Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D0233

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/233 tas-7 ta' Frar 2017 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Gżejjer Marshall dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir

    ĠU L 36, 11.2.2017, p. 3–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/233/oj

    Related international agreement

    11.2.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 36/3


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/233

    tas-7 ta' Frar 2017

    dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Gżejjer Marshall dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 77(2), flimkien mal-punt (a)(v) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Billi:

    (1)

    Il-Kummissjoni nnegozjat Ftehim f'isem l-Unjoni, mar-Repubblika tal-Gżejjer Marshall dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (il-“Ftehim”).

    (2)

    F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1363 (2), il-Ftehim ġie ffirmat u jiġi applikat fuq bażi proviżorja mit-28 ta' Ġunju 2016.

    (3)

    Il-Ftehim jistabbilixxi Kumitat Konġunt ta' esperti għall-ġestjoni tal-Ftehim. F'dan il-Kumitat Konġunt, l-Unjoni għandha tkun irrappreżentata mill-Kummissjoni, li għandha tkun assistita mir-rappreżentanti tal-Istati Membri.

    (4)

    Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li r-Renju Unit ma jieħux sehem fihom, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (3); għalhekk ir-Renju Unit mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhux marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.

    (5)

    Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li l-Irlanda ma tieħux sehem fihom, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (4); għalhekk l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

    (6)

    Il-Ftehim għandu jiġi approvat,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Gżejjer Marshall dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill għandu, f'isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista mill-Artikolu 8(1) tal-Ftehim (5).

    Artikolu 3

    Il-Kummissjoni, assistita mir-rappreżentanti tal-Istati Membri, għandha tirrappreżenta lill-Unjoni fil-Kumitat Konġunt ta' esperti stabbilit skont l-Artikolu 6 tal-Ftehim.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Frar 2017.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    L. GRECH


    (1)  Approvazzjoni mogħtija fl-1 ta' Diċembru 2016.

    (2)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1363 tal-24 ta' Ġunju 2016 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Gżejjer Marshall dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (ĠU L 216, 11.8.2016, p. 1).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).

    (4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

    (5)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tiġi ppubblikata f'Il Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


    Top