008–6/2009

7/2009–6/2010

7/2010–6/2011

Fatturat

5,9

7,1

4,4

4,4

4,8

QQT

– 16,2

– 13,9

– 13,3

– 11,1

1,4

Marġini ta' QQT (proporzjon)

– 11,1

– 10,5

– 10,8

– 10,3

0,3

Kapital reġistrat

13,4

13,4

17,4

8,1

22,1

Ekwità proprja

16,0

12,1

– 110,2

– 110,2

4,3

Dejn/Ekwità (proporzjon)

1,9

2,7

– 12,7

– 12,7

4,6

Sors: Rapport annwali ta' Elche CF.

(21)

Fundaciόn Elche Club de Fútbol (“Fundacion Elche”) huwa organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ fir-reġjun ta' Valencia, li l-missjoni tagħha huwa li tippromwovi u tiżviluppa attivitajiet relatati mal-isport, u mhijiex involuta f'attivitajiet ekonomiċi. Bl-injezzjoni ta' kapital inkwistjoni (ara l-premessa 10 hawn fuq), Fundacion Elche akkwista interess kontrollanti ta' 63,45 % bħala l-uniku azzjonist ta' Elche CF b'aktar minn 10 % (qabel l-injezzjoni ta' kapital ma kellux ishma). Barra minn hekk, il-maġġoranza tal-membri tal-Bord tad-Diretturi ta' Elche CF kienu wkoll membri tal-Bord ta' Fundacion Elche.

(22)

It-Tabella 6 hawn taħt tinkludi d-data finanzjarja ta' Fundacion Elche fil-perjodu ta' bejn Ġunju 2009 u Ġunju 2011.

Tabella 6

Data finanzjarja ewlenija ta' Fundacion Elche Diċembru 2009–Diċembru 2011

(f'miljuni ta' EUR)

 

2009

2010

2011

Dħul Gross

0,2

0,3

0,3

QQT

0,0

0,0

0,0

Assi Totali

1,8

1,4

15,4

Ekwità proprja

1,4

1,4

1,4

Dejn

0,4

0,08

14,1

Sors: Rapporti annwali ta' Fundacion Elche.

2.6.   Il-pjan ta' vijabbiltà tal-2009 ta' Valencia CF

(23)

Skont l-awtoritajiet Spanjoli, id-deċiżjoni ta' IVF li jagħti l-garanzija tal-2009 favur Valencia CF ittieħdet abbażi ta' “pjan ta' vijabbiltà” datat Mejju 2009. Dak il-pjan ta' vijabbiltà kien jinkludi:

(a)

Preżentazzjoni tad-data finanzjarja ta' Valencia CF fil-perjodu ta' bejn Ġunju 2004 u Ġunju 2009, b'referenzi għall-punti ewlenin dwar is-sitwazzjoni ekonomika diffiċli tal-klabb:

Attivitajiet li konsistentement kienu qegħdin jagħmlu telf kemm fin-negozju ġenerali kif ukoll fix-xiri u fil-bejgħ tad-drittijiet fuq il-plejers.

Il-waqfien tal-bini ta' stadju ġdid minħabba żvijar sinifikanti fil-baġit ta' EUR 366 miljun, minħabba nuqqas ta' riżorsi għall-finanzjament fit-tul tal-istadium.

Waqgħa fil-valur ta' erba' plottijiet ta' art tal-istadju Mestalla offruti għall-bejgħ u n-nuqqas ta' xerrejja, li naqqas il-prezz tal-bejgħ mistenni minn 'il fuq minn EUR 350 miljun għal EUR 250 miljun.

Defiċit parzjalment kopert minn tranżazzjonijiet relatati ma' proprjetà straordinarja.

Żieda sinifikanti fid-dejn b'piż finanzjarju korrispondenti.

Fondi proprji negattivi parzjalment koperti mill-bejgħ ta' waħda mill-plottijiet ta' art ta' Mestalla u l-attivazzjoni ta' krediti ta' taxxa.

(b)

Il-miżuri finanzjarji u tan-negozju li permezz tagħhom il-klabb se joħroġ minn dawk id-diffikultajiet:

Żieda fil-kapital ta' EUR 92 miljun.

Il-finanzjament ta' stadju ġdid bi strumenti fit-tul.

Żieda fid-dħul primarjament bl-operat tal-istadju l-ġdid, li kien se jwassal għal żieda sinifikanti fl-għadd ta' detenturi ta' biljetti staġjonali u fiż-żoni li jipproduċu dħul (parkeġġ, ħwienet, servizzi, eċċ.).

Tnaqqis fl-infiq prinċipalment fl-iskwadra tal-futbol minħabba tibdil fil-politika sportiva: il-kompożizzjoni tal-iskwadra, l-istrutturi ta' rimunerazzjoni, eċċ.

Il-bejgħ ta' plottijiet ta' art (il-plottijiet ta' art ta' Mestalla u ta' Ciudad Deportiva de Paterna).

Il-bejgħ tad-drittijiet fuq il-plejers matul l-ewwel sentejn tal-pjan.

(c)

L-investimenti sportivi ppjanati f'Ġunju 2010–Ġunju 2015 u l-bejgħ, il-profitti u x-xiri ppjanati bejn Ġunju 2010–Ġunju 2011.

(d)

Id-diżinvestimenti ppjanati fil-proprjetà u d-dħul rilevanti fis-sena: i) il-bejgħ ta' proprjetà ta' “partijiet terzi” f'valur ta' EUR 80 miljun, previst li jipproduċi profitt ta' EUR 42 miljun f'Ġunju 2011; ii) il-bejgħ ta' plottijiet ta' art ta' Mestalla f'valur ta' EUR 250 miljun, previst li jipproduċi profitt ta' EUR 160 miljun f'Diċembru 2011; u iii) il-bejgħ ta' biċċa art ta' Paterna f'valur ta' EUR 35 miljun, previst li jipproduċi profitt ta' EUR 33 miljun f'Ġunju 2012.

(e)

Il-ħtiġijiet ta' finanzjament tal-klabb fil-perjodu ta' bejn l-2010–2015, bi grafiċi li juru l-ammonti meħtieġa fis-sena, ix-xhur korrispondenti ta' finanzjament fis-sena u l-użi u s-sorsi ewlenin ta' finanzjament fis-sena.

(f)

Previżjoni li Valencia CF se jikseb (fost oħrajn) ir-riżultati segwenti sa Ġunju 2015:

Tabella 7

Data finanzjarja prevista ta' Valencia CF Ġunju 2010–Ġunju 2015, kif ippreżentata fil-“pjan ta' vijabbiltà”

(f'miljuni ta' EUR)

 

7/2009–6/2010

7/2010–6/2011

7/2011–6/2012

7/2012–6/2013

7/2013–6/2014

7/2014–6/2015

Fatturat

92,2

93,7

122,4

128,6

134,7

138,7

Riżultati Operatorji

– 30,0

– 24,7

– 8,9

– 0,2

1,9

5,1

Marġini operatorju (proporzjon)

– 0,33

– 0,26

– 0,07

0,00

0,01

0,04

QQT

– 9,5

50,5

154,8

– 0,2

1,9

5,1

Marġini ta' QQT (proporzjon)

– 0,1

0,54

1,26

0,00

0,01

0,04

Kapital reġistrat

99,8

99,8

99,8

99,8

99,8

99,8

Ekwità proprja

39,9

76,5

202,9

203,4

204,7

208,2

Marġini ta' ROE (proporzjon)

– 0,23

0,66

0,76

0,00

0,01

0,02

Dejn/Ekwità (proporzjon)

10,17

5,20

0,53

0,39

0,35

0,40

2.7.   Il-bejgħ tal-2014 minn Fundacion Valencia ta' ishma f'Valenzja CF

(24)

Skont il-kummenti ta' Spanja, Fundacion Valencia u Valencia CF, wara li irċevew approvazzjoni mingħand IVF (tali approvazzjoni kienet klawsola fil-garanzija ta' IVF), f'Jannar 2014 Fundacion Valencia ħabbar pubblikament l-intenzjoni tiegħu li jniedi proċess biex ibigħ l-ishma tiegħu f'Valenzja CF. Fi Frar 2014 twaqqaf Kumitat ta' Ġestjoni biex jissorvelja l-proċess, li kien magħmul minn rappreżentanti ta' Bankia, tal-Generalitat Valenciana (rappreżentant minn IVF), ta' Valencia CF u ta' Fundacion Valenzja. Il-proċess ta' bejgħ kien ġestit minn KPMG (maħtura minn Bankia) u minn PwC. Kien hemm is-seba' offerenti segwenti, miċ-Ċina, mill-Istati Uniti, mill-Arabja Sawdija, minn Singapor, mir-Russja u mill-Kosta Rica:

(a)

Dalian Wanda Group, […] (*1).

(b)

Promontoria Holding 93 BV, […].

(c)

The Up 54 Limited, […].

(d)

Global Emerging Market, […].

(e)

Meriton Holdings Limited, kumpanija bbażata f'Singapor li tappartjeni lil Peter Lim, negozjant u investitur mis-Singapor, b'patrimonju li jlaħħaq it-USD 2,4 biljuni (skont Forbes).

(f)

Zolotaya Zvezda, […].

(g)

Is-Sur Mario Alvarado Orozco, […].

(25)

Il-kriterji ewlenin għall-valutazzjoni tal-offerti kienu:

(a)

Il-ħlas lura tas-self ta' Valencia CF (tabilħaqq l-offerent rebbieħ ħallas lura s-self garantit ta' Valencia, li wassal għall-annullament tal-garanzija tal-Istat li qed jiġi investigat, ara l-premessa 28 hawn taħt).

(b)

Injezzjoni ta' kapital u tnaqqis tad-dejn ta' Valencia CF.

(c)

Impenn li jitlesta l-istadju l-ġdid ta' Valencia CF (il-bini kien waqaf) u l-għeluq tal-impenji pendenti rilevanti mal-muniċipalità (l-iskambju ta' artijiet u l-erja sportiva assoċjata).

(d)

L-istadju l-ġdid jibqa' assi ta' Valencia CF.

(e)

Valencia CF iżomm l-assi tiegħu b'mod permanenti. Id-dħul mid-disponiment ta' assi jintuża biss għar-rikapitalizzazzjoni ta' Valencia CF.

(f)

L-offerent rebbieħ irid jiggarantixxi l-assi u l-bilanċ finanzjarju ta' Valencia CF għal ħames snin, u jintrabat li ma jbigħx il-klabb jew jitlef il-kontroll tal-ishma għal mill-inqas ħames snin.

(g)

Il-“kriterji soċjali” kienu jinkludu: il-preżenza ta' azzjonisti żgħar, iż-żamma tar-rwol ta' Fundacion Valencia, il-promozzjoni tal-futbol tan-nisa u ta' attivitajiet sportivi oħra, il-promozzjoni tal-immaġini internazzjonali ta' Valencia CF.

(26)

KPMG u PwC bagħtu struzzjonijiet lill-investituri magħżula sabiex jiksbu offerti vinkolanti. Wara l-iskadenza għas-sottomissjoni tal-offerti vinkolanti, l-offerti nfetħu u l-Kumitat ta' Ġestjoni eżaminahom għal konformità mar-rekwiżiti tal-proċess tal-offerta. L-offerti tat-tliet investituri interessati li ġejjin ġew eliminati: […] (irtirar), […] (irtirar) u […] (ma ġietx ippreżentata informazzjoni dwar is-solvenza). Ġie stabbilit perjodu ta' tliet ġimgħat mill-iskadenza tas-sottomissjoni sabiex jintgħażel l-aħjar investitur. Fl-istadju tal-aħħar, il-Kumitat ta' Ġestjoni u l-korpi konsultattivi PwC u KPMG ivvalutaw l-erba' offerti li kien għad fadal. Il-Bord ta' Fundacion Valencia għamel id-deċiżjoni finali minn fost l-investituri magħżula.

(27)

L-offerta magħżula kienet dik ippreżentata minn Meriton Holdings Limited, li kienet tinkludi prezz tax-xiri ta' EUR 100 miljun għal 70,06 % tal-parteċipazzjoni azzjonarja f'Valencia CF, jiġifieri 1 481 368 sehem jew EUR 67,5 għal kull sehem, rifinanzjament fit-tul tad-dejn ta' Valencia CF ta' EUR 229 miljun lil Bankia, linja ta' kreditu azzjonarja ta' EUR 100 miljun u impenn biex ma jiddgħajfux l-ishma ta' azzjonisti minoritarji.

(28)

Wara li Fundacion Valencia ġabar il-prezz imsemmi hawn fuq, f'Ottubru 2014 dan tal-aħħar ħallas lura lil Bankia l-ammont totali tas-self tal-2009 ta' EUR 75 miljun flimkien maż-żieda tiegħu ta' EUR 6 miljuni tal-2010, flimkien mal-imgħax pendenti u spejjeż u obbligi oħra. Sussegwentement il-garanzija tal-Istat ta' IVF ġiet ikkanċellata. Wara l-ħlas lura tas-self ta' Bankia, Fundacion Valencia kien għad baqagħlu bilanċ favorevoli ta' EUR 6 miljuni.

3.   RAĠUNIJIET GĦALL-BIDU TA' PROĊEDURA TA' INVESTIGAZZJONI FORMALI

(29)

Fit-18 ta' Diċembru 2013, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura ta' investigazzjoni formali. Fid-deċiżjoni tagħha dwar il-ftuħ tal-proċedura ta' investigazzjoni formali, il-Kummissjoni waslet għall-opinjoni preliminari li Valencia CF, Hercules CF u Elche CF setgħu jitqiesu bħala ditti f'diffikultà fiż-żmien meta ngħataw il-miżuri identifikati. Il-Kummissjoni esprimiet ukoll dubji dwar l-allinjament tal-miżuri mal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta' garanziji (5) (“L-Avviż ta' Garanzija tal-2008”) u b'mod preliminari kkonkludiet li l-miżuri kienu taw vantaġġ lill-benefiċjarji.

(30)

Barra minn hekk, fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha l-Kummissjoni kienet tal-opinjoni preliminari li l-Istat Spanjol, permezz tal-Generalitat Valenciana, kellu influwenza ċara u diretta fuq IVF u b'mod preliminari kkonkludiet li l- miżuri kienu imputabbli għall-Istat.

(31)

Abbażi ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni esprimiet dubji fir-rigward tal-erba' miżuri li qed jiġu vvalutati u waslet għall-konklużjoni preliminari li kollha kienu jinkludu għajnuna mill-Istat.

(32)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li l-entitajiet li finalment ibbenefikaw mis-self garantit mill-Istat kienu Valencia CF, Hercules CF u Elche CF peress li s-self u l-garanziji ngħataw għax-xiri tal-ishma li l-klabbs kienu għadhom kemm ħarġu biex iżidu l-kapital propju. Il-Kummissjoni waslet ukoll għall-opinjoni preliminari li ma setax jiġi eskluż li Fundacion Valenzja, Fundacion Hercules u Fundacion Elche ma bbenefikawx ukoll mill-miżuri identifikati pjuttost milli kienu sempliċiment intermedjarji, bejn l-Istat u l-klabbs, għall-għoti tal-għajnuna.

(33)

Il-Kummissjoni esprimiet ukoll dubji dwar il-kompatibbiltà mas-suq intern tal-erba' miżuri li qegħdin jiġu vvalutati, b'mod partikolari minħabba li l-awtoritajiet Spanjoli ma pprovdew ebda raġuni possibbli għall-kompatibbiltà.

(34)

Fid-dawl tan-natura tal-miżuri inkwistjoni u tal-fatt li Valencia CF, Hercules CF u Elche CF jistgħu jitqiesu bħala ditti f'diffikultà fiż-żmien li ngħataw il-miżuri, il-Kummissjoni nnotat li l-kompatibbiltà tal-miżuri tista' tiġi vvaluta biss skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE, u b'mod partikolari fid-dawl tal-linji gwida tal-Komunità tal-2004 dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturar ta' ditti f'diffikultà (6) (“Il-Linji Gwida R&R tal-2004”). Il-Kummissjoni l-ewwel nett innotat li l-kundizzjonijiet għall-għajnuna għas-salvataġġ stabbiliti fit-Taqsima 3.1 tal-Linji Gwida R&R tal-2004 jidher li ma ġewx issodisfati. Fir-rigward tal-għajnuna għar-ristrutturar kif definit fit-Taqsima 3.2 tal-Linji Gwida R&R tal-2004, il-Kummissjoni osservat li l-miżuri identifikati kienu ngħataw fin-nuqqas ta' pjan kredibbli ta' ristrutturar li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Linji Gwida R&R tal-2004.

(35)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni nnotat li jidher li waqt li kien f'diffikultà Valencia CF bbenefika minn miżuri ripetuti favur tiegħu, u b'hekk il-kundizzjoni “tal-ewwel u l-aħħar darba” taħt it-taqsima 3.3 tal-Linji Gwida S&R tal-2004 tidher li ma ġietx issodisfata.

4.   IL-POŻIZZJONI TAL-ISTAT MEMBRU

(36)

Kemm l-awtoritajiet Spanjoli kif ukoll IVF (bħala strument tal-Generalitat Valenciana u li ta wkoll l-awtorità tal-miżuri inkwistjoni) ippreżentaw kummenti matul il-proċedura ta' investigazzjoni formali. Fil-biċċa l-kbira dawk il-kummenti jikkoinċidu u għalhekk se jiġu ppreżentati flimkien fil-premessi li ġejjin. Se jiġu ppreżentati bħala l-kummenti ta' Spanja peress li IVF jikkostitwixxi entità li tappartjeni u taqa' taħt il-kontroll tal-Generalitat Valenciana.

(37)

Spanja tqis li l-miżuri 1, 2, 3 u 4 ma kinux jinvolvu għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE minħabba li l-għoti tal-garanziji inkwistjoni kif ukoll it-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom kienu konformi mal-baġits approvati bid-dispożizzjonijiet u bil-limiti previsti mil-leġiżlazzjoni Spanjola (7).

(38)

Spanja tinnota wkoll li l-miżuri 1, 2, 3 u 4 ma kinux jinvolvu vantaġġ indebitu lill-benefiċjarji tal-garanziji inkwistjoni skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE minħabba li d-dispożizzjonijiet tal-Avviż ta' Garanzija tal-2008 kienu ssodisfati, b'mod partikolari:

(a)

It-tranżazzjonijiet bażi kienu deskritti u setgħu jitkejlu.

(b)

Mas-self garantit IVF irċieva kontrogaranziji għall-garanziji inkwistjoni, b'mod partikolari rahan fuq l-ishma akkwistati mill-Fundaciones.

(c)

Il-benefiċjarji tal-garanziji, jiġifieri t-tliet Fundaciones, ma kinux f'diffikultà fiż-żmien li fih ingħataw il-garanziji.

(d)

It-tariffi tal-garanziji u r-rati tal-imgħax tas-self garantit kienu f'livell tas-suq.

(39)

Barra minn hekk, Spanja ssostni li d-deċiżjoni tal-2009 ta' Fundacion Valencia li jinvesti fl-ishma ta' Valencia CF kienet konformi mal-prinċipju ta' investitur f'ekonomija tas-suq, u li għalhekk skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE ma kien ingħata l-ebda vantaġġ indebitu, għar-raġunijiet li ġejjin:

(a)

Id-deċiżjoni ta' IVF li jagħti l-miżura 1 kienet ibbażata fuq pjan ta' vijabbiltà ta' Valencia CF li ddeskriva l-prospetti ekonomiċi tajbin tal-klabb, li speċjalment kienu se jiġu mill-operazzjonijiet tal-istadju l-ġdid tal-klabb (ara l-premessa 20 aktar 'il fuq).

(b)

Kien ġie miftiehem li s-self li ngħata lil Fundacion Valencia kellu jitħallas lura mid-dħul li kien se jiġi mill-bejgħ tal-ishma li Fundacion Valencia kien akkwista f'Valencia CF fl-2009.

(c)

Fil-proċess tal-bejgħ tal-2014 kien hemm parteċipazzjoni sinifikanti minn investituri importanti, li juri l-interess tas-suq.

(d)

Il-prezz rebbieħ fil-proċess tal-bejgħ tal-2014 imsemmi hawn fuq kien ogħla mill-prezz li bih Fundacion Valenzja kien akkwista ishma f'Valenzja CF fl-2009 (EUR 67,5 għal kull sehem kontra EUR 48,08 għal kull sehem, rispettivament).

(40)

Barra minn hekk, Spanja targumenta li l-miżuri taħt skrutinju ma jissodisfawx il-kriterju tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni u tal-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE peress li:

(a)

Fl-2012, meta wieħed iqabbel is-sitwazzjoni ta' Valencia CF ma' dik ta' atturi oħra f'kampjonati ekwivalenti, bħall-Premier League, wieħed jara li Valencia CF saħansitra ġġenera inqas dħul mid-drittijiet ta' xandir minn Blackpool, it-tim bl-aktar dħul baxx fil-Premier League. Barra minn hekk, fl-istaġun tal-2011–2012 Valencia CF ma kellu l-ebda sponsor ewlieni fuq quddiem tal-qomos tal-plejers, u dan juri l-problema li l-klabb qiegħed ikollu biex jikkompeti fis-suq tal-isponsorizzazzjoni. Fl-aħħar nett, matul il-perjodu tal-investigazzjoni, il-klabb kellu jbigħ l-aktar plejers ta' valur tiegħu, u dan naqqas iċ-ċansijiet tal-klabb li jirnexxi f'kompetizzjonijiet sportivi.

(b)

Hercules CF kien fit-tieni diviżjoni meta ngħata s-self. Għalhekk l-ambitu ġeografiku tiegħu huwa, u dejjem kien, lokali, u qatt ma pparteċipa f'kompetizzjonijiet Ewropej.

(c)

Elche CF qatt ma kkwalifika għal kompetizzjoni Ewropea u l-influwenza ekonomika tiegħu rari testendi lil hinn mill-provinċja ta' Alicante. Barra minn hekk, Elche huwa entità, li fiha nnifisha, ma għandhiex il-kapaċità li tattira plejers tal-futbol minn swieq oħrajn taħt kundizzjonijiet finanzjarji li kieku kienu jibdlu l-kompetizzjoni.

(41)

Spanja ssostni li, skont il-pjan għall-ħlas lura tas-self garantit lil Fundacion Valencia, dan tal-aħħar kellu l-obbligu li sat-30 ta' Ġunju 2015 ibigħ l-ishma kollha akkwistati f'Valencia CF, kif ġej: (a) fil-Fażi 1, li kellha tiġi konkluża fil-31 ta' Diċembru 2010, Fundacion Valencia kellu jbigħ talanqas 47 663 sehem bil-prezz ta' EUR 53,5 għal kull sehem; u (b) fil-Fażi 2, li kellha tiġi konkluża fit-30 ta' Ġunju 2015, Fundacion Valencia kellu jbigħ 852 452 sehem. L-obbligu ta' Fundacion Valencia kien li juża d-dħul mill-bejgħ tal-ishma għall-ħlas lura tas-self garantit.

(42)

Spanja ma toġġezzjonax għas-sejbiet preliminari tal-Kummissjoni (u saħansitra tirrikonoxxi) li d-deċiżjonijiet ta' IVF li jagħti l-miżuri inkwistjoni kienu imputabbli għall-Istat, u li Valencia CF, Hercules CF u Elche CF kienu f'diffikultà fiż-żmien tal-għoti tal-miżuri inkwistjoni. Barra minn hekk, Spanja tirrikonoxxi li f'kull każ il-garanziji mogħtija minn IVF għas-self lil Fundacion Valenzja, Fundacion Hercules u Fundacion Elche kienu jkopru 100 % tal-obbligazzjonijiet sottostanti, flimkien mal-imgħax u l-kost tat-tranżazzjoni garantita.

(43)

Spanja ppreżentat ukoll raġunijiet dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri 1 u 4 (favur Valencia CF u Fundacion Valencia) skont il-Linji Gwida R&R tal-2004, fil-każ li l-Kummissjoni kellha tikkonkludi li dawn jammontaw għal għajnuna mill-Istat.

(44)

Fir-rigward tar-ritorn għall-vijabbiltà, Spanja tqis li l-pjan ta' vijabbiltà tal-2009 jiżgura l-vijabbiltà fit-tul ta' Valencia CF Barra minn hekk, Spanja hija tal-fehma li l-bejgħ tal-aktar plejers ta' valur ta' Valencia CF huwa miżura ta' kumpens adatta u proporzjonata. Barra minn hekk, fir-rigward ta' għajnuna limitata għall-minimu (kontribuzzjoni proprja), Spanja ssostni li l-parteċipazzjoni ta' xerrejja privati fiż-żieda fil-kapital tal-2009, li laħħqet it-EUR 18,8 miljuni, għandha tiġi aċċettata bħala kontribuzzjoni proprja. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-prinċipju “tal-ewwel u l-aħħar darba”, Spanja hija tal-fehma li din kienet rispettata peress li l-miżura 4 tinkludi biss iż-żieda tat-10 ta' Novembru 2010 tal-garanzija eżistenti b'EUR 6 miljuni, li għalhekk ma tistax titqies bħala garanzija ġdida u għalhekk għajnuna ġdida mill-Istat lil Valencia CF. Skont Spanja, il-miżura 4 ma tinkludi ebda garanzija oħra tal-Istat, peress li fi Frar 2013 IVF ħallas biss EUR 4,9 miljuni sabiex ikopri l-invokazzjoni parzjali tal-garanzija tal-Istat minn Bankia minħabba li ma kienx sar il-ħlas parzjali tal-imgħax tas-26 ta' Awwissu 2012.

(45)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinnota li fiż-żmien meta ngħataw il-garanziji tal-Istat favur Hercules CF u Elche CF (2010 u 2011) Spanja ma kinitx ipprovdiet pjan dwar il-prospetti finanzjarji tagħhom. Barra minn hekk, Spanja ma pprovdiet ebda kumment fuq ebda bażi għall-kompatibbiltà tal-miżuri 2 u 3 mas-suq intern.

5.   KUMMENTI MINGĦAND IL-PARTIJIET INTERESSATI

(46)

Matul il-proċedura ta' investigazzjoni formali, il-Kummissjoni irċeviet kummenti mingħand Valencia CF u Fundacion Valencia, li fil-biċċa l-kbira jikkoinċidu mal-kummenti li saru minn Spanja u minn IVF (ara l-premessi 36-45 hawn fuq). Minbarra dawk l-argumenti li jikkoinċidu, dawk il-partijiet interessati argumentaw dan li ġej:

(a)

Valencia CF jargumenta li l-bejgħ tal-ishma li Fundacion Valencia kien akkwista fl-2009 għal prezz ogħla mill-prezz tax-xiri ta' EUR 48,08 kull sehem (ara l-premessa 6 hawn fuq), u l-fatt li dawk l-ishma kienu mirhuna minn IVF għall-garanzija tiegħu, juru li IVF kien aġixxa skont il-prinċipju ta' investitur li jopera f'ekonomija tas-suq minħabba l-valur ta' dawk l-ishma li kienu ser ikopru r-riskju ta' IVF bħala garanti.

(b)

Valencia CF isostni li, peress li s-sjieda ta' Valencia CF ġiet trasferita fil-kuntest ta' proċedura ta' offerti kompetittiva u miftuħa, l-element ta' għajnuna kien rifless fil-prezz tas-suq u kien inkluż fil-prezz tax-xiri. Għalhekk, huwa l-bejjiegħ tal-ishma li jżomm il-benefiċċju tal-għajnuna. Valencia CF sostna li dan ta' hawn fuq huwa konformi mal-każistika. (8) Skont Valencia CF, fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, l-ammont tal-għajnuna tal-garanzija tal-Istat trid tiġi rkuprata mill-bejjiegħ, jiġifieri Fundacion Valencia.

(c)

Barra minn hekk Valencia CF jappoġġja l-fatt li l-valur aggregat tas-suq tal-plejers tiegħu (9) flimkien mal-fatt li l-kapital reġistrat tiegħu fil-perjodu ta' bejn l-2007–2009 ma naqasx iżda baqa' stabbli u li fl-2011 u fl-2012 il-klabb reġa' beda jagħmel il-qligħ, jista' jkun biżżejjed biex tiġi konfutata l-preżunzjoni li matul il-perjodu bejn l-2007–2009 Valencia CF kien f'diffikultajiet finanzjarji minħabba li kellu ekwità negattiva. Barra minn hekk, il-proċess ta' offerti miftuħ li tnieda minn Fundacion Valencia, l-għadd kbir ta' offerenti u l-prezz tax-xiri mħallas minn Meriton Holdings Limited ikkonfermaw li l-valur ekonomiku reali ta' Valencia CF jmur lil hinn mill-valur nett rifless fil-kontijiet annwali ta' Valencia CF u jinkludi l-valur tas-suq tal-plejers tiegħu, il-marka kummerċjali tal-klabb u l-projezzjoni internazzjonali tiegħu.

(d)

Barra minn hekk, Valencia CF isostni li l-kalkolu ta' kull element ta' għajnuna jenħtieġ jieħu kont tal-fatt li fiż-żmien tal-miżura taħt skrutinju Valencia CF ma kienx f'“diffikultajiet finanzjarji/ħżiena” iżda pjuttost kellu “kategorija sodisfaċenti ta' klassifikazzjoni” u li r-rahan fuq l-ishma ta' Valencia CF li ngħata minn Fundacion Valencia lil IVF jenħtieġ li jitqies bħala livell “għoli” jew, talanqas, “normali” ta' kollateralizzazzjoni.

(e)

Valencia CF jargumenta wkoll li l-garanzija tal-2009 tkun kompatibbli mal-Qafas Komunitarju Temporanju tal-2009 għal miżuri ta' għajnuna mill-Istat biex isostnu l-aċċess għal finanzjament fil-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali (10) li ġie adottat biex jiġu indirizzati d-defiċjenzi li jirriżultaw mill-kriżi ekonomika u finanzjarja li bdiet f'Ottubru 2008.

(f)

Fundacion Valencia jsostni li l-korpi amministrattivi tiegħu adottaw pjan ta' ħlas li ġie ppreżentat lill-Generalitat Valenciana u lil Bankia sabiex din tal-aħħar tagħti l-garanzija u s-self inkwistjoni. Skont dak il-pjan ta' ħlas, Fundacion Valencia kellu l-obbligu li sat-30 ta' Ġunju 2015 ibigħ l-ishma kollha akkwistati f'Valencia CF, kif ġej: (a) fil-Fażi 1, li kellha tiġi konkluża fil-31 ta' Diċembru 2010, Fundacion Valencia kellu jbigħ mill-inqas 47 663 sehem bil-prezz ta' EUR 53,5 għal kull sehem, b'rikavati ta' madwar EUR 2,5 miljuni; u (b) fil-Fażi 2, li kellha tiġi konkluża fit-30 ta' Ġunju 2015, Fundacion Valencia kellu jbigħ 852 452 sehem bi prezzijiet li jvarjaw minn EUR 53,5 sa EUR 67,5 għal kull sehem. Fundacion Valencia jindika li l-iskadenza tat-30 ta' Ġunju 2015 tikkoinċidi eżattament mad-data ta' maturità tas-self garantit. L-obbligu ta' Fundacion Valencia kien li juża d-dħul kollu mill-bejgħ tal-ishma biex jammortizza s-self garantit. Fundacion Valencia jindika li l-prezz tal-bejgħ tal-ishma kellu jkun ekwivalenti għall-valur nominali tagħhom flimkien ma' kull imgħax li seta' jakkumula fuq is-self garantit matul il-perjodu inkwistjoni. Bl-istess mod, l-ammont tal-bejgħ kellu jiżdied fil-każ ta' żieda fl-imgħax annwali fuq il-ftehim ta' self konkluż bejn Fundacion Valenzja u Bankia għall-akkwist tal-ishma (jiġifieri jaqbeż is-6 % miftiehem). Fundacion Valencia jżid li anki s-self garantit kellu jitħallas lura permezz ta' kontribuzzjonijiet monetarji minn trustees istituzzjonali u minn partijiet terzi (istituzzjonijiet pubbliċi u kumpaniji privati) u permezz ta' dħul rikorrenti mill-attivitajiet regolari tiegħu. F'dan il-kuntest, Fundacion Valencia jsostni li l-ewwel pagament ta' mgħax dovut fis-27 ta' Awwissu 2010 ma setax isir minħabba d-dewmien fil-bejgħ tal-ishma fil-Fażi 1, li kkawża ż-żieda fis-self garantit ta' EUR 6 miljuni fl-10 ta' Novembru 2010 (il-miżura 4, ara l-premessa 11 aktar 'il fuq).

(g)

Fundacion Valencia jsostni wkoll li fi Frar 2013 għamel pagament ta' EUR 5 221 517,39 lil Bankia għall-eżerċizzju parzjali minn qabel tal-garanzija u l-ħlas korrispondenti tal-istess ammont minn IVF (il-garanti).

(h)

Fundacion Valencia finalment isostni li l-garanzija tal-2009 ġiet ikkanċellata fl-24 ta' Ottubru 2014. Madankollu, bħala riżultat ta' diversi proċedimenti legali mnedija fi Spanja, il-garanzija ma kinitx dejjem fis-seħħ u kien hemm xi perjodi li fihom ma kinitx teżisti minħabba li l-qrati kienu ddikjarawha invalida ab initio, u perjodi oħra fejn kienet ġiet sospiża b'ordni tal-qorti wara li kkonċediet miżuri protettivi. F'dan il-kuntest, Fundacion Valencia jsostni li, jekk jiġi determinat li l-garanzija inkwistjoni tinvolvi xi element ta' għajnuna mill-Istat, fil-valutazzjoni tagħha l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni dawn il-perjodi ta' sospensjoni jew ta' invalidità.

(47)

Il-Kummissjoni rċeviet ukoll kummenti mil-Liga Nacional de Fútbol Profesional (il-Lîg tal-Futbol Professjonali “LFP”), jiġifieri l-assoċjazzjoni tal-isports magħmula mill-kumpaniji pubbliċi kollha tal-isports b'responsabbiltà limitata u l-klabbs tal-futbol fl-Ewwel u fit-Tieni Diviżjoni ta' Spanja li jipparteċipaw f'kompetizzjonijiet professjonali uffiċjali fuq skala nazzjonali.

(48)

Fil-kummenti tagħha, l-LFP tappoġġja li qari inizjali tad-deċiżjoni tal-ftuħ ma jipprovdix iċ-ċarezza li suppost jipprovdi dwar l-effett possibbli fuq il-kompetizzjoni li jista' jirriżulta mill-għajnuna potenzjali, u lanqas ma jipprovdi tali ċarezza dwar l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, l-LFP targumenta li s-settur sportiv inġenerali u b'mod partikolari s-settur tal-futbol, speċjalment minħabba l-popolarità tiegħu fost iż-żgħażagħ, jenħtieġ li jkunu soġġetti għal trattament speċjali, kif rikonoxxut mill-Artikolu 165 tat-TFUE. Fl-aħħar nett, l-LFP issostni li l-attivitajiet sportivi li jsiru mill-klabbs professjonali tal-isport jaqdu funzjoni inkontestabbli ta' servizz pubbliku, u tistabbilixxi li skont l-Artikolu 106(2) tat-TFUE, l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni għal dawn il-klabbs ma għandhiex tfixkel it-twettiq, “fid-dritt jew fil-fatt”, tal-kompiti partikolari assenjati lilhom. F'dan il-kuntest, l-LFP targumenta li l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE li tiddikjara l-kompatibbiltà mas-suq intern ta' “għajnuna maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta' ċerti attivitajiet ekonomiċi jew […] basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni” kjarament twieġeb għal din l-idea. Barra minn hekk, l-LFP tappoġġja li l-fatt li sal-lum il-Kummissjoni għadha ma adottatx linji gwida dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fit-Trattat għall-attivitajiet sportivi kummerċjali jirrappreżenta diffikultà fil-valutazzjoni tal-każ preżenti, minħabba li s-sempliċi applikazzjoni analoga ta' diversi normi ġeneriċi u eteroġeni minn barra s-settur taħt skrutinju ma tistax tipprovdi soluzzjoni xierqa, peress li hemm riskju ċar u evidenti ta' valutazzjoni preġudikata u parzjali tal-każ, minbarra l-inċertezza legali li din tinvolvi. Fl-aħħar nett, l-LFP issostni li sabiex tivvaluta l-allegata għajnuna u l-legalità tagħha taħt id-dritt tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tieħu ċerti regoli tal-LFP inkunsiderazzjoni, li b'mod partikolari jirreferu għall-aċċettazzjoni tal-baġits tal-klabbs, il-limiti fuq l-infiq tal-klabbs, il-kapaċità ekonomika u finanzjarja tal-klabbs, il-protezzjoni tal-kredituri, ir-razzjonalità fil-finanzi tal-klabbs, il-promozzjoni ta' nfiq responsabbli u l-protezzjoni tal-vijabbiltà u tas-sostenibbiltà fit-tul tal-klabbs.

6.   OSSERVAZZJONIJIET TA' SPANJA DWAR IL-KUMMENTI TA' PARTIJIET TERZI INTERESSATI

(49)

Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar il-kummenti ppreżentati mill-partijiet interessati, Spanja tenniet il-pożizzjoni tagħha kif ippreżentata fl-ittra tagħha tas-27 ta' April 2015, li kienet tinkludi ħafna mill-argumenti deskritti fil-premessi minn 36 sa 45 hawn fuq.

7.   VALUTAZZJONI TAL-MIŻURI

7.1.   Eżistenza ta' għajnuna mill-Istat

(50)

Bis-saħħa tal-Artikolu 107(1) TFUE, kull għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat fi kwalunkwe forma li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni, billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, sakemm tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.

(51)

Sabiex jiġi konkluż jekk hemmx għajnuna mill-Istat preżenti, il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk il-kriterji kumulattivi stabbiliti fl-Artikoli 107(1) tat-TFUE (jiġifieri t-trasferiment ta' riżorsi tal-Istat, vantaġġ selettiv, theddida ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni u effett fuq il-kummerċ ġewwa l-UE) ġewx issodisfati għal kull waħda mill-erba' miżuri li qed jiġu vvalutati.

7.1.1.   Ir-riżorsi tal-Istat u l-imputabbiltà għall-Istat

(52)

Sabiex titqies bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, miżura trid tingħata direttament jew indirettament mir-riżorsi tal-Istat u trid tkun imputabbli għall-Istat. Skont il-ġurisprudenza, ir-riżorsi ta' impriża għandhom jitqiesu bħala riżorsi tal-Istat jekk l-Istat ikun jista', billi jeżerċita l-influwenza dominanti tiegħu fuq dawk l-impriżi, jidderieġi l-użu tar-riżorsi tagħhom (11).

(53)

It-trasferiment ta' riżorsi tal-Istat jista' jieħu ħafna forom, inklużi garanziji tal-Istat. Dawn tal-aħħar ipoġġu r-riżorsi tal-Istat f'riskju, peress li x-xiri tagħhom isir permezz tal-baġit tal-Istat. Barra minn hekk, kull garanzija li ma tkunx remunerata sew timplika telf ta' riżorsi finanzjarji għall-Istat. Barra minn hekk, il-ħolqien ta' riskju konkret minħabba l-impożizzjoni ta' piż addizzjonali fuq l-Istat fil-futur, permezz ta' garanzija, huwa biżżejjed għall-finijiet tal-Artikolu 107(1) (12).

(54)

Il-Kummissjoni l-ewwel nett tinnota li l-miżuri kollha taħt skrutinju kienu sottoskritti fl-intier tagħhom minn IVF. Skont l-informazzjoni istituzzjonali pprovduta fuq is-sit web ta' IVF (13), IVF inħoloq mil-Liġi 7/1990 (fit-28 ta' Diċembru 1990), bħala entità regolata mil-liġi pubblika soġġetta għall-Gvern ta' Valencia, u hija maħsuba biex taġixxi bħala l-istrument ewlieni tal-politika ta' kreditu pubbliku u tikkontribwixxi għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-Gvern ta' Valencia fuq is-sistema finanzjarja. IVF huwa istituzzjoni pubblika ta' finanzjament taħt il-kontroll tal-Generalitat Valenciana, u r-rappreżentanti ta' dan tal-aħħar jipparteċipaw ukoll fil-Kunsill Ġenerali u fil-Kumitat ta' Investiment ta' IVF. Attwalment, IVF huwa marbut mad-Dipartiment tal-Finanzi tal-Generalitat Valenciana (14).

(55)

Abbażi ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tosserva li l-objettiv stess ta' IVF huwa marbut mill-qrib mal-amministrazzjoni pubblika u mal-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet ta' awtorità pubblika. In-natura pubblika tal-attivitajiet tal-impriża hija indikatur importanti tal-imputabbiltà tal-aġir ta' impriża għall-Istat (15), partikolarment safejn l-intrapriża tintuża mill-Istat bħala mezz għall-implimentazzjoni ta' politika (16) pjuttost milli għall-eżerċizzju ta' għan purament kummerċjali (17). Spanja ma ppreżentat ebda argument fir-rigward ta' dan l-indikatur. Barra minn hekk, ġie nnotat li r-rappreżentanti tal-Generalitat Valenciana jipparteċipaw fil-Kunsill Ġenerali ta' IVF (ara l-premessa 6 hawn fuq).

(56)

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-Istat kellu influwenza ċara u diretta fuq IVF. Dan mhuwiex ikkontestat minn Spanja. B'referenza partikolari għal IVF, din tal-aħħar issostni wkoll li l-għoti tal-garanziji inkwistjoni kif wkoll it-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom kienu konformi mal-baġits approvati bid-dispożizzjonijiet u bil-limiti previsti mil-leġiżlazzjoni Spanjola (ara l-premessa 37), li juri li l-miżuri inkwistjoni kienu jinvolvu riżorsi tal-Istat. Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-miżuri mogħtija minn IVF jikkostitwixxu riżorsi tal-Istat u huma imputabbli għal Spanja.

7.1.2.   Vantaġġ selettiv

(57)

Il-miżuri tal-Istat taħt skrutinju jipprovdu vantaġġ selettiv minħabba li huma għall-benefiċċju ta' impriżi individwali. Fil-każ attwali, il-miżuri tal-Istat inkwistjoni ppermettew il-finanzjament tal-akkwist ta' ishma mill-Fundaciones rispettivi fit-tliet klabbs taħt skrutinju, permezz ta' injezzjonijiet ta' kapital.

(58)

Fir-rigward tal-eżistenza ta' vantaġġ, Spanja ssostni li minħabba l-pjan ta' vijabbiltà tal-2009 id-deċiżjoni dwar l-għoti tal-miżura 1 kienet konformi mal-prinċipju ta' investitur li jopera f'ekonomija tas-suq. Il-Kummissjoni ma tistax taċċetta din id-dikjarazzjoni għar-raġunijiet li ġejjin:

(a)

Il-pjan ta' vijabbiltà tal-2009 ma jinkludix analiżi tas-sensittività tar-riskji li jista' jkollhom impatt fuq il-prestazzjoni finanzjarja ta' Valencia CF. Aspetti ewlenin ta' dik il-valutazzjoni kienu nieqsa, bħal pereżempju l-effett tal-pjazzamenti differenti possibbli tal-klabb fil-klassifika finali tal-kampjonati, tibdil fil-prezzijiet fis-suq tal-proprjetà immobbli, fis-suq tal-isponsorizzar jew fis-suq tax-xandir, riskji potenzjali dwar il-kapaċità tal-partitarji li jħallsu biljetti staġjonali jew biljetti għal logħba waħda, riskji ta' korriment tal-plejers, tibdil fis-suq tat-trasferimenti tal-plejers eċċ.

(b)

Barra minn hekk, ir-riżultati finanzjarji previsti mill-pjan ta' vijabbiltà kienu taħt livell li seta' jitqies bħala adegwat għall-irkupru tal-vijabbiltà fit-tul ta' Valencia CF. Tabilħaqq, kif intwera fit-Tabella 4 hawn fuq, il-pjan ta' vijabbiltà tal-2009 ippreżenta telf operattiv sas-sena ekonomika li għalqet f'Ġunju 2013, jiġifieri fl-erba' snin wara l-għoti tal-miżura 1. Barra minn hekk, il-profitti operattivi previsti għas-snin ekonomiċi li jagħlqu f'Ġunju 2014 u f'Ġunju 2015 kienu f'marġni operattivi baxxi ħafna, ta' 1 % u 4 % rispettivament. Fl-aħħar nett, f'dak li jirrigwarda l-Qligħ Qabel it-Taxxa previst tal-klabb sas-sena ekonomika li tagħlaq f'Ġunju 2015, tapplika l-istess analiżi bħal fil-każ tal-introjtu operatorju hawn fuq, fejn ir-riżultati konsiderevolment għoljin ta' EUR 50,5 miljuni fis-sena li għalqet f'Ġunju 2011 u ta' EUR 154,8 miljuni f'Ġunju 2012 mhumiex rappreżentattivi tal-prestazzjoni finanzjarja tal-klabb iżda jikkostitwixxu riżultati straordinarji li jirriżultaw mill-bejgħ ta' plottijiet ta' art.

(59)

Abbażi ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-pjan ta' vijabbiltà tal-2009 ma wera l-ebda prospett li Valencia CF kien sejjer iħallas lura s-self garantit tal-2009, peress li ma kien jinkludi l-ebda element ta' rkupru ta' Valencia CF mit-telf annwali tiegħu jew mil-livelli konsiderevolment għoljin ta' dejn u ma kienx jinkludi previżjonijiet finanzjarji kredibbli u elaborati li għandu jinkludi pjan ta' vijabbiltà kredibbli u sod.

(60)

Barra minn hekk, Valencia CF jargumenta li l-proċess ta' offerti miftuħ li tnieda minn Fundacion Valencia, l-għadd kbir ta' offerenti u l-prezz tax-xiri mħallas minn Meriton Holdings Limited ikkonfermaw li l-valur ekonomiku reali ta' Valencia CF jmur lil hinn mill-valur nett rifless fil-kontijiet annwali ta' Valencia CF u jinkludi l-valur tas-suq tal-plejers tiegħu, il-marka kummerċjali tal-klabb u l-projezzjoni internazzjonali tiegħu. Il-Kummissjoni ma tistax taċċetta dan l-argument peress li l-bejgħ tal-ishma tal-klabb lil Meriton Holdings Limited seħħ fl-2014, jiġifieri ħames snin wara l-2009, iż-żmien li fih ingħatat il-miżura 1, u aktar minn tliet snin wara li ngħatat il-miżura 4, u għalhekk mhuwiex rilevanti għall-valutazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja ta' Valencia CF fl-2009.

(61)

Valencia CF isostni wkoll li l-bejgħ tal-ishma li Fundacion Valencia kien akkwista fl-2009 — li kienu nbiegħu bi prezz ogħla mill-prezz tax-xiri ta' EUR 48,08 għal kull sehem — u l-fatt li dawn l-ishma kienu mirhuna minn IVF għall-garanzija tiegħu, juru li IVF bħala garanti aġixxa skont il-prinċipju ta' investitur li jopera f'ekonomija tas-suq minħabba li l-valur ta' dawk l-ishma kien sejjer ikopri r-riskju ta' IVF bħala garanti. Il-Kummissjoni ma tistax taċċetta din id-dikjarazzjoni minħabba li l-bejgħ tal-ishma inkwistjoni seħħ wara r-rahan tagħhom minn IVF, fis-snin finanzjarji 2010–2011, 2011–2012 u 2013–2014. Għalhekk il-prezzijiet li bihom sar dak il-bejgħ ma jistgħux jitqiesu bħala indikattivi tal-valur tal-ishma inkwistjoni fl-2009.

(62)

Fir-rigward tal-miżura 4 u b'mod partikulari l-parti tagħha li tirrigwarda l-allegata żieda tal-garanzija eżistenti fi Frar 2013, li dwarha l-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta' investigazzjoni formali, il-Kummissjoni tinnota li matul il-proċedura ta' investigazzjoni formali l-awtoritajiet Spanjoli ċċaraw li din kienet pagament ta' EUR 4,9 miljuni minn IVF li sar fi Frar 2013 sabiex tiġi koperta l-invokazzjoni parzjali tal-garanzija tal-Istat minn Bankia minħabba li ma kienx sar il-ħlas parzjali tal-imgħax tas-26 ta' Awwissu 2012. Il-Kummissjoni tqis li dan il-ħlas kien it-twettiq tal-obbligu ta' IVF bħala garanti u mhux miżura ġdida favur il-benefiċjarju. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li dan il-pagament ta' Frar 2013 ma kienx ta vantaġġ addizzjonali lill-benefiċjarju u għalhekk ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat.

(63)

Fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-benefiċjarji, il-Kummissjoni tinnota li, skont ġurisprudenza stabbilita, entità li tippossjedi parteċipazzjoni azzjonarja kontrollanti f'kumpanija trid titqies bħala parteċipanti fl-attività ekonomika ta' din tal-aħħar jekk effettivament teżerċita dan il-kontroll billi tinvolvi ruħha direttament jew indirettament fil-ġestjoni tagħha, jekk: a) il-membri tal-bord(ijiet) tagħha jkunu maħtura fil-bord(ijiet) tal-kumpanija kkontrollata; u b) ikun hemm arranġamenti ta' finanzjament fis-seħħ bejn iż-żewġ entitajiet (18).

(64)

Fil-każ attwali, l-injezzjonijiet ta' kapital ippermettew lit-tliet Fundaciones li jakkwistaw parteċipazzjoni azzjonarja kontrollanti fil-klabbs tal-futbol rispettivi tagħhom. B'mod partikolari, Fundacion Valencia sar l-azzjonist ta' 72 % (kontra 1,6 % li kien jikkontrolla qabel l-injezzjoni ta' kapital). Barra minn hekk, ir-rapport annwali ta' Valencia CF (ta' Ġunju 2012) jgħid li Valencia CF jagħmel parti minn grupp ta' kumpaniji li l-kumpanija prinċipali jew azzjonarja tiegħu hija Fundacion Valencia.

(65)

Fir-rigward ta' Fundacion Hercules, huwa akkwista 81,96 %, bl-azzjonist ikklassifikat fit-tieni pożizzjoni jippossjedi 16,99 % (qabel l-injezzjoni ta' kapital Fundacion Hercules ma kellux ishma).

(66)

Fl-aħħar nett, Fundacion Elche akkwista 63,45 % u sar l-uniku azzjonist ta' Elche CF b'aktar minn 10 % (qabel l-injezzjoni ta' kapital ma kellux ishma).

(67)

Fir-rigward tal-membri tal-bordijiet tal-Fundaciones u tal-klabbs tal-futbol, il-Kummissjoni tinnota li: (a) il-membri kollha tal-Bord tad-Diretturi ta' Valencia CF kienu wkoll membri tal-Bord ta' Fundacion Valencia; (b) il-maġġoranza tal-membri tal-Bord tad-Diretturi ta' Elche CF kienu wkoll membri tal-Bord ta' Fundacion Elche; u (c) kif previst mill-istatuti u mir-regolamenti lokali ta' Fundacion Hercules, il-membri tal-Bord tad-Diretturi ta' Hercules CF huma legalment membri tal-korp governattiv ta' Fundacion Hercules (“Patronato”). Fl-aħħar nett, rigward l-arranġamenti ta' finanzjament bejn il-Fundaciones u l-klabbs tal-futbol rispettivi tagħhom, il-Kummissjoni tinnota li tal-ewwel kienu involuti fil-ħlas lura tas-self li kien iffinanzja l-klabbs, pereżempju permezz tal-bejgħ tal-ishma li kienu, b'hekk, akkwistaw. Għalhekk il-Fundaciones kellhom rwol attiv u kontinwu fil-finanzjament tal-klabbs, mhux biss bħala l-partijiet li kienu ffinanzjaw iż-żidiet fil-kapital tal-klabbs iżda wkoll bħala l-partijiet li sservisjaw is-self li permezz tiegħu dawn il-klabbs kienu kisbu dak il-kapital. Dan ta' hawn fuq jindika li t-tliet Fundaciones, bħala entitajiet prinċipali jew azzjonarji, kienu involuti fil-ġestjoni tal-klabbs tal-futbol rispettivi tagħhom.

(68)

Fl-istess ħin, il-Kummissjoni tinnota li, kif iddikjarat fil-kuntratti tas-self u tal-garanziji, il-garanziji għas-self ta' EUR 75 miljun lil Fundacion Valencia, ta' EUR 18-il miljun lil Fundacion Hercules u ta' EUR 14-il miljun lil Fundacion Elche ngħataw minn IVF bl-għan waħdieni sabiex il-Fundaciones jiksbu ishma f'Valenzja CF, f'Hercules CF u f'Elche CF, rispettivament. Il-Kummissjoni tinnota li l-għan ta' din il-kostruzzjoni finanzjarja kien li jiġi ffaċilitat il-finanzjament taż-żidiet fil-kapital tal-klabbs tal-futbol billi l-Fundaciones jintużaw bħala vetturi finanzjarji, u għalhekk l-għan tal-miżuri ma kienx għall-benefiċċju tal-Fundaciones, iżda pjuttost għall-benefiċċju tal-klabbs rispettivi. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota wkoll li s-sitwazzjoni finanzjarja tal-Fundaciones fiż-żmien li fih ingħataw il-miżuri inkwistjoni (ara t-tabelli 2, 4 u 6) turi li l-pożizzjoni tal-Fundaciones ma tjibitx bis-saħħa tal-garanziji inkwistjoni, iżda baqgħet bħalma kienet qabel, u kompliet tkun karatterizzata minn dħul baxx, telf jew riżultati żero, valur baxx tal-assi u żieda relattiva fid-dejn. Barra minn hekk, minkejja l-fatt li l-Fundaciones kienu l-mutwatarji-debituri tas-self u l-entitajiet koperti mill-garanziji, ir-riskju għall-attivazzjoni tal-garanziji kien marbut mal-prestazzjoni tal-klabbs, peress li l-ħlas lura tas-self garantit (prinċipal u mgħax) kien previst li jseħħ permezz tal-bejgħ tal-ishma akkwistati fil-klabbs tal-futbol. Dan huwa minnu wkoll għall-miżura 4, peress li din tal-aħħar kienet ikkawżata mid-dewmien fil-Fażi 1 tal-bejgħ tal-ishma akkwistati f'Valenzja CF, li kien ippjanat li jiffinanzja l-amortizzazzjoni tas-self.

(69)

Abbażi ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-benefiċjarji tal-miżuri ta' għajnuna inkwistjoni huma Valencia CF għall-miżuri 1 u 4, Hercules CF għall-miżura 2, Elche CF għall-miżura 3.

(70)

Fir-rigward tad-diffikultajiet finanzjarji tal-benefiċjarji, kif diġà ġie nnotat, il-miżuri taħt skrutinju kienu maħsuba sabiex jiġi ffinanzjat il-finanzjament taż-żidiet fil-kapital tal-klabbs tal-futbol u r-riskju għall-attivazzjoni tal-garanziji kien marbut mal-prestazzjoni tal-klabbs tal-futbol, peress li l-ħlas lura tas-self garantit kien previst li jseħħ permezz tal-bejgħ tal-ishma akkwistati fil-klabbs tal-futbol. Abbażi ta' dan ta' hawn fuq, l-analiżi li ġejja hija bbażata fuq id-data finanzjarja ta' Valencia CF, ta' Hercules CF u ta' Elche CF, fil-waqt li tqiesu l-merti individwali ta' kull benefiċjarju individwali.

(71)

Sabiex jiġi stabbilit valur referenzjarju għall-prezz tal-miżuri tal-Istat implimentati konformi mas-suq (u għalhekk sabiex jiġi determinat jekk il-garanziji tal-Istat jikkostitwixxux vantaġġ għall-klabbs), il-Kummissjoni trid tiddetermina l-klassifikazzjoni tal-kreditu tal-benefiċjarji. Spanja ma pprovdietx informazzjoni dwar il-klassifikazzjoni tal-kreditu tal-benefiċjarji, li kienet tapplika fiż-żmien li fih ingħataw il-miżuri. Madankollu, il-Kummissjoni tosserva li, kif stabbilit fid-dettall fit-Tabelli 1, 3 u 5 hawn fuq Valencia CF, Hercules CF u Elche CF kienu f'diffikultà finanzjarja qabel ġew implimentati l-miżuri taħt skrutinju.

(72)

Il-Linji Gwida R&R tal-2004 jipprovdu għad-definizzjoni ta' impriżi f'diffikultà applikata fil-perjodu li fih ingħataw il-miżuri. Il-punt 10(a) tal-Linji Gwida R&R tal-2004 jistabbilixxi li kumpanija tkun f'diffikultà meta “aktar minn nofs il-kapital irreġistrat tagħha jkun għeb u aktar minn kwart ta' dak il-kapital ikun intilef matul it-12-il xahar preċedenti”. Din id-dispożizzjoni tirrifletti s-suppożizzjoni li kumpanija li tkun qiegħda tesperjenza telf kbir fil-kapital reġistrat tagħha ma tkunx kapaċi twaqqaf it-telf li kważi ċertament iwassalha biex toħroġ min-negozju fi żmien qasir jew medju (kif stabbilit fil-punt 9 tal-Linji Gwida R&R tal-2004).

Valencia CF

(73)

Fil-każ ta' Valencia CF, kif jidher fir-rapporti finanzjarji tiegħu, fil-perjodu ta' bejn Ġunju 2007 — Ġunju 2009 il-kapital reġistrat tiegħu ma ntilifx iżda baqa' stabbli. Madankollu, ir-rapporti finanzjarji ta' Valencia CF għat-tliet snin fiskali qabel l-għoti tal-garanzija tal-Istat (is-snin finanzjarji li għalqu f'Ġunju 2007, f'Ġunju 2008 u f'Ġunju 2009) juru li f'Ġunju 2007 u f'Ġunju 2009 il-kumpanija kellha ekwità totali negattiva minħabba telf sostanzjali fis-snin rispettivi. Għal din ir-raġuni l-Kummissjoni tqis li japplika l-punt 10(a) tal-Linji Gwida R&R tal-2004, minħabba li l-kapital kollu kien għeb u aktar minn kwart minnu kien intilef fis-sena fiskali li għalqet f'Ġunju 2009. F'każijiet preċedenti, (19) il-Kummissjoni kkonkludiet li, meta kumpanija jkollha ekwità negattiva, ikun hemm suppożizzjoni a priori li l-kriterji tal-punt 10(a) jkunu ssodisfati. F'sentenza riċenti (20), il-Qorti Ġenerali kkonkludiet ukoll li kumpanija b'ekwità negattiva tista' titqies bħala kumpanija f'diffikultà fis-sens tal-Linji Gwida R&R tal-2004. “l-eżistenza ta' kapital proprju negattiv li […] tista' titqies bħala indikatur importanti li impriża tinsab f'sitwazzjoni finanzjarja diffiċli”.

(74)

Il-Kummissjoni tqis li fil-perjodu bejn Ġunju 2007–Ġunju 2009 il-kapital reġistrat ta' Valencia CF jidher li huwa stabbli għaliex matul dak il-perjodu l-klabb ma adotta l-ebda miżura xierqa mmirata sabiex tbiddel l-ekwità proprja minn negattiva għal pożittiva u, fl-istess ħin, iżidha għal livell adegwat. Tali miżuri xierqa jistgħu jkunu jew il-kapitalizzazzjoni tat-telf jew żieda fil-kapital jew it-tnejn. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tqis li kapitalizzazzjoni tat-telf kien iwassal għat-telf tal-kapital reġistrat kollu tal-klabb, peress li t-telf akkumulat kien ogħla mill-kapital reġistrat. Għal din ir-raġuni l-Kummissjoni tqis li f'dan il-każ il-kriterji fil-punt 10(a) tal-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u l-R&R ġew issodisfati.

(75)

Barra minn hekk, fir-rigward tal-kriterji fil-punt 11 tal-Linji Gwida R&R, il-Kummissjoni tinnota li fis-snin finanzjarji li għalqu f'Ġunju 2007 u f'Ġunju 2009 Valencia CF ġarrab telf sinifikanti, b'telf ta' EUR 26,1 miljuni u EUR 59,2 miljuni, rispettivament. Barra minn hekk, il-fatturat ta' Valencia CF naqas b'aktar minn 20 % minn EUR 107,6 miljuni fis-sena fiskali li għalqet f'Ġunju 2007 għal EUR 99,4 miljuni f'Ġunju 2008 u 'l isfel għal EUR 82,4 miljuni f'Ġunju 2009. Barra minn hekk, Valencia CF kellu livelli sinifikanti ta' dejn, kif jista' jidher mill-proporzjon ta' Dejn-Ekwità tiegħu li f'Ġunju 2008 kien ta' 73,5 u negattiv fl-2007 u fl-2009. Fuq l-istess suġġett, il-Kummissjoni tinnota li wara Ġunju 2010 il-proporzjon tad-Dejn-Ekwità ta' Valencia CF inbidel għal wieħed pożittiv, filwaqt li fis-snin fiskali preċedenti kien negattiv. Madankollu dak l-iżvilupp kien dovut biss għall-injezzjoni ta' kapital li seħħet fl-2009 bis-saħħa tal-garanzija tal-Istat inkwistjoni u mhux bħala riżultat tal-operazzjonijiet tal-klabb. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li minkejja li fis-sena li għalqet f'Ġunju 2010 il-proporzjon tad-Dejn-Ekwità ta' Valencia CF inbidel għal wieħed pożittiv, matul l-istess sena baqa' f'livell għoli, li juri l-livell għoli ta' dejn tal-klabb.

(76)

Barra minn hekk, fis-sena li għalqet f'Ġunju 2011 (is-sena li fiha ngħatat il-miżura 4) Valencia CF kellu żieda fil-fatturat u ppreżenta l-qligħ. Madankollu, il-livell tal-profitti tal-klabb baqa' qrib iż-żero, filwaqt li d-dejn tiegħu baqa' f'livelli sinifikanti.

(77)

L-elementi hawn fuq juru li sa minn Ġunju 2007 u fiż-żmien li fih ingħataw il-miżuri 1 u 4 Valencia CF kien f'diffikultà fis-sens tal-punt 11 tal-Linji Gwida R&R tal-2004 li jgħid li ditta tista' titqies f'diffikultà “meta jkunu preżenti s-sinjali normali […], bħal żieda fit-telf, tnaqqis fil-fatturat, tkabbir fl-inventarju tal-istokk, eċċess ta' kapaċità, tnaqqis fil-fluss tal-flus, żieda fid-dejn, żieda fl-imposta tal-imgħax u tnaqqis fil-valur nett tal-assi jew valur nett tal-assi ta' żero”.

Hercules CF

(78)

Fir-rigward ta' Hercules CF, skont id-data finanzjarja tiegħu (ara t-Tabella 3 hawn fuq), fis-snin finanzjarji li għalqu f'Ġunju 2008, 2009 u 2010 it-telf tiegħu baqa' jiżdied (minn EUR 5,7 miljuni fis-sena li għalqet f'Ġunju 2008 għal EUR 17,6 miljuni fis-sena finanzjarja li għalqet f'Ġunju 2010). Dan it-telf wassal għal ekwità negattiva fl-istess snin (ta' EUR 22,6 miljuni, ta' EUR 29,6 miljuni u ta' EUR 29,4 miljuni, rispettivament). Dan juri li fiż-żmien qabel ġiet implimentata l-miżura 2, Hercules CF kien f'diffikultà finanzjarja fis-sens tal-punt 10(a) (bl-istess mod bħal fil-każ ta' Valencia CF, ara l-premessi 74-75 hawn fuq) u 11 tal-Linji Gwida R&R tal-2004.

Elche CF

(79)

Fir-rigward ta' Elche CF, kif jidher fir-rapporti finanzjarji tiegħu (ara t-Tabella 5 hawn fuq), fis-sena finanzjarja li għalqet f'Ġunju 2009 il-klabb kellu tnaqqis fil-fatturat (mill-2008 sal-2010), QQT negattiv fis-snin finanzjarji li għalqu f'Ġunju 2007, 2008, 2009 u 2010, u ekwità proprja negattiva fis-snin li għalqu f'Ġunju 2009 u 2010 (EUR – 10,2 miljuni fis-sentejn finanzjarji). Id-data finanzjarja tal-klabb tjiebet matul is-sena finanzjarja li għalqet f'Ġunju 2011, meta għall-ewwel darba minn Ġunju 2007 ħabbar profitti u għall-ewwel darba minn Ġunju 2009 l-ekwità proprja nbidlet minn negattiva għal waħda pożittiva (EUR 4,3 miljuni). Madankollu dan it-titjib kien dovut għall-injezzjoni ta' kapital li saret fl-istess sena finanzjarja bis-saħħa tal-garanzija tal-Istat inkwistjoni (il-miżura 3). Dawn l-elementi juru li fiż-żmien tal-miżura 3 Elche CF kien f'diffikultà finanzjarja fis-sens tal-punti 10(a) u 11 tal-Linji Gwida R&R tal-2004.

(80)

Fl-istess ħin, il-Kummissjoni tinnota li fis-snin qabel ingħataw il-miżuri taħt skrutinju, Valencia CF, Hercules CF u Elche CF ma kinux f'sitwazzjoni estremament diffiċli, fis-sens tal-punt 2.2 u tal-punt 4.1 l-ittra (a) tal-Avviż ta' Garanzija tal-2008. Wieħed ma jistax jinjora l-fatt li fis-sena finanzjarja li għalqet f'Ġunju 2008 Valencia CF kellu profitti ta' EUR 12,4 miljuni u kellu assi intanġibbli ta' valur sinifikanti fil-forma ta' kuntratti tal-plejers tal-futbol. B'mod partikulari: (a) il-valur kontabilistiku aggregat (il-kost tax-xiri bit-tnaqqis tal-amortizzament annwali) tal-kuntratti tal-plejers ta' Valencia CF, kif rifless fil-kontijiet annwali tiegħu tal-2008/09, kien ta' EUR 95,7 miljuni; (b) f'Ġunju 2009 il-valur globali stmat tas-suq tal-kuntratti tal-plejers ta' Valencia CF kien ta' madwar EUR 235,7 miljuni; u (c) fis-sena finanzjarja li għalqet f'Ġunju 2010 il-kuntratti tal-plejers inbiegħu għal EUR 78,7 miljuni (filwaqt li n-nefqa fuq plejers ġodda laħħqet l-EUR 14,5 miljuni). Fir-rigward ta' Hercules CF, il-klabb wera żieda ta' 35 % fil-fatturat annwali tiegħu, minn EUR 4 miljuni fis-sena li għalqet f'Ġunju 2008 għal EUR 5,4 miljuni fis-sena li għalqet f'Ġunju 2010. Fl-aħħar nett, Elche CF kellu tnaqqis ta' 82 % fit-telf, minn EUR 6,2 miljuni fis-sena li għalqet f'Ġunju 2007 għal EUR 1,1 miljuni fis-sena li għalqet f'Ġunju 2010.

(81)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li l-metodoloġija standard tal-aġenziji ta' klassifikazzjoni huwa li tqis li debituri f'kontumaċja jaqgħu taħt il-klassifikazzjoni CCC (jew kwalunkwe klassifikazzjoni tal-kategorija C). Pereżempju, id-definizzjoni ta' Standard & Poor's (21) għall-klassifikazzjoni C għal emittenti ta' dejn fuq terminu qasir tittratta debituri “vulnerabbli” (22), filwaqt li d-definizzjoni għall-klassifikazzjonijiet R u SD-D li jaqgħu eżattament taħtha tittratta, rispettivament, debituri “taħt sorveljanza regolatorja” (23) jew f'inadempjenza selettiva jew f'kontumaċja (24). Għalhekk, peress li la Valencia CF, la Hercules CF u lanqas Elche CF ma kienu qegħdin fi proċedimenti ta' insolvenza jew f'kontumaċja fiż-żmien meta ngħataw il-miżuri inkwistjoni, il-Kummissjoni tqis li f'dak iż-żmien il-klassifikazzjoni tagħhom ma kinitx taqa' taħt il-kategorija CCC.

(82)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinnota li l-valur kontabilistiku relattivament għoli tal-plejers tal-futbol ta' Valencia (assi) ma jistax ifisser li l-klabb ma kienx f'diffikultà finanzjarja. Filwaqt li l-valur kontabilistiku tal-plejers ta' Valencia CF kien wieħed konsiderevoli, kif muri fir-rapporti finanzjarji tiegħu, il-valur tal-bejgħ bl-għaġġla tal-istess plejers ikun relattivament baxx minħabba li l-akkwirenti jużaw il-fatt magħruf tad-diffikultajiet tal-bejjiegħ (Valencia CF) sabiex jippruvaw jiksbu prezzijiet baxxi. Barra minn hekk, il-valur tas-suq tal-plejers jiddependi fuq avvenimenti aleatorji bħal korrimenti eċċ, li jagħmel lil dan il-valur tas-suq konsiderevolment volatili. Abbażi ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni ssostni li fiż-żmien li fih ingħataw il-miżuri 1 u 4 Valencia CF kien jinsab f'diffikultà.

(83)

Bħala konklużjoni l-Kummissjoni tqis li minħabba l-fatt li fiż-żmien qabel ġew implimentati l-miżuri t-tliet klabbs kienu f'diffikultà finanzjarja dawn jistgħu jitqiesu li għandhom klassifikazzjoni fil-kategorija CCC (25).

(84)

Valencia CF jappoġġja l-fatt li valur aggregat tas-suq tal-plejers tiegħu flimkien mal-fatt li l-kapital reġistrat tiegħu fil-perjodu ta' bejn l-2007–2009 ma naqasx iżda baqa' stabbli u l-fatt li fl-2011 u fl-2012 l-klabb reġa' beda jagħmel il-qligħ jista' jkun biżżejjed biex tiġi konfutata l-preżunzjoni li Valencia CF kien f'diffikultajiet finanzjarji minħabba li kellu ekwità negattiva matul il-perjodu bejn l-2007–2009. Għar-raġunijiet diġà spjegati fil-premessi 70–83, il-Kummissjoni ma tistax taċċetta l-argumenti ppreżentati hawn fuq.

(85)

Rigward l-element ta' għajnuna fil-miżuri, li kollha jinvolvu garanziji tal-Istat, il-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-Avviż ta' Garanzija tal-2008, it-Taqsimiet 2.2 u 3.2. L-Avviż ta' Garanzija tal-2008 jistabbilixxi li t-twettiq ta' ċerti kundizzjonijiet jista' jkun biżżejjed għall-Kummissjoni biex teskludi l-preżenza ta' għajnuna mill-Istat, bħall-fatt li l-mutwatarju ma jkunx f'diffikultà finanzjarja u li l-garanzija ma tkoprix aktar minn 80 % tas-self pendenti jew ta' obbligu finanzjarju ieħor. Madankollu, meta mutwatarju ma jħallasx prezz li jġorr riskju għall-garanzija, dan ikun kiseb vantaġġ. Barra minn hekk, meta l-mutwatarju jkun ditta f'diffikultà finanzjarja, mingħajr garanzija tal-Istat ma jirnexxilux isib istituzzjoni finanzjarja li tkun lesta li ssellfu, ikunu xi jkunu l-kundizzjonijiet.

(86)

F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma taqbilx mal-argument ta' Spanja li l-kundizzjonijiet tal-Avviż ta' Garanzija tal-2008 huma ssodisfati. Bl-applikazzjoni ta' dawn il-kriterji għall-każ inkwistjoni, il-Kummissjoni ssib li:

(a)

Valencia CF, Hercules CF u Elche CF kienu f'diffikultà finanzjarja (ara l-premessi 70-82 hawn fuq) fiż-żmien tal-għoti tal-miżuri 1, 2, 3 u 4.

(b)

Kif intwera fil-premessi 7–9 hawn fuq, il-garanziji kienu jkopru aktar minn 100 % tas-self sottostanti.

(c)

Il-primjums annwali ta' garanzija ta' 0,5 %–1 % imposti għall-garanziji inkwistjoni ma jistgħux jitqiesu li jirriflettu r-riskju ta' inadempjenza għas-self garantit, minħabba d-diffikultajiet ta' Valencia CF, Hercules CF u Elche CF u b'mod partikolari l-proporzjon ta' ingranaġġ għoli tagħhom jew il-fatt li kellhom ekwità negattiva fiż-żmien tal-miżuri inkwistjoni.

(87)

Abbażi ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri 1, 2, 3 u 4 ma rrispettawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Avviż ta' Garanzija tal-2008 u għalhekk tasal għall-fehma li l-benefiċjarji ma kinux jiksbu l-miżuri taħt l-istess termini fis-suq u li għalhekk dawn il-miżuri taw vantaġġ indebitu lill-benefiċjarji.

(88)

Għalhekk, fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-miżuri 1, 2, 3 u 4, mogħtija mill-Istat fl-2009, fl-2010 u fl-2011 taw vantaġġ indebitu lill-benefiċjarji.

7.1.3.   Id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri

(89)

Il-vantaġġ għal klabb professjonali li jilgħab fl-ogħla lîg jew fit-tieni lîg nazzjonali jista' jkollu effett fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Klabbs professjonali tal-ewwel u tat-tieni lîgs jikkompetu għal preżenza f'kampjonati Ewropej, fi Spanja permezz tal-Koppa Spanjola (“Copa del Rey”) li fiha jikkompetu timijiet mil-La Liga u mis-Segunda A u mis-Segunda B, u r-rebbieħ jipparteċipa fil-UEFA Europa League (sakemm ma jikkwalifikax għall-UEFA Champions League). Fiż-żmien tal-miżuri taħt skrutinju, Valencia CF ipparteċipa f'kompetizzjonijiet internazzjonali (fl-Europa League fl-istaġuni tal-2008–2009 u tal-2009–2010), filwaqt li Hercules CF kien għadu kemm ikkwalifika bħala runner up għas-Segunda División u Elche CF kien qiegħed jilgħab fis-Segunda División (fl-istaġun tal-2013–2014 lagħab f'La Liga). Fiż-żmien tal-miżuri 2 u 3 Hercules CF u Elche CF ipparteċipaw ukoll fil-Copa del Rey. Barra minn hekk, klabbs professjonali fl-ewwel u fit-tieni lîgs huma attivi wkoll fis-swieq tal-merchandising u tad-drittijiet televiżivi. Id-drittijiet tax-xandir, il-merchandising u l-isponsorjar huma sorsi ta' dħul li għalihom dawn il-klabbs jikkompetu ma' klabbs oħra kemm f'pajjiżhom kif ukoll barra minn pajjiżhom. Aktar ma l-klabbs ikollhom fondi disponibbli biex jattiraw l-aqwa plejers possibbli akbar ikun iċ-ċans tagħhom li jirnexxu f'kompetizzjonijiet sportivi, li jipprometti aktar introjtu mill-imsemmija attivitajiet. Għalhekk, il-Kummissjoni tasal għall-fehma li l-miżuri li qed jiġu vvalutati għandhom il-potenzjal li jfixklu jew jheddu li jfixklu l-kompetizzjoni u jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

7.1.4.   Konklużjonijiet rigward l-eżistenza ta' għajnuna

(90)

Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri 1, 2, 3 u 4 kienu jinvolvu għajnuna mill-Istat mogħtija lil Valencia CF (il-miżura 1 u 4), lil Hercules CF (il-miżura 2) u lil Elche CF (il-miżura 3).

7.2.   Kwantifikazzjoni tal-għajnuna

(91)

Fl-Avviż ta' Garanzija tal-2008 il-Kummissjoni stabbilixxiet il-prinċipji ġenerali għall-kalkolu tal-element ta' għajnuna f'garanziji.

(92)

Il-Kummissjoni tinnota li l-miżuri taħt skrutinju ppermettew lill-benefiċjarji biex ikomplu joperaw b'tali mod li, għall-kuntrarju ta' kompetituri oħra b'diffikultajiet finanzjarji, dawk il-benefiċjarji ma kellhomx jiffaċċjaw il-konsegwenzi negattivi li normalment jirriżultaw mir-riżultati finanzjarji tagħhom.

(93)

Skont it-taqsima 4.2 tal-Avviż ta' Garanzija tal-2008, il-Kummissjoni tqis li, għal kull garanzija, l-ammont ta' għajnuna huwa ugwali għall-element ta' sussidju tal-garanzija, jiġifieri l-ammont li jirriżulta mid-differenza bejn, minn naħa waħda, ir-rata tal-imgħax tas-self li tkun ġiet applikata fil-fatt bis-saħħa tal-garanzija tal-Istat flimkien mat-tariffa tal-garanzija u, min-naħa l-oħra, ir-rata tal-imgħax li kieku kienet tiġi applikata għal self mingħajr garanzija tal-Istat. Il-Kummissjoni tinnota li minħabba l-għadd limitat ta' osservazzjonijiet ta' tranżazzjonijiet simili fis-suq, dan il-parametru referenzjarju mhuwiex se jipprovdi tqabbil sinifikanti. Għalhekk il-Kummissjoni se tuża r-rata referenzjali rilevanti (26), li hija ta' 1 000 punt bażi fid-dawl tad-diffikultajiet tat-tliet klabbs tal-futbol u l-valur baxx ħafna tat-titoli tas-self, flimkien ma' 124-149 punt bażi bħala r-rati bażi ta' Spanja fiż-żmien tal-miżuri ta' għajnuna. Tabilħaqq, kull selfa kienet titolizzata b'rahan fuq l-ishma akkwistati fil-klabbs. Madankollu, dawn tal-aħħar kienu f'diffikultà, jiġifieri kienu qed iwettqu operazzjonijiet li jwasslu għal telf, u ma kien hemm l-ebda pjan ta' vijabbiltà kredibbli fis-seħħ biex juri li dawk l-operazzjonijiet kienu sejrin jispiċċaw jagħmlu l-qligħ għall-azzjonisti tagħhom. Għalhekk it-telf ta' dawk il-klabbs kien inkluż fil-valur tal-ishma tal-istess klabbs, u għalhekk il-valur ta' dawk l-ishma bħala titolu ta' self kien viċin iż-żero. Abbażi tal-kalkoli tal-Kummissjoni, l-ammont tal-għajnuna fil-miżuri li qed jiġu vvalutati huwa ta' EUR 20,381 miljun fil-każ ta' Valencia CF (EUR 19,193 miljun taħt il-miżura 1 flimkien ma' EUR 1,188 miljun taħt il-miżura 4), ta' EUR 6,143 miljun fil-każ ta' Hercules CF u ta' EUR 3,688 miljun fil-każ ta' Elche CF. Il-kalkoli tal-Kummissjoni huma kif ġej:

(a)

Għall-miżura 1: ir-rata tal-imgħax applikata ta' 6,5 % titnaqqas mir-rata tal-imgħax applikabbli tas-suq ta' 11,45 %, jiġifieri 1 000 punt bażi għal Valencia CF flimkien ma' 145 punt bażi bħala rata bażi għal Spanja f'Novembru 2009 (27). Ir-riżultat jiġi mmultiplikat bl-ammont tas-self ta' EUR 75 miljun u bit-tul attwali tas-self ta' 5,17 snin. Ir-riżultat finali jammonta għal EUR 19,193 miljun.

(b)

Għall-miżura 2: ir-rata tal-imgħax applikata ta' 4,41 % titnaqqas mir-rata tal-imgħax applikabbli tas-suq ta' 11,24 %, jiġifieri 1 000 punt bażi għal Hercules CF flimkien ma' 124 punt bażi bħala rata bażi għal Spanja f'Lulju 2010 (28). Ir-riżultat jiġi mmultiplikat bl-ammont tas-self ta' EUR 18-il miljun u bit-tul tas-self ta' ħames snin. Ir-riżultat finali jammonta għal EUR 6,143 miljun.

(c)

Għall-miżura 3: ir-rata tal-imgħax applikata ta' 6,22 % titnaqqas mir-rata tal-imgħax applikabbli tas-suq ta' 11,49 %, jiġifieri 1 000 punt bażi għal Elche CF flimkien ma' 149 punt bażi bħala rata bażi għal Spanja fi Frar 2011 (28). Ir-riżultat jiġi mmultiplikat bl-ammont tas-self ta' EUR 14-il miljun u bit-tul tas-self ta' ħames snin. Ir-riżultat finali jammonta għal EUR 3,688 miljun.

(d)

Għall-miżura 4: ir-rata tal-imgħax applikata ta' 6,5 % titnaqqas mir-rata tal-imgħax applikabbli tas-suq ta' 11,45 %, jiġifieri 1 000 punt bażi għal Valencia CF flimkien ma' 145 punt bażi bħala rata bażi għal Spanja f'Novembru 2010 (28). Ir-riżultat jiġi mmultiplikat bl-ammont tas-self ta' EUR 6 miljuni u bil-bqija tat-tul attwali tas-self ta' erba' snin. Ir-riżultat finali jammonta għal EUR 1,188 miljun.

(94)

Abbażi ta' dan ta' hawn fuq, l-element totali ta' għajnuna fil-miżuri 1, 2, 3 u 4 jammonta għal EUR 30,212 miljun.

(95)

Fundacion Valencia jsostni li, jekk jiġi determinat li l-garanzija inkwistjoni tinvolvi xi element ta' għajnuna mill-Istat, fil-valutazzjoni tagħha l-Kummissjoni għandha tqis ukoll il-perjodi ta' sospensjoni jew ta' invalidità tal-garanzija bħala riżultat tad-diversi proċedimenti legali mnedija fi Spanja (ara l-premessa 46(h)). Il-Kummissjoni ma tistax taċċetta din id-dikjarazzjoni peress li qabel il-bejgħ tal-ishma f'Valencia CF ma kienet saret l-ebda kanċellazzjoni irriversibbli tal-garanzija u l-ebda ħlas lura sussegwenti tas-self sottostanti u għalhekk il-vantaġġ mogħti permezz tal-garanzija baqa' fis-seħħ matul il-perjodu bejn l-għoti tal-garanzija u l-kanċellazzjoni tal-garanzija wara l-bejgħ tal-ishma f'Valenzja CF.

7.3.   Legalità tal-għajnuna

(96)

L-Artikolu 108(3) tat-TFUE jiddikjara li Stat Membru ma għandux idaħħal miżura ta' għajnuna fis-seħħ qabel ma l-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni li tawtorizza din il-miżura. Il-Kummissjoni tosserva li l-miżuri identifikati kienu ngħataw bi ksur tan-notifika u tal-obbligi ta' sospensjoni stabbiliti mill-Artikolu 108(3) tat-TFUE. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-miżuri 1, 2, 3 u 4 jikkwalifikaw bħala għajnuna illegali mill-Istat.

7.4.   Il-kompatibbiltà tal-għajnuna

(97)

Il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk il-miżuri ta' għajnuna identifikati hawn fuq jistgħux jitqiesu kompatibbli mas-suq intern. Skont il-ġurisprudenza tal-Qrati tal-Unjoni, huwa l-kompitu tal-Istat Membru li jinvoka raġunijiet possibbli ta' kompatibbiltà u li juri li l-kundizzjonijiet għal tali kompatibbiltà huma ssodisfati. (29)

(98)

Il-Kummissjoni tinnota li Spanja (jew kull parti interessata) ma pprovdietx kummenti dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri 2, 3 u 4 mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE jew fuq xi bażi oħra.

(99)

Valencia CF jargumenta li l-miżura 1 tkun kompatibbli mal-qafas Komunitarju Temporanju tal-2009 għal miżuri ta' għajnuna mill-Istat biex isostnu l-aċċess għal finanzjament fil-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali (30) (“Il-Qafas Temporanju tal-2009”) li ġie adottat biex jiġu indirizzati defiċjenzi li jirriżultaw mill-kriżi ekonomika u finanzjarja li bdiet f'Ottubru 2008. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li d-diffikultajiet ta' Valencia CF kienu bdew qabel il-kriżi finanzjarja, saħansitra fis-sena fiskali li għalqet f'Ġunju 2007 (ara t-Tabella 1 hawn fuq), filwaqt li l-Qafas Temporanju tal-2009 kellu l-għan li jindirizza l-problemi li nqalgħu fil-kuntest tal-kriżi. Tabilħaqq, skont il-punt (i) tat-Taqsima 4.3.2 tal-Qafas Temporanju, “l-għajnuna tapplika biss għal impriżi li ma kinux f'diffikultà fl-1 ta' Lulju 2008; tista' tingħata lil impriżi li ma kinux f'diffikultà f'dik id-data iżda li ltaqgħu mad-diffikultà wara b'riżultat tal-kriżi globali finanzjarja u ekonomika.” Peress li Valencia CF kien ilu f'diffikultà minn Ġunju 2007, il-Kummissjoni tqis li l-Qafas Temporanju tal-2009 ma japplikax għall-miżuri favur Valencia CF.

(100)

Il-Kummissjoni se tivvaluta jekk il-miżuri ta' għajnuna jistgħux jitqiesu bħala kompatibbli skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE li jippermetti għajnuna maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta' ċerti attivitajiet ekonomiċi, sakemm dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni.

(101)

Fil-valutazzjoni tagħha tal-kunċett ta' “żvilupp ta' attivitajiet ekonomiċi” fis-settur sportiv, il-Kummissjoni tieħu kont dovut tal-Artikolu 165(1) tat-TFUE u l-aħħar indent tal-Artikolu 165(2) tat-TFUE li jipprovdu li l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-promozzjoni ta' kwistjonijiet sportivi Ewropej, filwaqt li tqis in-natura speċifika tal-isport, l-istrutturi tiegħu bbażati fuq attività volontarja u l-funzjoni soċjali u edukattiva tiegħu.

(102)

Fil-kummenti tagħha ppreżentati matul il-proċedura ta' investigazzjoni formali, l-LFP issostni li l-attivitajiet sportivi li jsiru mill-klabbs professjonali tal-isport jaqdu funzjoni ta' servizz pubbliku, u tistabbilixxi li skont l-Artikolu 106(2) tat-TFUE, l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni għal dawn il-klabbs ma għandhiex tfixkel it-twettiq tal-kompiti partikolari assenjati lilhom. Il-Kummissjoni tinnota li l-miżuri inkwistjoni kienu jappoġġjaw attivitajiet marbuta mal-futbol professjonali aktar milli l-isport amatorjali. Is-servizzi tal-futbol professjonali huma fornuti mill-forzi tas-suq u għalhekk ma hemmx bżonn li l-Istat jattribwixxi obbligi ta' servizz pubbliku għall-provvista ta' tali servizzi. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni tinnota li ma ntweriex li s-servizzi ta' Valencia CF kienu ġew attribwiti lilu mill-awtoritajiet Spanjoli b'mod li huwa kompatibbli mal-Artikolu 106(2) tat-TFUE, jiġifieri permezz ta' att li jiddefinixxi b'mod ċar is-servizz pubbliku, it-tul tiegħu jew, il-kumpens relevanti u l-kalkolu tiegħu. Abbażi ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni ma taċċettax li l-miżuri inkwistjoni favur Valencia CF jistgħu jkunu kompatibbli skont l-Artikolu 106(2) tat-TFUE.

(103)

Għall-valutazzjoni tagħha tal-miżuri ta' għajnuna skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE, il-Kummissjoni ħarġet għadd ta' Regolamenti, Oqfsa, Linji Gwida u Komunikazzjonijiet li jittrattaw il-forom ta' għajnuna u l-għanijiet orizzontali jew settorjali li għalihom tingħata għajnuna.

(104)

Fid-dawl tan-natura tal-miżuri inkwistjoni u tal-fatt li l-klabbs tal-futbol inkwistjoni kienu qegħdin jiffaċċjaw diffikultajiet finanzjarji meta ngħatat l-għajnuna u li l-għajnuna ġiet mogħtija bl-għan li jiġu indirizzati dawn id-diffikultajiet, il-Kummissjoni se tivvaluta jekk jistgħux japplikaw il-kriterji stabbiliti fil-Linji gwida R&R tal-2004, peress li dawn tal-aħħar kienu fis-seħħ fiż-żmien meta ngħataw il-miżuri ta' għajnuna inkwistjoni (fl-2009, fl-2010 u fl-2011) u skont il-Linji Gwida, it-tliet klabbs tal-futbol jikkwalifikaw bħala impriżi f'diffikultà. F'dan ir-rigward, Spanja tqis li jekk il-Kummissjoni kellha ssib għajnuna mill-Istat fil-miżuri 1 u 4 din tkun kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE, u b'mod partikolari bħala għajnuna għar-ristrutturar skont il-Linji Gwida R&R tal-2004.

(105)

Kif se jiġi spjegat hawn isfel, il-Kummissjoni tinnota li l-miżuri ta' għajnuna taħt skrutinju ma jistgħux jitqiesu bħala għajnuna kompatibbli skont il-Linji Gwida R&R tal-2004, minħabba li l-kundizzjonijiet u l-prinċipji ta' dawn tal-aħħar mhumiex issodisfati.

7.4.1.   Ir-restawr tal-vijabbiltà fit-tul

(106)

Skont il-punt 34 tal-Linji Gwida R&R tal-2004, l-għoti ta' għajnuna għar-ristrutturar għandha tkun kondizzjonali fuq l-implimentazzjoni ta' pjan ta' ristrutturar, li għandu jkun approvat mill-Kummissjoni fil-każijiet kollha ta' għajnuna individwali. Il-punt 35 jispjega li l-pjan ta' ristrutturar, li d-durata tiegħu trid tkun l-iqsar possibbli, jrid jirrestawra l-vijabbiltà fit-tul tal-impriża fi żmien raġonevoli u abbażi ta' suppożizzjonijiet realistiċi rigward il-kundizzjonijiet operatorji futuri.

(107)

Skont il-punt 36 tal-Linji Gwida R&R tal-2004, il-pjan ta' ristrutturar irid jiddeskrivi ċ-ċirkostanzi li wasslu għad-diffikultajiet tal-kumpanija u jqis l-istat preżenti u l-prospetti futuri tas-suq fl-aħjar xenarju, fl-agħar xenarju u fix-xenarju bażi.

(108)

Il-pjan għandu jipprovdi għal bidla totali li sejra tippermetti lill-kumpanija, wara li ttemm ir-ristrutturar tagħha, tkopri l-ispejjeż kollha tagħha inklużi d-deprezzament u t-tariffi finanzjarji. Ir-redditu mistenni fuq il-kapital għandu jkun għoli biżżejjed biex jippermetti lid-ditta ristrutturata tikkompeti fis-suq bil-mertu proprju tagħha (punt 37).

(109)

Matul il-proċedura ta' investigazzjoni formali, Spanja rrilevat li d-deċiżjoni dwar l-għoti tal-miżura 1 lil Fundacion Valencia kienet ibbażata fuq pjan ta' vijabbiltà ta' Mejju 2009.

(110)

Il-Kummissjoni tinnota li dan il-pjan ta' vijabbiltà ma jinkludix xenarji li jirriflettu l-aħjar xenarju, l-agħar xenarju u x-xenarju bażi jew analiżi tar-riskji li jista' jkollhom impatt fuq ir-ristrutturar ta' Valencia CF, bħal pereżempju l-effett tal-pjazzamenti differenti possibbli tal-klabb fil-klassifika finali tal-kampjonati, tibdil fil-prezzijiet fis-suq tal-proprjetà immobbli, fis-suq tal-isponsorizzar jew fis-suq tax-xandir, riskji potenzjali dwar il-kapaċità tal-partitarji li jħallsu biljetti staġjonali jew biljetti għal logħba waħda, riskji ta' korriment tal-plejers, tibdil fis-suq ta' trasferimenti tal-plejers eċċ.

(111)

Barra minn hekk, ir-riżultati finanzjarji previsti mill-pjan ta' vijabbiltà kienu taħt livell li jista' jitqies bħala adegwat għar-restawr tal-vijabbiltà fit-tul ta' Valencia CF. Tabilħaqq, kif intwera fit-Tabella 6 hawn fuq, il-pjan ta' vijabbiltà tal-2009 ippreżenta telf operattiv sas-sena fiskali li għalqet f'Ġunju 2013, jiġifieri fl-erba' snin wara l-għoti tal-garanzija tal-Istat tal-2009. Barra minn hekk, il-profitti operattivi previsti għas-snin fiskali li jagħlqu f'Ġunju 2014 u f'Ġunju 2015 kienu f'marġni operattivi baxxi ħafna, ta' 1 % u ta' 4 % rispettivament. Fl-aħħar nett, f'dak li jirrigwarda l-Qligħ Qabel it-Taxxa previst tal-klabb sas-sena ekonomika li tagħlaq f'Ġunju 2015, tapplika l-istess analiżi bħal fil-każ tal-introjtu operatorju hawn fuq, fejn ir-riżultati konsiderevolment għoljin ta' EUR 50,5 miljuni fis-sena fiskali li għalqet f'Ġunju 2011 u ta' EUR 154,8 miljun f'Ġunju 2012 mhumiex rappreżentattivi tal-prestazzjoni finanzjarja tal-klabb iżda jikkostitwixxu riżultati straordinarji li jirriżultaw mill-bejgħ ta' plottijiet ta' art.

(112)

Abbażi ta' dan ta' hawn fuq, fir-rigward tar-ritorn għall-vijabbiltà, il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni li l-impatt tal-miżuri differenti mhuwiex debitament ikkwantifikat u x-xenarji differenti ma jipprevedux vijabbiltà f'livelli adegwati. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-pjan ta' vijabbiltà, anki kieku kellu jitqies bħala pjan ta' ristrutturar ġenwin fis-sens tal-Linji Gwida R&R tal-2004, mhuwiex komplet sabiex jippermetti lil Valencia CF li jerġa' jakkwista l-vijabbiltà fit-tul tiegħu fuq perjodu ta' żmien raġonevoli.

(113)

Fir-rigward ta' Hercules CF u Elche CF, il-Kummissjoni tinnota li ma ġie ppreżentat ebda pjan marbut mal-vijabbiltà ta' ebda wieħed minn dawk iż-żewġ klabbs, u għalhekk anki fil-każ ta' dawk iż-żewġ klabbs il-punt 34 tal-Linji Gwida R&R tal-2004 mhuwiex issodisfat.

7.4.2.   L-evitar ta' distorsjonijiet bla bżonn tal-kompetizzjoni (miżuri ta' kumpens)

(114)

Skont il-punt 38 tal-Linji Gwida R&R tal-2004, għandhom jittieħdu miżuri ta' kumpens sabiex jiġi żgurat li kemm jista' jkun jitnaqqsu l-effetti negattivi fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu l-iżvestiment tal-assi, it-tnaqqis fil-kapaċità jew fil-preżenza fis-suq u t-tnaqqis ta' ostakli għad-dħul fis-swieq ikkonċernati (punt 39).

(115)

F'dan ir-rigward, il-bejgħ ta' assi użati f'attivitajiet li jagħmlu telf li xorta jkunu meħtieġa sabiex titreġġa' lura l-vijabbiltà mhux sejjer jiġi kkunsidrat bħala tnaqqis tal-kapaċità jew tal-preżenza fis-suq għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-miżuri ta' kumpens (punt 40).

(116)

Bħala miżuri ta' kumpens għal Valencia CF Spanja tipproponi l-bejgħ tal-aktar plejers ta' valur tal-klabb (ara l-premessa 41 hawn fuq). Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li l-plejers mibjugħa kienu qegħdin jintużaw fl-attività tal-klabb li kienet qiegħda tagħmel telf, jiġifieri l-parteċipazzjoni f'kompetizzjonijiet tal-futbol, u għalhekk dan il-bejgħ ma jistax jitqies li kien qiegħed jikkawża tnaqqis fil-kapaċità jew fil-prestazzjoni fl-oqsma profitabbli ta' attività ta' Valencia. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li l-bejgħ tal-plejers imsemmija hawn fuq kien pjuttost meħtieġ bħala miżura ta' ristrutturar għall-vijabbiltà ta' Valencia CF, kif ġie implikat ukoll fil-pjan ta' vijabbiltà tal-2009 ta' dan tal-aħħar. Tabilħaqq, dan il-bejgħ kien meħtieġ sabiex il-klabb jirkupra, permezz taż-żieda fid-dħul u t-tnaqqis tal-ispejjeż għoljin ta' plejers għaljin. Anki jekk finalment dak il-bejgħ seta' jkun ta' benefiċċju għal kompetitur, l-għan ewlieni tiegħu kien li jippermetti l-irkupru ta' Valencia. Għalhekk ma jistax jitqies bħala li kien qiegħed jipprovdi xi benefiċċju għall-kompetituri ta' Valencia CF.

(117)

F'dan l-isfond, il-Kummissjoni tqis li skont il-Linji Gwidi R&R tal-2004 il-miżuri ta' kumpens proposti minn Spanja mhumiex biżżejjed sabiex jiġi żgurat li kemm jista' jkun jiġu minimizzati l-effetti negattivi fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ li jirriżultaw mill-għoti ta' għajnuna lil Valencia CF.

(118)

Fir-rigward ta' Hercules CF u Elche CF, il-Kummissjoni tinnota li ma ġiet ippreżentata ebda miżura ta' kumpens marbuta ma' xi wieħed minn dawk iż-żewġ klabbs, u għalhekk anki fil-każ ta' dawk iż-żewġ klabbs il-punt 38 tal-Linji Gwida R&R tal-2004 mhuwiex issodisfat.

7.4.3.   Għajnuna limitata għall-minimu (kontribuzzjoni proprja)

(119)

Skont il-punt 43 tal-Linji Gwida R&R tal-2004, sabiex l-ammont ta' għajnuna jiġi limitat għall-minimu strett tal-kost għar-ristrutturar neċessarji, hemm bżonn ta' kontribuzzjoni sinifikanti għar-ristrutturar mir-riżorsi proprji tal-benefiċjarju. Dan jista' jinkludi l-bejgħ ta' assi li mhumiex essenzjali għas-sopravivenza tad-ditta, jew finanzjament estern bil-kundizzjonijiet tas-suq.

(120)

Il-kontribuzzjoni proprja għandha tkun reali, jiġifieri attwali, u teskludi l-profitti futuri kollha bħall-fluss tal-flus (punt 43 tal-Linji Gwida R&R tal-2004). Inerentement, il-kontribuzzjoni proprja ma għandha tinkludi ebda għajnuna ulterjuri mill-Istat. Għal ditti kbar bħal Valencia CF (31), il-Kummissjoni ġeneralment tikkunsidra li kontribuzzjoni ta' mill-inqas 50 % tal-kost għar-ristrutturar tkun xierqa. Madankollu, f'ċirkostanzi eċċezzjonali u f'każijiet ta' diffikultajiet partikolari, il-Kummissjoni tista' taċċetta kontribuzzjoni aktar baxxa (il-punt 44 tal-Linji Gwida R&R tal-2004).

(121)

Fid-dawl tal-ammont totali taż-żieda fil-kapital tal-2009 ta' EUR 92,4 miljuni ta' Valencia CF, li jista' jitqies bħala l-kost għar-ristrutturar tiegħu, Spanja tipproponi li l-parteċipazzjonijiet privati fih li laħħqu t-EUR 18,8 miljuni jitqiesu bħala kontribuzzjoni proprja. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li dawk il-parteċipazzjonijiet privati kienu ugwali għal 20 % tal-kost totali għar-ristrutturar. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni tqis li l-parteċipazzjonijiet privati fiż-żieda fil-kapital tal-2009 ta' Valencia CF mhumiex biżżejjed biex jiġu aċċettati bħala kontribuzzjoni proprja.

(122)

Fir-rigward ta' Hercules CF u Elche CF, il-Kummissjoni tinnota li l-miżuri 2 u 3 kienu jikkostitwixxu 100 % tas-sorsi finanzjarji tal-injezzjonijiet ta' kapital rispettivi f'dawk il-klabbs, u għalhekk ma kien hemm ebda parteċipazzjoni privata f'dawk il-miżuri.

(123)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li r-rekwiżiti tal-punt 43 tal-Linji Gwida R&R tal-2004 ma ġewx issodisfati.

7.4.4.   Il-prinċipju “tal-ewwel u l-aħħar darba”

(124)

Fl-aħħar nett, l-għajnuna għandha tirrispetta l-punt 72 tal-Linji Gwida R&R tal-2004, li jipprevedi li kumpanija li matul l-aħħar għax snin tkun irċeviet għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturar mhijiex eliġibbli għal għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturar (il-prinċipju “tal-ewwel u l-aħħar darba”). Fir-rigward ta' Valencia CF, li bbenefika mill-miżuri 1 u 4, Spanja ssostni li l-miżura 4 hija sempliċiment żieda tal-garanzija eżistenti b'EUR 6 miljuni, u għalhekk ma tistax titqies bħala garanzija ġdida u għajnuna ġdida mill-Istat lil Valencia CF. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li ż-żieda tal-2010 tal-garanzija eżistenti tal-Istat tal-2009 imsemmija hawn fuq ma kinitx prevista jew ipprogrammata mill-bidu, meta ngħatat il-garanzija tal-Istat tal-2009, iżda kellha karattru ad hoc peress li ngħatat sabiex jiġi kopert il-pagament ta' mgħax inadempjenti tas-26 ta' Awwissu 2010 tas-self garantit (ara l-premessa 10 aktar 'il fuq). Għalhekk il-Kummissjoni tqis li miżura 4 tikkostitwixxi garanzija ġdida tal-Istat favur Valencia CF u hija separata mill-miżura 1. Peress li fuq perjodu ta' 10 snin Valencia CF bbenefika darbtejn minn għajnuna għar-ristrutturar, jiġifieri fl-2009 u fl-2010, meta irċieva l-garanzija tal-Istat tal-2009 u ż-żieda tal-2010 tal-garanzija preċedenti (2009), il-Kummissjoni tikkonkludi li l-prinċipju “tal-ewwel u l-aħħar darba” ma ġiex rispettat fir-rigward tal-miżura 4, mogħtija favur Valencia CF.

7.5.   Konklużjoni

(125)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni ssib li l-garanzija tal-Istat tal-2009 u ż-żieda tagħha tal-2010 favur Valencia CF, il-garanzija tal-Istat tal-2011 favur Hercules CF u l-garanzija tal-Istat tal-2011 favur Elche CF kienu ngħataw bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE. Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-miżuri ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet meħtieġa mil-Linji Gwida R&R tal-2004. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna mhijiex kompatibbli mas-suq intern.

7.6.   Irkupru

(126)

Skont it-TFUE u l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti, il-Kummissjoni hija kompetenti biex tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat irid jabolixxi jew jimmodifika l-għajnuna meta tkun sabet li din tkun inkompatibbli mas-suq intern. (32) Il-Qorti sostniet ukoll b'mod konsistenti li l-obbligu fuq Stat Membru li jannulla għajnuna meqjusa mill-Kummissjoni bħala inkompatibbli mas-suq intern huwa mfassal biex jistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni kif kienet qabel. (33) F'dan il-kuntest, il-Qorti ddeċidiet li dan l-objettiv jintlaħaq ladarba l-benefiċjarju jkun ħallas lura l-ammonti mogħtija bħala għajnuna illegali, b'hekk jitlef il-vantaġġ li kellu qabel fuq il-kompetituri tiegħu fis-suq, u terġa' tiġi restawrata s-sitwazzjoni ta' qabel il-ħlas tal-għajnuna (34).

(127)

F'konformità mal-każistika, l-Artikolu 16(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 (35) stabbilixxa li “fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f'każijiet ta' għajnuna kontra l-liġi, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju […].”

(128)

Għalhekk, minħabba li l-miżuri inkwistjoni ma kinux ġew notifikati lill-Kummissjoni bi ksur tal-Artikolu 108 tat-TFUE u, għaldaqstant, għandhom jitqiesu bħala illegali u inkompatibbli mas-suq intern, iridu jiġu irkuprati sabiex terġa' tiġi stabbilita s-sitwazzjoni li kienet teżisti fis-suq qabel ma ngħataw. Jenħtieġ li l-irkupru jkopri ż-żmien minn meta l-benefiċjarju rċieva l-vantaġġ, jiġifieri meta l-għajnuniet tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju, sal-irkupru effettiv, u l-ammonti li għandhom jiġu rkuprati jenħtieġ li jinkludu l-imgħax sal-irkupru effettiv.

(129)

Il-Kummissjoni tinnota li Valencia CF irrileva li (ara l-premessa 41 l-ittra (b) hawn fuq), peress li s-sjieda ta' Valencia CF kienet ġiet trasferita fil-kuntest ta' proċedura ta' offerti kompetittiva u miftuħa, l-element ta' għajnuna (jekk jeżisti) kien ikun rifless fil-prezz tas-suq u inkluż fil-prezz tax-xiri u li għalhekk huwa l-bejjiegħ tal-ishma li jżomm il-benefiċċju tal-għajnuna. Skont Valencia CF, fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, l-ammont tal-għajnuna tal-garanzija tal-Istat irid jiġi rkuprat mingħand il-bejjiegħ Fundacion Valencia.

(130)

Il-Kummissjoni tqis li, kif spjegat fil-premessi (47)-(48) hawn fuq, peress li finalment kien il-klabb li bbenefika mill-miżuri 1 u 4, mal-bejgħ tal-2014, l-għajnuna ġiet trasferita wkoll lill-proprjetarju l-ġdid ta' Valencia CF.

(131)

Il-Kummissjoni tinnota li attwalment Elche CF u Hercules CF huma soġġetti għal proċedimenti kollettivi ta' insolvenza (ara l-premessi 18 u 20 hawn fuq). F'konformità ma' ġurisprudenza stabbilita sew, il-fatt li benefiċjarju huwa insolventi jew soġġett għal proċeduri ta' falliment ma għandu l-ebda effett fuq l-obbligu tiegħu li jħallas lura għajnuna illegali u inkompatibbli (36).

8.   KONKLUŻJONI

(132)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li Spanja implimentat b'mod illegali għajnuna għas-somma ta' EUR 30,212 miljun bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE, fil-forma ta':

(a)

Il-garanzija tal-Istat tal-2009 mogħtija minn IVF għax-xiri ta' ishma f'Valencia CF.

(b)

Il-garanzija tal-Istat tal-2010 mogħtija minn IVF għax-xiri ta' ishma f'Hercules CF.

(c)

Il-garanzija tal-Istat tal-2011 mogħtija minn IVF għax-xiri ta' ishma f'Elche CF.

(d)

Iż-żieda tal-2010 tal-garanzija tal-Istat tal-2009 mogħtija minn IVF biex tiġi koperta żieda tas-self eżistenti tal-2009 għax-xiri ta' ishma f'Valenzja CF.

(133)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li Spanja ma tatx għajnuna ġdida permezz tal-ħlas tal-2013 ta' EUR 4,9 miljuni tal-garanziji tal-Istat mogħtija minn IVF favur Valencia CF.

(134)

L-għajnuna mhijiex kompatibbli mas-suq intern peress li ma tistax tiġi awtorizzata bħala għajnuna għar-ristrutturar jew bħala xi tip ieħor ta' għajnuna.

(135)

L-ammonti li għandhom jiġu rkuprati huma EUR 20,381 miljun mingħand Valencia CF, EUR 6,143 miljun mingħand Hercules CF u EUR 3,688 miljun mingħand Elche CF.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżuri li ġejjin jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat li ġiet implimentata illegalment minn Spanja bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u li hija inkompatibbli mas-suq intern.

 

Miżura 1

Il-garanzija tal-Istat mogħtija minn IVF fil-5 ta' Novembru 2009 għal self bankarju lil Fundación Valencia għas-sottoskrizzjoni ta' ishma f'Valencia CF, fil-kuntest taż-żieda fil-kapital minn Valencia CF, fl-ammont ta' EUR 19,193 miljun.

 

Miżura 2

Il-garanzija tal-Istat mogħtija minn IVF fis-26 ta' Lulju 2010 għal self bankarju lil Fundación Hercules għas-sottoskrizzjoni ta' ishma f'Hercules CF, fil-kuntest taż-żieda fil-kapital minn Hercules CF, fl-ammont ta' EUR 6,143 miljun.

 

Miżura 3

Il-garanzija tal-Istat mogħtija minn IVF fis-17 ta' Frar 2011 għal żewġ kuntratti ta' self bankarju lil Fundación Elche għas-sottoskrizzjoni ta' ishma f'Elche CF, fil-kuntest taż-żieda fil-kapital minn Elche CF, fl-ammont ta' EUR 3,688 miljun.

 

Miżura 4

Iż-żieda mogħtija minn IVF fl-10 ta' Novembru 2010 lil Fundación Valencia, fl-ammont ta' EUR 1,188 miljun għall-ħlas ta' kapital, imgħax u spejjeż mhux imħallsa tas-self garantit bil-miżura 1.

Artikolu 2

(1)   Spanja għandha tirkupra l-għajnuna inkompatibbli mogħtija u kif imsemmi fl-Artikolu 1 mingħand Valencia CF għall-Miżuri 1 u 4, mingħand Hercules CF għall-Miżura 2, u mingħand Elche CF għall-Miżura 3.

(2)   L-ammonti li għandhom jiġu rkuprati għandhom jinkludu l-imgħax mid-data li fiha tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji sakemm jiġu effettivament irkuprati.

(3)   L-imgħax għandu jiġi kkalkulat fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (37) u skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 271/2008 (38) li jemenda r-Regolament (KE) Nru 794/2004.

(4)   Spanja għandha tikkanċella l-ħlasijiet tal-għajnuna pendenti kollha msemmija fl-Artikolu 1 b'effett mid-data tal-adozzjoni ta' din id-deċiżjoni.

Artikolu 3

(1)   L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 għandu jkun immedjat u effettiv.

(2)   Spanja għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba' xhur wara d-data ta' notifika ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

(1)   Fi żmien xahrejn wara n-notifika ta' din id-Deċiżjoni, Spanja għandha tissottometti l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-ammont totali (il-kapital u l-imgħaxijiet ta' rkupru) li għandu jiġi rkuprat minn kull benefiċjarju;

(b)

deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri li diġà ttieħdu u li huma ppjanati sabiex jikkonformaw ma' din id-Deċiżjoni;

(c)

dokumenti li juru li l-benefiċjarji ġew ordnati jħallsu lura l-għajnuna.

(2)   Spanja għandha żżomm lill-Kummissjoni informata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali li ttieħdu sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni sakemm tiġi rkuprata l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1. Għandha tissottometti minnufih, fuq sempliċi talba tal-Kummissjoni, informazzjoni dwar il-miżuri li jkunu diġà ttieħdu u dawk ippjanati għal konformità ma' din id-Deċiżjoni. Għandha tipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti tal-għajnuna u l-imgħax tal-irkupru li diġà ġew irkuprati mingħand il-benefiċjarji.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta' Spanja.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Lulju 2016.

Għall-Kummissjoni

Margrethe VESTAGER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 69, 7.3.2014, p. 99.

(2)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 1.

(3)  Tariffa imposta minn mutwatarju lil mutwanti għal linja ta' kreditu mhux użata jew għal self mhux żburżat

(4)  Ir-rapport annwali ta' Valencia CF ta' Ġunju 2012 jgħid li Valencia CF jagħmel parti minn grupp ta' kumpaniji li l-kumpanija prinċipali jew azzjonarja tiegħu hija Fundacion Valencia.

(*1)  Data kunfidenzjali.

(5)  ĠU C 155, 20.6.2008, p. 10.

(6)  ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

(7)  B'mod partikolari: (a) it-Tmien Dispożizzjoni Addizzjonali tal-Liġi tal-Generalitat Valenciana 7/1990 tat-28 ta' Diċembru 1990 dwar il-Baġits għall-1991, li waqqfet l-IVF; u (b) id-Digriet Leġiżlattiv tas-26 ta' Ġunju 1991 tal-Kunsill ta' Valencia li emenda l-Liġi tal-Generalitat Valenciana dwar il-Finanzi Pubbliċi.

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Mejju 2004 fil-kawża C40/2000, il-premessa 120; is-Sentenza tal-Qorti tal-20 ta' Settembru 2001 fil-kawża C-390/98, il-premessi 77–78; u s-Sentenza tal-Qorti tat-8 ta' Mejju 2003 fil-kawżi C-328/99 u C-399/00, il-premessa 83.

(9)  Kif ippreżentat minn Valencia CF: (a) il-valur kontabilistiku aggregat (il-kost tax-xiri bit-tnaqqis tal-amortizzament annwali) tal-plejers ta' Valencia CF, kif rifless fil-kontijiet annwali tiegħu tal-2008/09, kien ta' EUR 95,7 miljuni; (b) il-valur globali stmat tas-suq tal-plejers ta' Valencia CF f'Ġunju 2009 kien ta' madwar EUR 235,7 miljuni; u (c) fis-sena finanzjarja li għalqet f'Ġunju 2010 il-plejers inbiegħu għal EUR 78,7 miljuni (filwaqt li n-nefqa fuq plejers ġodda laħħaq l-EUR 14,5 miljuni).

(10)  ĠU C 16, 22.1.2009, p. 1.

(11)  Il-Kawża C-482/99 ir-Repubblika Franċiża vs Il-Kummissjoni (Stardust Marine) [2002] il-Ġabra I-4397.

(12)  Il-Kawża C-200/97 Ecotrade EU:C:1998:579, il-paragrafu 41 u l-Kawżi Magħquda C-399/10 P u C-401/10 P, Bouygues u Bouygues Télécom v Il-Kummissjoni u Oħrajn EU:C:2013:175, il-paragrafi 137–139.

(13)  http://www.ivf.gva.es/

(14)  http://www.ivf.gva.es/p.aspx?pag=InformacionInstitucional

(15)  Stardust Marine, § 56; Air France, § 58.

(16)  Steinlike & Weinlig v Il-Ġermanja, 78/76, is-sentenza tat-22 ta' Marzu 1977, §§ 17–18.

(17)  Pearle BV et al. v Hoofdbedrijfschap Ambachten, C-345/02, is-sentenza tal-15 ta' Lulju 2004, § 37.

(18)  Ara s-sentenza tal-Qorti fil-kawża Cassa di Risparmio di Firenze, C-222/04.

(19)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/716/KE tat-2 ta' April 2008 dwar l-għajnuna mill-Istat C 38/07 (ex NN 45/07) implimentata minn Franza favur d'Arbel Fauvet Rail SA (ĠU L 238, 5.9.2008, p. 27), Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/541/UE tat- 22 ta' Frar 2012 dwar għajnuna mill-Istat SA.26534 (C 27/10 ex NN 6/09) mogħtija mill-Greċja lill-United Textiles SA (ĠU L 279, 12.10.2012, p. 30), 2014/539/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 27 ta' Marzu 2014 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.34572 (13/C) ( ex 13/NN) implimentata mill-Ġreċja għal Larco General Mining & Metallurgical Company S.A. (ĠU L 254, 28.8.2014, p. 24).

(20)  Il-Kawżi Magħquda T-102/07 Freistaat Sachsen v Il-Kummissjoni u T-120/07 MB Immobilien u MB System v Il-Kummissjoni, [2010] il-Ġabra II-585.

(21)  https://www.standardandpoors.com/en_US/web/guest/article/-/view/sourceId/504352

(22)  “Debitur ikklassifikat bħala ‘C’ huwa attwalment vulnerabbli għal nuqqas ta' ħlas li jwassal għal klassifikazzjoni tal-emittent ta' ‘SD’ jew ‘D’, u jiddependi fuq kundizzjonijiet ta' negozju, finanzjarji u ekonomiċi favorevoli sabiex jissodisfa l-impenji finanzjarji tiegħu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

(23)  “Debitur ikklassifikat bħala ‘R’ huwa taħt superviżjoni regolatorja minħabba l-kundizzjoni finanzjarja tiegħu. Waqt li s-superviżjoni regolatorja tkun għadha pendenti r-regolaturi jista' jkollhom is-setgħa li jiffavorixxu klassi waħda ta' obbligi fuq oħrajn jew iħallsu ċerti obbligi u mhux oħrajn.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

(24)  “Debitur ikklassifikat bħala ‘SD’ (inadempjenza selettiva) jew ‘D’ ikun naqas milli jħallas obbligu finanzjarju wieħed jew aktar tiegħu (ikklassifikat jew mhux ikklassifikat), esklużi strumenti ibridi klassifikati bħala kapital regolatorju jew f'kontumaċja skont it-termini, meta kien dovut. Debitur jitqies li huwa f'kontumaċja sakemm Standard & Poor's ma temminx li dawn il-ħlasijiet sejrin isiru fi żmien kull perjodu ta' grazzja dikjarat. Madankollu, kull perjodu ta' grazzja itwal minn ħamest ijiem ta' negozju għandu jitqies bħala ħamest ijiem ta' negozju. Klassifikazzjoni ‘D’ tiġi assenjata meta Standard & Poor's temmen li l-inadempjenza se tkun inadempjenza ġenerali u li d-debitur se jonqos milli jħallas l-obbligi kollha jew sostanzjalment kollha tiegħu meta dawn ikunu dovuti. Klassifikazzjoni ‘SD’ tiġi assenjata meta Standard & Poor's temmen li d-debitur ikun f'inadempjenza selettiva fir-rigward ta' ħruġ jew klassi ta' obbligi speċifiċi, esklużi strumenti ibridi klassifikati bħala kapital regolatorju, iżda se jibqa' jissodisfa l-obbligi ta' ħlas tiegħu fir-rigward ta' ħruġ jew klassijiet ta' obbligi oħrajn fil-ħin. Il-klassifikazzjoni ta' debitur titnaqqas għal ‘D’ jew ‘SD’ jekk ikun qiegħed iwettaq offerta ta' skambju oneruża.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

(25)  Din il-kategorija ta' klassifikazzjoni tirreferi għal kumpaniji li l-kapaċità tagħhom li jħallsu tiddependi fuq kundizzjonijiet favorevoli kontinwi u tinkludi l-klassifikazzjonijiet CCC+, CCC u CCC-, CC skont l-iskala ta' klassifikazzjoni ta' Standard and Poor's.

(26)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta' referenza u ta' skont (ĠU C 14, 19.1.2008, p. 6).

(27)  Ara http://ec.europa.eu/competition/state_aid/legislation/base_rates_eu27_en.pdf.

(28)  Ara n-nota ta'qiegħ il-paġna 27.

(29)  C-364/90, L-Italja v Il-Kummissjoni, il-punt 20.

(30)  ĠU C 83, 7.4.2009, p. 1.

(31)  Skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta' intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36), il-kategorija ta' intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (SMEs) hija magħmula minn intrapriżi li jħaddmu inqas minn 250 persuna u li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx il-EUR 50 miljun, u/jew it-total tal-karta tal-bilanċ annwali tagħhom ma jaqbiżx it-EUR 43 miljun. Barra minn hekk, id-data li għandha tiġi applikata għall-kalkolu tal-għadd ta' impjegati u l-ammonti finanzjarji hija dik li tirrigwarda l-aħħar perjodu ta' kontabilità approvat u kkalkulat fuq bażi annwali. Fil-każ attwali, fl-aħħar perjodi kontabilistiċi approvati qabel il-miżuri 1 u 2, Valencia CF kellu fatturat annwali ta' EUR 99,4 miljuni fis-sena finanzjarja li għalqet f'Ġunju 2008 u ta' EUR 82,4 miljuni fis-sena finanzjarja li għalqet f'Ġunju 2009. Għalhekk Valencia CF kien qabeż wieħed mil-limiti li taħthom impriża titqies bħala SME.

(32)  Ara l-Kawża C-70/72 Il-Kummissjoni v il-Ġermanja [1973] il-Ġabra 00813, il-paragrafu 13.

(33)  Ara l-Kawżi Magħquda C-278/92, C-279/92 u C-280/92 Spanja v il-Kummissjoni [1994] il-Ġabra I-4103, il-paragrafu 75.

(34)  Ara l-Kawża C-75/97 Il-Belġju v il-Kummissjoni [1999] il-Ġabra I-030671 il-paragrafi 64–65.

(35)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta' Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9).

(36)  Il-Kawża C-42-93, Spanja v il-Kummissjoni, [1994] il-Ġabra I-4175.

(37)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta' April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1).

(38)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 271/2008 tat-30 ta' Jannar 2008 li jemenda ir-Regolament (KE) Nru 794/2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 82, 25.3.2008, p. 1).


Top