This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32017D0166
Commission Decision (EU) 2017/166 of 27 November 2015 on State aid SA.38831 (2014/C) (ex 2014/N) which Portugal is planning to implement for Volkswagen Autoeuropa, Lda (notified under document C(2015) 8232) (Text with EEA relevance. )
Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/166 tas-27 ta' Novembru 2015 dwar għajnuna mill-Istat SA. 38831 (2014/C) (ex 2014/N) li l-Portugall qiegħed jippjana li jimplimenta għal Volkswagen Autoeuropa, Lda (notifikata bid-dokument C(2015) 8232) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )
Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/166 tas-27 ta' Novembru 2015 dwar għajnuna mill-Istat SA. 38831 (2014/C) (ex 2014/N) li l-Portugall qiegħed jippjana li jimplimenta għal Volkswagen Autoeuropa, Lda (notifikata bid-dokument C(2015) 8232) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )
ĠU L 27, 1.2.2017, pp. 123–142
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
1.2.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 27/123 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/166
tas-27 ta' Novembru 2015
dwar għajnuna mill-Istat SA. 38831 (2014/C) (ex 2014/N) li l-Portugall qiegħed jippjana li jimplimenta għal Volkswagen Autoeuropa, Lda
(notifikata bid-dokument C(2015) 8232)
(Il-verżjoni Portugiża biss hija awtentika)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,
Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,
Wara li stiednet lill-partijiet interessati jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjoni(jiet) (1),
Billi:
1. PROĊEDURA
|
(1) |
Permezz ta' notifika elettronika rreġistrata fit-30 ta' Ġunju 2014, il-Portugall innotifika għajnuna għall-investiment reġjonali li huwa kien ta, soġġett għall-approvazzjoni tagħha mill-Kummissjoni, fit-30 ta' April 2014 lil Volkswagen Autoeuropa, Lda (minn hawnhekk 'il quddiem “Autoeuropa”). |
|
(2) |
Permezz ta' ittra tat-2 ta' Ottubru 2014, il-Kummissjoni infurmat lill-Portugall li hija kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-għajnuna. |
|
(3) |
Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti bidu għall-proċedura ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jissottomettu l-kummenti tagħhom. |
|
(4) |
Il-Portugall issottometta kummenti dwar id-deċiżjoni ta' ftuħ fil-15 ta' Diċembru 2014 (2014/127950); kienet ipprovduta aktar informazzjoni bł-ittri tas-27 ta' Frar 2015 (2015/019588), tat-12 ta' Ġunju 2015 (2015/056315) u tas-27 ta' Lulju 2015 (2015/073908). Fid-19 ta' Mejju 2015 fil-bini ta' Autoeuropa saret laqgħa bejn is-servizzi tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet Portugiżi u l-benefiċjarju. |
|
(5) |
Il-Kummissjoni ma rċeviet ebda kumment mingħand il-partijiet interessati. |
2. DESKRIZZJONI DDETTALJATA TAL-MIŻURA/GĦAJNUNA
2.1. GĦAN TAL-MIŻURA TA' GĦAJNUNA
|
(6) |
Bl-għoti tal-għajnuna għall-investiment fl-istabbiliment eżistenti ta' Autoeuropa f'Palmela, fir-reġjun tal-Peninsula de Setubal, reġjun eliġibbli għall-għajnuna reġjonali skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE, b'limitu massimu standard ta' 15 % ta' għajnuna reġjonali għall-intrapriżi kbar skont il-mappa Portugiża tal-għajnuna reġjonali għall-perjodu 2007 — Ġunju 2014 (3), il-Portugall beħsiebu jkompli jiżviluppa r-reġjun ikkonċernat. |
2.2. IL-BENEFIĊJARJU
|
(7) |
Il-benefiċjarju tal-għajnuna huwa Autoeuropa, kumpanija sussidjarja 100 % tal-Grupp Volkswagen (minn hawnhekk 'il quddiem “Grupp VW”). Il-Grupp VW ġie deskritt f'diversi deċiżjonijiet dwar għajnuna mill-Istati, l-aktar riċentement fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Lulju 2014 li tiftaħ l-investigazzjoni formali dwar l-għajnuna reġjonali favur AUDI HUNGARIA MOTOR Ltd. (4) li l-Kummissjoni tirreferi għaliha għal deskrizzjoni ulterjuri tal-Grupp VW. |
|
(8) |
Autoeuropa ilha attiva fir-reġjun ta' Setubal minn Ġunju 1991, tipproduċi diversi mudelli ta' karozzi tal-passiġġieri taħt il-marka VW. Autoeuropa hija kumpanija kbira. La l-Grupp VW u lanqas Euroeuropa ma jistgħu jitqiesu bħala kumpanija f'diffikultà skont it-tifsira tal-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta' kumpaniji f'diffikultà (5) fis-seħħ fiż-żmien tan-notifika. |
2.3. IL-PROĠETT TA' INVESTIMENT
|
(9) |
Il-proġett ta' investiment jikkonsisti fl-introduzzjoni ta' teknoloġija ġdida ta' produzzjoni, imsejħa “Modularer Querbaukasten” (minn hawnhekk 'il quddiem “MQB”) li tieħu post il-produzzjoni tradizzjonali bbażata fuq pjattaforma. Din it-teknoloġija ġdida ta' produzzjoni tippermetti flessibbiltà kbira fil-produzzjoni ta' mudelli ta' karozzi tal-passiġġieri u r-realizzazzjoni ta' effetti maġġuri ta' sinerġija fil-produzzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni tirreferi għad-deċiżjoni tagħha tat-13 ta' Lulju 2011 li tiftaħ investigazzjoni formali dwar l-għajnuna reġjonali favur Volkswagen Sachsen (6) għal deskrizzjoni aktar dettaljata tat-teknoloġija. |
|
(10) |
L-investiment f'Palmela jippermetti lil Autoeuropa li tipproduċi karozzi tal-passiġġieri li jappartjenu għal tliet segmenti differenti tas-suq tal-karozzi tal-passiġġieri definiti skont il-klassifikazzjoni ta' POLK (7), jiġifieri s-segment A0, is-segment A u s-segment B. Fil-preżent, il-Grupp VW beħsiebu jipproduċi fuq il-linja ta' produzzjoni l-ġdida SUV li tappartjeni għas-segment A0, u karozza tal-passiġġieri li għadha ma ġietx definita b'mod sħiħ li tappartjeni għas-segment […] (*1), li għandha tieħu post il-mudell attwali bbażat fuq pjattaforma tas-segment […] ta' Autoeuropa. Il-Grupp VW ma eskludiex il-possibbiltà li jibda l-produzzjoni ta' karozza tal-passiġġieri li tappartjeni għas-segment B fi żmien ħames snin wara t-tlestija tal-investiment. Il-kapaċità globali maħluqa bl-investiment tammonta għal [140 000-160 000] karozza fis-sena, li minnha, abbażi tal-pjanijiet preżenti, kapaċità ta' [80 000-100 000] hija ddedikata għall-produzzjoni tal-SUV A0 u kapaċità ta' [50 000-60 000] hija indikata għall-mudell tas-segment […]. |
|
(11) |
L-investiment beda fis-26 ta' Ġunju 2014, u huwa previst li jitlesta fil-biċċa l-kbira tiegħu sa Diċembru 2018. Il-produzzjoni sħiħa hija ppjanata għall-aħħar tal-2018. |
2.4. SPEJJEŻ TAL-PROĠETT TA' INVESTIMENT
|
(12) |
Skont il-kuntratt ta' investiment u għajnuna ffirmat bejn il-Portugall u l-Grupp VW u s-sottomissjoni tal-Portugall tat-28 ta' Lulju 2014, l-investiment jinvolvi nefqa eliġibbli ta' EUR 672,9 miljun għat-tagħmir u x-xogħlijiet ta' infrastruttura (bini) li se tkun imġarrba bejn l-2014 u l-2019. Madwar kwart ta' dik in-nefqa se jkun għall-għodod destinati għall-fornituri, jiġifieri assi kapitali ffinanzjati minn Autoeuropa li mhumiex se jintużaw fl-istabbiliment ta' Autoeuropa f'Palmela, iżda se jitpoġġew disponibbli minn Autoeuropa għall-fornituri tagħha, sabiex jintużaw fl-istabbilimenti tal-fornituri għall-produzzjoni ta' partijiet u komponenti għall-Grupp VW. Dawn l-assi, għalkemm se jiffurmaw parti integrali mill-istokk produttiv tal-fornituri, se jibqgħu proprjetà tal-Grupp VW. |
|
(13) |
In-nefqa tirreferi esklussivament għal assi tanġibbli ġodda. It-tabella ta' hawn taħt derivata mill-kuntratt ta' investiment tqassam in-nefqa eliġibbli ppjanata skont it-tip u s-sena. Tabella 1 Tqassim tan-nefqa eliġibbli f'miljuni ta' EUR — Kuntratt ta' investiment
|
|
(14) |
Dan it-tqassim tal-ispejjeż li huwa bbażat fuq l-informazzjoni fil-kuntratt ta' investiment huwa differenti mit-tqassim tal-ispejjeż fl-iskeda supplimentari mehmuża man-notifika. Fl-iskeda supplimentari, l-awtoritajiet Portugiżi spjegaw li l-Grupp VW baxxa l-ispejjeż ta' investiment totali ta' EUR 672,95 miljun speċifikati fil-kuntratt ta' investiment għal EUR 623,85 miljun. It-tqassim li jirriżulta mill-iskeda supplimentari huwa mogħti fit-tabella ta' hawn taħt. Tabella 2 Tqassim tan-nefqa eliġibbli f'miljun EUR — Skeda supplimentari
|
2.5. BAŻI ĠURIDIKA
|
(15) |
Il-bażi ġuridika nazzjonali għall-għoti tal-għajnuna hija l-Ordni Amministrattiv Nru 287/2007, tas-17 ta' Awwissu, kif emendat bl-Ordni Amministrattiv Nru 65/2009, tal-20 ta' Marzu li japprova l-qafas nazzjonali tal-inċentivi għall-investiment fin-negozju u l-Ordinanza Nru 1464/2007, tal-15 ta' Novembru, kif emendata bl-Ordinanza 1103/2010, tal-25 ta' Ottubru li toħloq u tirregola l-iskema ta' għajnuna “Sistema de Incentivos a Inovação”. |
|
(16) |
Il-Portugall ta l-għajnuna, soġġetta għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni, b'applikazzjoni tal-iskema ta' għajnuna tiegħu “Sistema de Incentivos a Inovação”. Din l-iskema ta' għajnuna kienet eżentata kollha b'applikazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 (8) (minn hawnhekk 'il quddiem “GBER 2008”), għal applikazzjonijiet għall-għajnuna taħt il-livell limitu ta' notifika stabbilit fl-Artikolu 6 tagħha. |
2.6. IL-MIŻURA TA' GĦAJNUNA
|
(17) |
L-għajnuna ngħatat, soġġetta għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni, permezz ta' kuntratt ta' għajnuna u investiment iffirmat fit-30 ta' April 2014. Ix-xogħlijiet fuq l-investiment bdew fis-26 ta' Ġunju 2014, jiġifieri wara l-iffirmar tal-kuntratt. |
|
(18) |
L-għajnuna hija mogħtija fil-forma ta' għotja parzjalment rimborżabbli. Il-kuntratt ta' investiment jirreferi għal għotja rimborżabbli ta' EUR 52,49 miljun (f'valur nominali) għan-nefqa ta' investiment (inkluż l-għodod destinati għall-fornituri) ta' EUR 672,95 miljun li tiġi parzjalment trasformata f'għotja diretta jekk Autoeuropa tissodisfa ċerti parametri ta' realizzazzjoni maqbula b'mod kuntrattwali. In-notifika tindika li ppjanar aktar riċenti tal-ispejjeż mill-Grupp VW wassal għal ammont daqsxejn aktar baxx ta' nefqa ta' investiment (EUR 623,9 miljun). Meta jitqies dak l-ammont aktar baxx, l-ammont ta' għajnuna nnotifikat u l-intensità tal-għajnuna nnotifikata, fil-prezzijiet tal-2014, huma EUR 36,15 miljun u 6,03 % rispettivament. Il-Portugall jimpenja ruħu li ma huwa se jinqabeż la l-ammont ta' għajnuna nnotifikat u lanqas l-intensità tal-għajnuna nnotifikata, jekk in-nefqa eliġibbli realizzata tiddevja mill-ammont ippjanat tan-nefqa eliġibbli, kif meqjus fin-notifika u fil-kalkolu tal-ammont massimu ta' għajnuna. |
|
(19) |
Il-Portugall jikkonferma li kontribuzzjoni proprja ħielsa minn kwalunkwe appoġġ pubbliku ta' mill-anqas 25 % tan-nefqa eliġibbli se tintrefa' minn Autoeuropa/Volkswagen mir-riżorsi proprji tagħha. |
|
(20) |
Autoeuropa/Volkswagen timpenja ruħha li żżomm l-investiment matul perjodu minimu ta' ħames (5) snin wara t-tlestija tiegħu. |
2.7. RAĠUNIJIET GĦALL-BIDU TAL-PROĊEDURA
|
(21) |
Fid-deċiżjoni ta' ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar il-konformità tal-miżura mad-dispożizzjonijiet tal-Linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali għall-perjodu 2007-2013 (9) (minn hawnhekk 'il quddiem “RAG 2007-13”) rigward in-nefqa eliġibbli, l-ammont massimu ta' għajnuna, u l-intensità massima tal-għajnuna, u għalhekk dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern. |
|
(22) |
Il-Kummissjoni nnotat li n-nefqa eliġibbli nnotifikata kienet tinkludi l-ispejjeż għall-għodod destinati għall-fornituri, li l-Kummissjoni esprimiet dubji dwar l-eliġibbiltà tagħhom u għalhekk ma setgħetx tikkonferma li l-ammont massimu nnotifikat tal-għajnuna, li huwa kkalkulat fir-rigward tan-nefqa ta' investiment totali nnotifikata, ma jaqbiżx l-ammont massimu li jista' jiġi permess. |
|
(23) |
Barra minn hekk il-Kummissjoni nnotat li Autoeuropa rċeviet għajnuna għall-investiment għal proġett ieħor ta' investiment imwettaq fl-istess sit. Il-bidu tax-xogħlijiet fuq il-proġett l-ieħor ta' investiment kien anqas minn tliet snin qabel il-bidu tax-xogħlijiet fuq il-proġett ta' investiment preżenti. Il-proġett ta' investiment kellu l-għan li jġedded u jottimizza l-proċess tal-produzzjoni, billi jwettaq investimenti fi tliet oqsma ta' prijorità: (i) fil-qasam tat-teknoloġija tal-informatika, permezz tal-implimentazzjoni ta' programmi u l-aktar sistemi teknoloġikament avvanzati, (ii) fil-qasam taż-żebgħa interna u esterna tal-vetturi, permezz tal-awtomatizzazzjoni tal-metodu ta' applikazzjoni taż-żebgħa u (iii) fil-qasam tal-matriċi tal-istampar, li jintużaw biex jinħolqu l-forom għall-partijiet stampati. Fiż-żmien tad-deċiżjoni ta' ftuħ, il-Portugall ma kkjarifikax sa fejn dan it-titjib se jkun rilevanti u xorta jintuża f'każ li tieqaf il-manifattura bbażata fuq pjattaforma u tiġi sostitwita b'teknoloġija tal-manifattura MQB. |
|
(24) |
Fuq il-bażi tal-informazzjoni ppreżentata mill-Portugall, il-Kummissjoni ma setgħetx tifforma opinjoni definittiva dwar jekk iż-żewġ proġetti ta' investiment jiffurmawx proġett uniku ta' investiment fis-sens tal-paragrafu 60 tar-RAG 2007-13 u ddeċidiet li tivvaluta l-kwistjoni ta' jekk iż-żewġ proġetti humiex ekonomikament indiviżibbli skont it-tifsira tan-nota 55 f'qiegħ il-paġna (10) tar-RAG 2007-13 matul l-investigazzjoni formali |
|
(25) |
Barra minn hekk, il-paragrafu 68 tar-RAG 2007-13 jitlob li l-Kummissjoni tiftaħ l-investigazzjoni formali u tipproċedi għal valutazzjoni fil-fond tal-effett inċentiv, il-proporzjonalità, kif ukoll l-effetti pożittivi u negattivi tal-għajnuna, meta s-sehem mis-suq tal-benefiċjarju fis-suq tal-prodott u ġeografiku rilevanti jaqbeż 25 % qabel u wara l-investiment (minn hawnhekk 'il quddiem imsejjaħ ukoll it-“test skont il-paragrafu 68(a)”) jew meta l-kapaċità maħluqa mill-investiment taqbeż 5 % ta' suq li jkun fi tnaqqis relattiv jew assolut (minn hawnhekk 'il quddiem imsejjaħ ukoll it-“test skont il-paragrafu 68(b)”). Meta tkun meħtieġa valutazzjoni fil-fond, din se titwettaq abbażi tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni rigward il-kriterji għal valutazzjoni fil-fond tal-għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta' investiment (11) (IDAC). |
|
(26) |
Fid-deċiżjoni ta' ftuħ, il-Kummissjoni ħalliet id-definizzjoni eżatta tas-suq rilevanti tal-prodott miftuħa u qieset id-definizzjonijiet alternattivi plawżibbli kollha tas-suq, inkluż b'mod partikolari l-aktar segmentazzjoni dejqa li għaliha hemm dejta disponibbli. (12) Billi Autoeuropa se tipproduċi karozzi li jappartjenu għas-segmenti A0 u […] skont POLK, u tista' tipproduċi wkoll karozzi li jappartjenu għas-segment B skont POLK, il-Kummissjoni qieset li dawn is-segmenti individwali u għall-SUVs anki s-segment SUV-B skont Global Insight (13), kif ukoll is-segment magħqud (A0 sa B) skont POLK għandhom kollha jitqiesu bħala swieq plawżibbli rilevanti għal dan il-każ. |
|
(27) |
Il-paragrafu 70 tar-RAG 2007-13 jipprovdi li għall-finijiet tat-twettiq tat-testijiet skont il-paragrafu 68, is-swieq normalment għandhom jiġu definiti fil-livell taż-ŻEE. Għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-każ preżenti, il-Kummissjoni qieset li s-suq ġeografiku rilevanti għall-prodotti kkonċernati huwa mill-anqas iż-ŻEE kollha. L-awtoritajiet Portugiżi u Autoeuropa aċċettaw li l-Kummissjoni tapplika din id-definizzjoni ta' suq ġeografiku għall-iskopijiet ta' din in-notifika. |
|
(28) |
Matul l-investigazzjoni preliminari, l-analiżi skont il-paragrafu 68 (a) tar-RAG 2007-13 waslet għar-riżultat li l-livell limitu applikabbli ta' 25 % sehem mis-suq jinqabeż fis-segmenti A u B individwali u fis-segmenti A0, A u B kombinati (skont POLK) fiż-ŻEE fis-snin kollha kkonċernati. |
|
(29) |
Billi r-riżultat tat-test skont il-paragrafu 68(a) diġà kien jeħtieġ proċediment għall-valutazzjoni fil-fond tal-għajnuna, il-Kummissjoni qieset li ma kienx hemm bżonn li jitwettaq it-test skont il-paragrafu 68(b). |
3. KUMMENTI MILL-PARTIJIET INTERESSATI
|
(30) |
Ma kinux sottomessi kummenti minn partijiet terzi interessati. |
4. KUMMENTI MILL-PORTUGALL
4.1. GĦODOD DESTINATI GĦALL-FORNITURI
|
(31) |
Il-Portugall iqis l-investimenti li jammontaw għal EUR 136,3 miljun fl-għodod destinati għall-forntituri bħala eliġibbli, billi l-għodod huma parti mill-proġett innotifikat, jappartjenu għall-assi fissi ta' Autoeuropa, jinsabu f'impjant ta' fornitur f'żona megħjuna fil-Portugall, u se jinżammu hemmhekk għal mill-anqas ħames snin wara t-tlestija tal-proġett. L-awtoritajiet Portugiżi jirreferu għall-premessi 36 u 37 tad-deċiżjoni C(2002)1803 Ford España SA (14) li fihom il-Kummissjoni nnotat li n-nefqa għall-għodod destinati għall-fornituri tista' titqies bħala eliġibbli għall-għajnuna reġjonali jekk tkun imġarrba f'reġjuni megħjuna. |
|
(32) |
Qabel ma ffirmaw il-kuntratt ta' investiment f'April 2014, il-Grupp VW u Autoeuropa żviluppaw pjan ta' investiment fir-rigward tal-għodod destinati għall-fornituri li qies dawn il-kriterji ta' eliġibbiltà u assigura li l-ammont ta' EUR 136,3 miljun kien jinkludi biss nefqa għall-għodod destinati għall-fornituri li kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet ta' hawn fuq. L-awtoritajiet Portugiżi stabbilew mekkaniżmu ta' kontroll sabiex jimmonitorjaw il-konformità mal-kundizzjonijiet ta' hawn fuq. |
4.2. PROĠETT TA' INVESTIMENT UNIKU
|
(33) |
Fit-8 ta' Ottubru 2013 il-Portugall iffirma kuntratt ta' investiment ma' Autoeuropa dwar tliet proġetti differenti, li kull wieħed minnhom jirrappreżenta investiment inizjali mmirat għall-espansjoni tal-istabbiliment eżistenti li l-Portugall ma jqisx li jifforma proġett ta' investiment uniku fis-sens tal-paragrafu 60 tar-RAG 2007-13 mal-proġett ta' investiment innotifikat. |
4.2.1. INVESTIMENT INIZJALI F'ROBOTS GĦALL-GĦOTI TAŻ-ŻEBGĦA TA' ĠEWWA U TA' BARRA (WORKSHOP TAŻ-ŻEBGĦA)
|
(34) |
L-ewwel proġett kien jirrigwarda l-introduzzjoni ta' robots għall-awtomatizzazzjoni tal-proċess tal-għoti taż-żebgħa ta' ġewwa u ta' barra li tippermetti titjib fil-kwalità (omoġeneità fid-dehra ta' barra, tnaqqis fil-ħxuna taż-żebgħa, tnaqqis fl-isprej eċċessiv, tnaqqis tal-ħmieġ fil-parti ta' ġewwa) u fil-produttività kif ukoll titjib fl-ergonomija u fil-protezzjoni tal-ħaddiema u tnaqqis fil-konsum tal-materjali u fil-ħela taż-żebgħa. L-ispejjeż eliġibbli korrispondenti ammontaw għal EUR 20 miljun (15) u l-ammont tal-għajnuna kien ta' EUR 2,89 miljuni f'ekwivalenti tal-għotja grossa (EGħG). |
|
(35) |
L-awtoritajiet Portugiżi jissottolinjaw li dan l-investiment mhuwiex marbut b'mod ekonomikament indiviżibbli mal-proġett ta' investiment innotifikat. Il-proġett ta' investiment innotifikat huwa mmirat għal bidla fundamentali fil-proċess ġenerali tal-produzzjoni billi jimplimenta t-teknoloġija ta' produzzjoni MQB. Filwaqt li din teħtieġ investimenti sostanzjali b'mod partikolari fil-faċilitajiet ta' assemblaġġ, l-implimentazzjoni tat-teknoloġija MQB teħtieġ biss investimenti żgħar fil-workshop taż-żebgħa eżistenti. |
|
(36) |
Il-workshop taż-żebgħa eżistenti kien funzjonali qabel u mingħajr l-investiment fl-MQB. Bl-istess mod, il-faċilitajiet ta' assemblaġġ MQB il-ġodda huma funzjonali mingħajr l-investimenti fil-workshop taż-żebgħa, jiġifieri l-produzzjoni MQB tkun possibbli u funzjonali mingħajr l-investiment preċedenti fir-robots fil-workshop taż-żebgħa. Għalhekk, għalkemm iż-żewġ faċilitajiet huma parti minn proċess integrat ta' manifattura tal-karozzi, ma humiex marbuta mill-investimenti b'mod ekonomikament indiviżibbli. |
|
(37) |
Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet rilevanti ta' investiment ittieħdu b'mod indipendenti (il-modernizzar tal-workshop taż-żebgħa: Awwissu 2011; l-investiment fl-MQB: Mejju 2014). |
4.2.2. INVESTIMENT INIZJALI F'GĦODOD GĦALL-QTUGĦ TA' FOROM U PROFILI FIL-METALL (WORKSHOP TAL-GĦODOD)
|
(38) |
It-tieni proġett kien jirrigwarda l-workshop tal-għodod ta' Autoeuropa li jipproduċi forom u għodod għall-qtugħ ta' forom u profili għall-partijiet tal-metall tal-karozzerija. Huwa jispeċjalizza fil-produzzjoni ta' għodod għall-hoods u l-fenders tal-magni. Il-workshop tal-għodod iwassal il-prodotti tiegħu lill-fabbriki tal-Grupp VW madwar id-dinja kollha, jiġifieri mhuwiex limitat għall-forniment lil Autoeuropa. Huwa parti minn Autoeuropa, madankollu jopera b'mod awtonomu u indipendenti mill-attività prinċipali tal-fabbrika li hija l-produzzjoni tal-vetturi. |
|
(39) |
L-għan tal-investiment inizjali fil-workshop tal-għodod kien l-estensjoni tal-istabbiliment eżistenti. Biex tikseb sett ta' titjib teknoloġiku ta' impatt għoli fil-kwalità tal-produzzjoni, Autoeuropa akkwistat tagħmir ġdid għall-għodod għall-qtuħ ta' forom u profili fil-metall biex tippermetti l-kostruzzjoni ta' għodod b'livelli ogħla ta' kwalità u biex iżżid il-volum tal-produzzjoni tal-workshop tal-għodod. L-investiment eliġibbli kien ta' EUR 12,7-il miljun (valur skontat ta' EUR 12,66-il miljun) u l-ammont ta' għajnuna kien ta' EUR 1,84 miljun f'EGħG. |
|
(40) |
Billi l-workshop tal-għodod jiffunzjona b'mod indipendenti mill-proċess ta' manifattura tal-karozzi MQB, jinsab fl-istess żona industrijali iżda mhux fuq l-istess plott ta' art bħas-sit tal-manifattura tal-karozzi u d-deċiżjonijiet dwar l-investimenti ttieħdu b'mod indipendenti minn xulxin (għall-immodernizzar tal-workshop tal-għodod fl-2011 u għall-investiment fl-MQB f'Mejju 2014), l-awtoritajiet Portugiżi jqisu li l-investiment fil-workshop tal-għodod ma huwiex marbut b'mod ekonomikament indiviżibbli mal-proġett ta' investiment innotifikat. |
4.2.3. INVESTIMENT INIZJALI FIL-QASAM TAT-TEKNOLOĠIJA TAL-INFORMATIKA (IT)
|
(41) |
It-tielet proġett kien jirrigwarda investimenti fil-ħardwer tal-IT li żdiedu f'kombinazzjoni ma' applikazzjonijiet ġodda ta' softwer għas-sigurtà tal-IT u wasslu għal produzzjoni aktar stabbli fi ħdan il-produzzjoni tal-karozzi. Il-produzzjoni tal-karozzi tiddependi ħafna fuq sistemi tal-IT li jaħdmu b'mod affidabbli u mingħajr problemi, billi l-konfigurazzjoni ta' kull karozza (tip ta' magna, gearbox, kulur, eċċ.) tiddaħħal fil-proċess ta' produzzjoni permezz tan-netwerk tad-dejta tal-grupp. L-investiment eliġibbli kien ta' EUR 5,5 miljun (valur skontat ta' EUR 5,5 miljun) u l-ammont ta' għajnuna kien ta' EUR 0,79 miljun f'EGħG. |
|
(42) |
L-awtoritajiet Portugiżi jqisu dan l-investiment tal-2011 fl-IT bħala mhux marbut b'mod ekonomikament indiviżibbli mal-proġett ta' investiment innotifikat. It-teknoloġija ġdida ta' produzzjoni MQB hija possibbli u funzjonali mingħajr l-investiment ta' qabel fis-sigurtà tal-IT minħabba li l-applikazzjonijiet kollha li jappoġġaw u jikkontrollaw il-produzzjoni MQB kienu jaħdmu l-istess mingħajr dan l-investiment ta' qabel. L-investiment fl-IT kien funzjonali qabel u mingħajr l-investiment fl-MQB. |
|
(43) |
Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet ta' investiment ittieħdu b'mod indipendenti minn xulxin, għall-investiment fil-qasam tal-IT fl-2011 u għall-investiment fl-MQB f'Mejju 2014. |
4.3. VALUTAZZJONI FIL-FOND TAL-MIŻURA TA' GĦAJNUNA
|
(44) |
Il-Portugall ipprovda l-informazzjoni neċessarja sabiex titwettaq valutazzjoni fil-fond. |
4.3.1. EFFETTI POŻITTIVI TAL-GĦAJNUNA
|
(45) |
Il-Portugall beħsiebu jkompli jiżviluppa r-reġjun ikkonċernat. L-investiment għandu joħloq 500 impjieg dirett ġdid, u jassigura, fuq perjodu fit-tul, iż-żamma ta' 3 339 impjieg eżistenti. |
|
(46) |
Il-proġett innotifikat se jżid b'mod sostanzjali l-kwalifika u l-ħiliet tal-impjegati tal-benefiċjarju, u hekk iżid l-impjegabbilità tagħhom fi ħdan u barra l-Grupp VW u l-Portugall, u jżid il-bażi tal-ħiliet reġjonali. Huma ppjanati azzjonijiet speċifiċi ta' taħriġ. Dan it-taħriġ vokazzjonali għandu wkoll effett pożittiv fuq it-trasferiment tal-għarfien prinċipalment fi ħdan ir-reġjun tal-Peniżola ta' Setubal. |
|
(47) |
Il-proġett ta' investiment se joħloq aktar opportunitajiet ta' negozju għall-fornituri ta' Autoeuropa. Skont studju taċ-Ċentru tar-Riċerka Awtomobilistika, in-numru totali ta' impjiegi maħluqa b'riżultat ta' impjieg wieħed maħluq fl-industrija awtomobilistika jammonta għal 2,5 impjiegi ġodda għand il-fornituri u 2,2 impjiegi ġodda f'kumpaniji oħra, maħluqa b'riżultat tal-infiq tal-impjegati tal-fornituri fil-Portugall. Il-Portugall għalhekk jistenna li l-investiment se jwassal għall-ħolqien ta' 2 350 impjieg indirett, minbarra l-500 impjieg dirett ġdid maħluqa. |
|
(48) |
Barra minn hekk, l-awtoritajiet Portugiżi jenfasizzaw l-aspetti kwalitattivi tal-effetti reġjonali pożittivi tal-proġett ta' investiment. Il-proġett ta' investiment se jikkontribwixxi għall-iżvilupp tar-reġjun tal-Peniżola ta' Setubal billi jattira investimenti minn fornituri industrijali lejn ir-reġjun, jinvolvi t-trasferiment tat-teknoloġija (effett konsegwenzjali tal-għarfien) u jiġbor flimkien impriżi fl-istess industrija, li jippermetti lill-impjanti individwali li jispeċjalizzaw aktar u jwassal għal żieda fl-effiċjenza. |
|
(49) |
Barra minn hekk, il-benefiċjarju kien mistieden jipparteċipa f'diversi proġetti flimkien ma' universitajiet ewlenin, kemm għall-iżvilupp tal-inġinerija tal-manifattura kif ukoll għal aspetti relatati mal-ergonomija. |
4.3.2. ADEGWATEZZA TAL-GĦAJNUNA
|
(50) |
Il-Portugall jinnota li fid-deċiżjoni dwar Porsche Leipzig (16) il-Kummissjoni diġà aċċettat li l-għajnuna mill-Istat hija mezz xieraq sabiex jiġi promoss l-iżvilupp reġjonali tar-reġjuni li huma żvantaġġati meta mqabbla mal-medja ta' reġjuni oħra fl-Istat Membru. Dan l-argument japplika bl-istess mod għall-għajnuna nnotifikata għall-investiment fir-reġjun tal-Peninsula de Setubal. |
|
(51) |
Ir-reġjun tal-Peninsula de Setubal jagħmel parti mir-reġjun ta' Lisboa e Vale do Tejo, li jinkludi ż-żona ta' Lisbona u huwa l-aktar reġjun Portugiż żviluppat. Madankollu, jekk il-Peninsula de Setubal titqies waħedha, din tista' tiġi kklassifikata bħala reġjun “a” billi l-PDG tagħha per capita jvarja bejn 45 % u 47 % tal-medja tal-UE fil-perjodu 2006-2010 (li kien il-perjodu użat għad-definizzjoni tal-mapep nazzjonali tal-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-perjodu 2014-2020). |
|
(52) |
Meta mqabbel mal-medja Portugiża, il-PDG per capita fil-Peninsula de Setubal kien madwar 75 % għall-aħħar tliet snin. Tabella 3 PDG per capita (17) meta mqabbel mal-medja Portugiża (EUR)
|
|
(53) |
Għalhekk il-Portugall iħoss li l-għajnuna nnotifikata hija strument xieraq sabiex jittejjeb l-iżvilupp reġjonali tal-Peninsula de Setubal. |
4.3.3. EFFETT TA' INĊENTIV/XENARJU KONTROFATTWALI
|
(54) |
Il-Portugall jipprovdi informazzjoni sabiex jipprova li l-għajnuna taqa' taħt ix-xenarju 2 tal-IDAC billi tat inċentiv lill-benefiċjarju sabiex iwettaq l-investiment fl-impjant ta' Setubal minflok fl-impjant ta' [post 1] (żona mhux megħjuna fiż-ŻEE) fejn kien isir l-investiment fin-nuqqas tal-għajnuna. B'mod partikolari, il-Portugall jipprovdi dettalji dwar il-proċess multistadju tat-teħid ta' deċiżjonijiet u dwar l-aspetti finanzjarji tax-xenarju kontrofattwali, li t-tnejn huma deskritti hawn taħt. |
Proċess deċiżjonali tal-Grupp VW
|
(55) |
Fil-Grupp VW, id-deċiżjonijiet ta' investiment jiġu ppreparati fi proċess deċiżjonali multistadju li fih dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet janalizzaw diversi siti fi proċess ta' tqabbil kompetittiv. Il-fażijiet prinċipali huma: (1) Ippjanar tal-Bejgħ fuq perjodu fit-tul (LAP) u sessjonijiet ta' ppjanar, (2) Żvilupp tal-prodott, deċiżjoni dwar il-prodott u preselezzjoni tas-sit u (3) Deċiżjoni dwar l-investiment u l-post. |
|
(56) |
Id-deċiżjonijiet fir-rigward tal-proġett ta' investiment innotifikat segwew dan il-proċess ġenerali. Madankollu, billi kienu jirrigwardaw proġett ta' investiment tal-marka Volkswagen, id-deċiżjonijiet rilevanti ttieħdu direttament mill-organi tal-marka Volkswagen u ma kien hemm l-ebda deċiżjoni addizzjonali fil-livell tal-grupp, minħabba li l-kompożizzjoni tal-organi tal-grupp hija fil-biċċa l-kbira l-istess bħal dik tal-marka Volkswagen. |
|
(57) |
L-introduzzjoni ta' prodotti ġodda fi ħdan il-Grupp VW issir abbażi tal-hekk imsejjaħ proċess ta' ħolqien tal-prodott (PEP) li jvarja mill-ippjanar tal-prodott sal-bidu tal-produzzjoni (SOP). Dan il-PEP huwa magħmul minn erba' fażijiet prinċipali kif jista' jidher mid-dijagramma ta' hawn taħt: (…) Investiment fuq l-implimentazzjoni tal-proġett Sessjonijiet ta’ ppjanar ta’ LAP Deċiżjoni dwar il-prodott/Għażla minn qabel tas-sit Deċiżjoni fuq l-investiment u s-sit tal-produzzjoni SOP |
(1) LAP u sessjoni ta' ppjanar 61
|
(58) |
Il-punt tat-tluq huwa l-fażi tal-Ippjanar tal-Bejgħ fuq Perjodu fit-Tul (LAP) li fiha jiġu analizzati l-previżjonijiet tal-iżvilupp tas-suq u tad-domanda potenzjali kif ukoll il-varjazzjonijiet fis-suq. Il-LAP jiskeda l-iżviluppi tal-prodott għal […] snin 'il quddiem u jidentifika liema kapaċitajiet addizzjonali ta' produzzjoni jridu jinbnew, jew liema aġġustamenti għall-kapaċitajiet eżistenti jkunu neċessarji. Il-LAP huwa rifless mis-sessjonijiet ta' ppjanar annwali (PR), li jikkonkludi l-Bord Superviżorju tal-Grupp u li jinkludi l-qafas finanzjarju tal-investimenti skedati. Ir-riżultat tal-fażi tal-LAP hija proposta għat-tnedija ta' prodott(i) ġdid/ġodda, iżda tkun għadha mhijiex deċiżjoni dwar l-iżvilupp tal-prodott(i), l-investiment jew il-post. |
|
(59) |
Rigward il-proġett innotifikat, is-sessjoni ta' ppjanar 61 fl-20xx stabbiliet [140 000-160 000] unità fis-sena bħala potenzjal ta' bejgħ realistiku għall-prodotti ġodda fis-segmenti A0 SUV u […] ([…]). L-ippjanar tal-produzzjoni identifika l-ħtieġa li jinħolqu kapaċitajiet korrispondenti ta' produzzjoni. Fl-istess ħin, il-kombinazzjoni tal-volumi tal-A0 SUV u […] għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet ta' qafas għall-istrateġija dwar l-MQB. |
|
(60) |
Ir-riżultat ta' din il-fażi kien pakkett ta' investiment fl-MQB ta' [140 000-160 000] A0 SUV u […] fis-sena għall-marka Volkswagen bid-dati ppjanati ta' bidu tal-produzzjoni ta' Awwissu 2016 għall-A0 SUV u ta' Novembru 2017 għall-[…]. |
(2) Fażi tal-iżvilupp tal-prodott, deċiżjoni dwar il-prodott u preselezzjoni tas-sit
|
(61) |
Matul din il-fażi, diversi dipartimenti ċentrali tal-Grupp VW u s-siti tal-produzzjoni kkonċernati jaħdmu flimkien sabiex jippreparaw kemm id-deċiżjoni dwar il-prodott kif ukoll il-preselezzjoni tas-sit. Id-dipartiment ta' kontroll jieħu r-rwol ċentrali u ta' konsolidament matul din il-fażi. |
|
(62) |
L-ewwel pass f'din it-tieni fażi huwa l-proċess tal-iżvilupp tal-prodott, li skont ir-regoli interni tal-benefiċjarju dejjem jibda mill-anqas […] xhur qabel id-data prevista tal-bidu tal-produzzjoni, fil-każ tal-proġett innotifikat, f'Awwissu 2012 (l-ewwel SOP[…]). |
|
(63) |
Id-deċiżjoni dwar il-prodott, jiġifieri d-deċiżjoni għall-produzzjoni ta' prodott propost fil-LAP, teħtieġ li l-iżvilupp tal-prodott jilħaq mira predefinita ta' fattibbiltà. Id-dħul mistenni ġġenerat mill-prodott il-ġdid jiġi mqabbel mal-ispejjeż meħtieġa tal-produzzjoni (inkluż l-investiment). Sabiex tiġi determinata l-ispiża mistennija tal-produzzjoni, l-ewwel jiġi stabbilit b'mod ipotetiku post partikolari bħala suppożizzjoni għall-ippjanar (suppożizzjoni dwar il-post). Is-suppożizzjoni dwar il-post tintuża sabiex tiġi determinata l-ewwel struttura tal-ispejjeż u qafas għall-proġett. Din ma twassalx għal stabbiliment minn qabel ta' sit speċifiku tal-produzzjoni, iżda tiżviluppa bażi meħtieġa għall-valutazzjoni tal-ispejjeż mistennija tal-produzzjoni. |
|
(64) |
Fil-każ ta' prodott suċċessur għal produzzjoni li tkun għaddejja, is-sit tal-produzzjoni attwali tal-prodott normalment jintgħażel bħala s-suppożizzjoni dwar is-sit; għal prodott kompletament ġdid (mingħajr predeċessur) is-suppożizzjoni dwar is-sit normalment tkun ibbażata fuq l-indikaturi tal-prestazzjoni, jiġifieri l-post bl-aħjar ċifri ta' prestazzjoni jintgħażel bħala l-ewwel ipoteżi. Fil-prattika, jiġu kkunsidrati wkoll kriterji addizzjonali, bħall-kapaċitajiet liberi jew l-istrutturi xierqa. |
|
(65) |
Fil-każ tal-proġett innotifikat, ma ġiex ikkunsidrat investiment f'żona ġdida billi pakkett ta' investiment ta' [140 000-160 000] karozza li jaqgħu f'segment ta' prezzijiet tas-suq […] huwa żgħir wisq sabiex irendi l-investiment f'żona ġdida wieħed vijabbli. Jekk il-valutazzjoni tal-post ma tirrigwardax investiment f'żona ġdida, iż-żewġ kriterji ewlenin sabiex jiġu identifikati postijiet xierqa huma jekk jistgħux jiġu installati kapaċitajiet addizzjonali f'impjant eżistenti, u jekk il-faċilitajiet eżistenti f'dak is-sit humiex kompatibbli mal-proġett ippjanat, eż. jekk il-qisien tal-workshop taż-żebgħa eżistenti humiex adatti wkoll għall-investiment ġdid ippjanat, eċċ. |
|
(66) |
L-applikazzjoni ta' dawn il-kriterji identifikat erba' postijiet possibbli ([is-sit 1 f'żona mhux megħjuna fiż-ŻEE], Setubal, [is-sit 2 barra ż-ŻEE] u [is-sit 3 f'żona mhux megħjuna fiż-ŻEE]) li għalihom il-Portugall ipprovda informazzjoni tal-kumpanija, minn Lulju 2012, dwar l-ewwel kalkoli komparattivi tal-ispejjeż tal-produzzjoni għal kull karozza magħmula mill-kontroll tal-marka Volkswagen ([Kontroll tal-Grupp]). Dawn il-kalkoli kienu jinkludu l-volumi ppjanati tal-bejgħ fis-segment A0 SUV u s-segment […] u kienu jkopru wkoll il-volumi ppjanati tal-bejgħ għall-[mudell predefinit], li l-produzzjoni tiegħu kienet b'mod eċċezzjonali predefinita għal [is-sit 1 f'żona mhux megħjuna fiż-ŻEE]. Kienu kkunsidrati tliet alternattivi differenti għall-assenjazzjoni tal-volumi ta' produzzjoni previsti tas-segment A0 SUV, is-segment […] u l-[mudell predefinit] għall-erba' postijiet, u għal kull alternattiva, il-[Kontroll tal-Grupp] wettaq kalkoli preliminari tal-ispejjeż tal-produzzjoni u tal-ispejjeż tal-investiment. |
|
(67) |
Fi stadju aktar avvanzat tal-proċess tal-ippjanar, [is-sit 2 barra ż-ŻEE] u [is-sit 3 f'żona mhux megħjuna fiż-ŻEE] kienu esklużi bħala postijiet possibbli, billi kienu kkaratterizzati minn spejjeż għoljin ta' loġistika u tal-persunal rispettivament. Fi kwalunkwe każ, minħabba deċiżjonijiet preċedenti sabiex il-produzzjoni tal-[mudell predefinit] issir fi [is-sit 1 f'żona mhux megħjuna fiż-ŻEE] u fi [is-sit 2 barra ż-ŻEE], u biex il-[…] u […] jiġu manifatturati fi [is-sit 3 f'żona mhux megħjuna fiż-ŻEE], fl-2014 (meta saru aktar kalkoli komparattivi mill-[Kontrol tal-Grupp]), la [is-sit 2 barra ż-ŻEE] u lanqas [is-sit 3 f'żona mhux megħjuna fiż-ŻEE] ma kien fadlilhom kapaċitajiet żejda. Għalhekk, kienet valutata kombinazzjoni tal-volumi ta' A0 SUV u […] għal Setubal u għal [is-sit 1 f'żona mhux megħjuna fiż-ŻEE] biss. |
|
(68) |
Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-[Kontroll tal-Grupp] ipprepara d-deċiżjoni dwar il-prodott b'Setubal bħala l-aħjar post għall-proġett. Il-Portugall ipprovda evidenza li fl-10 ta' Marzu 2014 il-kumitat għall-Prodotti tal-marka Volkswagen (Volkswagen Ausschuss Produkte, VAP) ħa d-deċiżjoni dwar il-prodott u kkonferma lil Setubal bħala l-aħjar post għall-proġett. L-evidenza ppreżentata mill-Portugall turi li f'dan l-istadju kien ikkunsidrat ammont ta' għajnuna possibbli mill-Istat li kien ilaħħaq sa EUR 36 miljun. |
(3) Deċiżjoni ta' investiment u dwar il-post
|
(69) |
Ladarba tittieħed id-deċiżjoni dwar il-prodott, il-pass li jmiss ikun l-għażla tal-aktar post xieraq għall-proġett. Id-dipartiment ta' kontroll ġeneralment jibda mis-siti ta' produzzjoni kollha ta' Volkswagen u jnaqqas din il-lista għal dawk is-siti li jidhru adatti għall-investiment. Bħala riżultat tal-proċess tal-PEP, jiġu speċifikati x-xenarji ta' investiment u ta' produzzjoni għal kull sit realistiku u dawn jiġu ppreżentati fil-qosor f'dokument ta' deċiżjoni. Fuq il-bażi ta' rakkomandazzjoni speċifika dwar il-post u l-investiment, il-kumitat għall-investimenti tal-marka Volkswagen (Volkswagen Ausschuss Investitionen, VAI) irid jiddeċiedi jekk il-proġett isirx jew le. |
|
(70) |
Kif spjegat, il-lista tas-siti realistiċi f'dan l-istadju tnaqqset għal [is-sit 1 f'żona mhux megħjuna fiż-ŻEE] u Setubal. Għal dawn iż-żewġ siti, kienu stabbiliti u mqabbla l-ispejjeż speċifiċi tal-produzzjoni attribwibbli għall-post. Dawn l-ispejjeż speċifiċi għall-post jikkonsistu mill-ispejjeż meħtieġa ta' investiment u l-ispejjeż mistennija tal-produzzjoni matul perjodu referenzjarju. Il-Portugall issottometta dokumenti kontemporanji ġenwini tal-kumpanija, ippreparati mill-[Kontroll tal-grupp] u […] (l-Unità għall-Għajnuna mill-Istat tal-grupp), u datati d-9 ta' Mejju 2014 bħala evidenza ta' analiżi kontrofattwali li kkonfrontat [is-sit 1 f'żona mhux megħjuna fiż-ŻEE] u Setubal bħala postijiet potenzjali. Il-Portugall spjega li filwaqt li l-impjant fi [is-sit 1 f'żona mhux megħjuna fiż-ŻEE] kellu valuri ta' prestazzjoni daqsxejn aħjar, l-impjant ta' Setubal mar tajjeb bil-possibbiltà li jibbenefika minn għajnuna għall-investiment reġjonali. Abbażi ta' din l-analiżi kontrofattwali (18), il-[Kontroll tal-Grupp] issottometta rakkomandazzjoni għal deċiżjoni lill-VAI fejn ippropona lil Setubal bħala s-sit għall-investiment. |
|
(71) |
Id-deċiżjonijiet ta' investiment u dwar il-post, li kkonfermaw lil Setubal, ittieħdu mill-VAI fit-28 ta' Mejju 2014 u fis-26 ta' Ġunju 2014. (19) Il-Portugall ipprovda l-kopja tal-minuti tal-laqgħat rilevanti fejn kienu adottati dawn id-deċiżjonijiet. Meta jitqiesu l-kalkoli komparattivi kif ukoll l-għajnuna reġjonali fl-ammont ta' EUR 37,96 miljun f'valur nominali (valur skontat ta' EUR 33,4 miljun) (20), iż-żewġ deċiżjonijiet japprovaw il-proġett ta' investiment fl-MQB b'volum ta' investiment ta' EUR 624 miljun. Barra minn hekk, l-ewwel deċiżjoni tikkonċedi l-ewwel segment baġitarju sabiex jiġi liberat spazju fil-fabbrika għall-ewwel investimenti, u t-tieni deċiżjoni awtorizzat il-biċċa l-kbira tan-nefqa għall-investiment. |
4.3.4. PROPORZJONALITÀ TAL-GĦAJNUNA
|
(72) |
Il-Portugall jinnota li l-kalkoli li ntużaw sabiex jintwera l-effett ta' inċentiv jistgħu jintużaw ukoll bħala bażi sabiex tiġi valutata l-proporzjonalità tal-għajnuna. |
|
(73) |
Il-kalkolu finali użat mill-Portugall biex juri l-effett ta' inċentiv juri żvantaġġ finanzjarju nett ta' Setubal meta mqabbel ma' [is-sit 1 f'żona mhux megħjuna fiż-ŻEE] ta' EUR 48 miljun. Anki bl-għajnuna, Setubal huwa EUR 14,6-il miljun (valur skontat) aktar għali minn [is-sit 1 f'żona mhux megħjuna fiż-ŻEE] (żvantaġġ finanzjarju li minnu titnaqqas l-għajnuna kkunsidrata fl-analiżi kontrofattwali; jiġifieri EUR 48 miljun — EUR 33,4 miljun). |
|
(74) |
Il-Portugall għalhekk jargumenta li, billi l-għajnuna ma tikkumpensax b'mod sħiħ l-iżvantaġġ tas-sit ta' Setubal, ma hemm l-ebda kumpens eċċessiv. Għaldaqstant l-għajnuna hija proporzjonata. |
|
(75) |
Il-Portugall jirrimarka li fid-deċiżjoni tiegħu dwar is-sit, il-VAI ma qiesx biss konsiderazzjonijiet finanzjarji, iżda wkoll kriterji kwalitattivi mhux kwantifikabbli bħar-raġunijiet ta' responsabbiltà soċjali jew il-possibbiltà li jiġi evitat it-trasferiment tal-produzzjoni lejn siti oħra fi żminijiet ta' qċaċet tal-produzzjoni. |
4.3.5. EFFETTI NEGATTIVI TAL-GĦAJNUNA FUQ IL-KOMPETIZZJONI U L-KUMMERĊ
|
(76) |
Il-Portugall jenfasizza li l-għajnuna reġjonali sservi biss biex tikkumpensal-iżvantaġġ nett tas-sit f'Setubal. L-għajnuna hija proporzjonata u ma huwa se jkollha l-ebda effett fuq il-kompetizzjoni billi l-proġett ta' investiment, u l-effetti konsegwenti tiegħu fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ, kienu se jseħħu fi kwalunkwe każ. Il-proġett ta' investiment ma kienx isir f'reġjun megħjun ieħor bl-istess limitu jew ogħla tal-intensità tal-għajnuna, billi investiment f'żona ġdida ma kienx ikun vijabbli, u l-unika alternattiva plawżibbli mhijiex reġjun megħjun. Għalhekk, l-għajnuna ma għandha l-ebda effett kontra l-koeżjoni li jmur kontra l-istess l-ħsieb tal-għajnuna reġjonali. |
5. VALUTAZZJONI TAL-GĦAJNUNA
5.1. EŻISTENZA TAL-GĦAJNUNA
|
(77) |
L-appoġġ finanzjarju fil-forma ta' għotja rimborżabbli se jingħata mill-awtoritajiet Portugiżi u huwa ffinanzjat mill-baġit ġenerali tal-Istat. L-appoġġ għalhekk huwa mogħti minn Stat Membru u permezz ta' riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. |
|
(78) |
Billi l-għajnuna hija mogħtija lil kumpanija unika, Autoeuropa, il-miżura hija selettiva. |
|
(79) |
L-appoġġ finanzjarju se jingħata għal investiment fis-settur tal-karozzi, li huwa soġġett għal kummerċ intensiv bejn l-Istati Membri, u se jissostitwixxi parzjalment il-provvisti ta' oġġetti intermedji minn Stati Membri oħra. Għalhekk, il-miżura taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. |
|
(80) |
L-aġevolar ta' Autoeuropa u l-produzzjoni tagħha mill-awtoritajiet Portugiżi jfisser li l-kompetizzjoni tiġi mfixkla jew ikun hemm it-theddida li tiġi mfixkla. |
|
(81) |
Konsegwentament, il-Kummissjoni tqis li l-miżura notifikata tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat lil Autoeuropa skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE. |
5.2. LEGALITÀ TAL-MIŻURA TA' GĦAJNUNA
|
(82) |
Billi taw l-għajnuna soġġetta għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni u nnotifikaw il-miżura ta' għajnuna qabel daħħluha fis-seħħ, l-awtoritajiet Portugiżi rrispettaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 108(3) TFUE, billi n-notifika ta' għajnuna individwali li taqbeż ċertu ammont hija meħtieġa mill-GBER 2008. Fil-fatt, l-għajnuna għall-proġett ta' investiment hija notifikabbli individwalment skont it-tifsira tal-paragrafu 68 tar-RAG 2007-13 u l-GBER 2008, billi l-ammont ta' għajnuna previst ta' EUR 36,15 miljun fil-valur preżenti jaqbeż il-livell limitu ta' EUR 11,25-il miljun għal notifika individwali applikabbli fir-reġjun ikkonċernat skont il-mappa tal-għajnuna reġjonali applikabbli mill-2007 sa Ġunju tal-2014. |
5.3. BAŻI ĠURIDIKA GĦALL-VALUTAZZJONI
|
(83) |
L-għan tal-għajnuna huwa li tippromwovi l-iżvilupp reġjonali. Billi l-kuntratt ta' għajnuna u investiment ġie ffirmat f'April 2014, soġġett biss għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni tqis li skont il-paragrafu 188 tar-RAG 2014-20, l-għajnuna ngħatat qabel Lulju 2014 u għalhekk trid tiġi valutata abbażi tar-RAG 2007-13, u b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet tagħha rigward l-għajnuna għall-investiment reġjonali għal proġetti kbar ta' investiment, stabbiliti fil-paragrafu 68. |
5.4. STRUTTURA TAL-VALUTAZZJONI TAL-KOMPATIBBILTÀ
|
(84) |
Il-Kummissjoni trid twettaq il-valutazzjoni tagħha fi tliet passi:
|
5.5. KOMPATIBBILTÀ TAL-MIŻURA MAL-KRITERJI STANDARD TA' KOMPATIBBILTÀ TAR-RAG
|
(85) |
Il-Kummissjoni diġà stabbiliet fid-deċiżjoni ta' ftuħ li l-għajnuna tissodisfa parti mill-kriterji ġenerali ta' kompatibbiltà għar-RAG 2007-13. L-investigazzjoni formali ma żvelat l-ebda element li jqajjem dubji dwar din il-valutazzjoni. Il-Kummissjoni tinnota b'mod partikolari dan li ġej:
|
|
(86) |
Madankollu, fid-deċiżjoni ta' ftuħ, il-Kummissjoni qajmet dubji dwar l-eliġibbiltà tal-ispejjeż għall-għodod destinati għall-fornituri. Għalhekk, u billi ma setgħetx tifforma opinjoni definittiva dwar jekk il-proġett notifikat u proġett aktar bikri ta' investiment imwettaq fl-istess sit kinux jiffurmaw proġett uniku ta' investiment skont it-tifsira tal-paragrafu 60 tar-RAG 2007-13, il-Kummissjoni ma setgħetx tistabbilixxi jekk l-intensità tal-għajnuna notifikata qabżitx il-massimu permissibbli, u għalhekk esprimiet dubji wkoll rigward ir-rispett tal-limitu massimu applikabbli tal-għajnuna reġjonali. |
5.5.1. KONKLUŻJONI DWAR L-GĦODOD DESTINATI GĦALL-FORNITURI
|
(87) |
Fil-kawża C34/2001 il-Kummissjoni ċċarat li l-ispejjeż tal-għodod destinati għall-fornituri ma jistgħux jitqiesu bħala spejjeż eliġibbli, sakemm ma jkunux imġarrba f'żoni megħjuna tal-Istat Membru kkonċernat. (22) Il-Kummissjoni tinnota (ara l-premessi 31 u 32 hawn fuq) li l-investimenti kollha fl-għodod destinati għall-fornituri li jammontaw għal EUR 136,3 miljun se jissodisfaw il-kriterji standard ta' kompatibbiltà tar-RAG billi se jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet bħal: l-għodod huma parti mill-proġett innotifikat u jappartjenu għall-assi fissi ta' Autoeuropa, jinsabu f'impjant ta' fornitur f'żona megħjuna fil-Portugall, u se jinżammu fil-Portugall f'żona megħjuna għal mill-anqas ħames snin wara t-tlestija tal-proġett. Barra minn hekk, iż-żoni megħjuna tal-Portugall fejn se jkun hemm l-għodod destinati għall-fornituri għandhom l-istess intensitajiet massimi tal-għajnuna jew ogħla miż-żona ta' Palmela. Kienu stabbiliti mekkaniżmi ta' monitoraġġ li jassiguraw li ma tingħata l-ebda għajnuna għal għodod destinati għall-fornituri li ma jikkonformax mal-kundizzjonijiet ta' hawn fuq. |
|
(88) |
B'konformità mal-prassi preċedenti tagħha fil-kawża C34/2001, il-Kummissjoni għalhekk tqis li l-ispejjeż tal-għodod destinati għall-fornituri li jirriżultaw f'żoni megħjunin tal-Portugall u li jammontaw għal EUR 136,3 miljun jistgħu jitqiesu bħala spejjeż eliġibbli skont it-Taqsimiet 4.1 u 4.2 tar-RAG 2007-13. |
5.5.2. KONKLUŻJONI DWAR IL-PROĠETT UNIKU TA' INVESTIMENT
|
(89) |
Il-Kummissjoni analizzat il-karattru possibbli ta' proġett uniku ta' investiment tat-tliet proġetti preċedenti mwettqa minn Autoeuropa fl-istess sit. |
5.5.2.1. Investiment inizjali f'robots għall-għoti taż-żebgħa ta' ġewwa u ta' barra (workshop taż-żebgħa)
|
(90) |
Il-proġett kien jikkonsisti fl-akkwiżizzjoni ta' robots ġodda għall-workshop taż-żebgħa li wasslet għal titjib f'termini ta' kwalità, iżda wkoll fl-ergonomija u l-protezzjoni tal-ħaddiema, fil-protezzjoni tal-ambjent u l-iffrankar tar-riżorsi u fil-produttività. Il-Kummissjoni tqis li dawn l-investimenti kienu neċessarji f'dak iż-żmien sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol fil-workshop taż-żebgħa u għalhekk ma sarux bi preparazzjoni għall-proġett innotifikat. |
|
(91) |
Il-Kummissjoni tqis li l-investiment fl-awtomatizzazzjoni tal-proċess tal-għoti taż-żebgħa ta' ġewwa u ta' barra fil-workshop taż-żebgħa u l-proġett ta' investiment innotifikat juru differenzi tekniċi u funzjonali u d-deċiżjonijiet ta' investiment ittieħdu b'mod indipendenti minn xulxin. Għalhekk il-Kummissjoni tqis li l-investiment inizjali fil-workshop taż-żebgħa mhuwiex marbut b'mod ekonomikament indiviżibbli mal-proġett ta' investiment innotifikat u għaldaqstant, iż-żewġ investimenti ma jiffurmawx proġett uniku ta' investiment fis-sens tal-paragrafu 60 tar-RAG 2007-13. |
5.5.2.2. Investiment inizjali f'għodod għall-qtugħ ta' forom u profili fil-metall (workshop tal-għodod)
|
(92) |
Il-workshop tal-għodod ta' Autoeuropa jipproduċi forom u għodod għall-qtugħ ta' forom u profili għall-partijiet tal-metall tal-karozzerija. Huwa jispeċjalizza fil-produzzjoni ta' għodod għall-hoods u l-fenders tal-magni. Il-workshop tal-għodod iwassal il-prodotti tiegħu lill-fabbriki tal-Grupp VW madwar id-dinja kollha, jiġifieri mhuwiex limitat għall-forniment lil Autoeuropa. Huwa parti minn Autoeuropa, madankollu l-attività tiegħu hija awtonoma u indipendenti mill-attività prinċipali tal-fabbrika li hija l-produzzjoni ta' vetturi. |
|
(93) |
Il-proġett kien jirrigwarda l-akkwiżizzjoni ta' għodod ġodda għall-qtuħ ta' forom u profili fil-metall biex tippermetti l-kostruzzjoni ta' għodod b'livelli ogħla ta' kwalità u biex iżżid il-volum tal-produzzjoni tal-workshop tal-għodod. Il-workshop tal-għodod jipproduċi forom u għodod għall-qtugħ ta' forom u profili għall-Grupp VW kollu, ma jinsabx fl-istess plott ta' art bħall-investiment innotifikat u jaħdem b'mod indipendenti mill-fabbrika tal-manifattura tal-karozzi. Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet ta' investiment għall-modernizzar tal-workshop tal-għodod u għall-proġett innotifikat ittieħdu indipendentement minn xulxin. Għalhekk il-Kummissjoni tqis li l-investiment inizjali fil-workshop tal-għodod mhuwiex marbut b'mod ekonomikament indiviżibbli mal-proġett ta' investiment innotifikat u għaldaqstant, iż-żewġ investimenti ma jiffurmawx proġett ta' investiment uniku fis-sens tal-paragrafu 60 tar-RAG 2007-13. |
5.5.2.3. Investiment inizjali fil-qasam tat-teknoloġija tal-informatika (IT)
|
(94) |
Il-proġett kien jirrigwarda l-akkwiżizzjoni ta' tagħmir ġdid tal-IT b'applikazzjonijiet ġodda ta' softwer għal sigurtà stabbli tal-IT bil-għan li jiżdiedu l-istabilità u l-produttività tal-produzzjoni tal-karozzi. L-investiment fil-qasam tal-IT ma għandux rabtiet strateġiċi u tekniċi mal-proġett innotifikat li jorbtuhom b'mod ekonomikament indiviżibbli. Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet ta' investiment għall-proġett tal-IT u għall-proġett innotifikat ittieħdu indipendentement minn xulxin. Għalhekk il-Kummissjoni tqis li ż-żewġ proġetti ta' investiment ma jiffurmawx proġett uniku ta' investiment fis-sens tal-paragrafu 60 tar-RAG 2007-13. |
5.5.3. KONKLUŻJONI ĠENERALI DWAR IL-KRITERJI STANDARD TAL-KOMPATIBBILTÀ
|
(95) |
Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-ispejjeż tal-għodod destinati għall-fornituri li jammontaw għal EUR 136,3 miljun jistgħu jitqiesu bħala nefqa eliġibbli taħt il-proġett innotifikat, filwaqt li l-investimenti ta' qabel ma jridux jiġu kkunsidrati. L-ammont ta' spejjeż eliġibbli li jrid jiġi kkunsidrat għall-kalkolu tal-intensità massima permissibbli tal-għajnuna huwa EUR 623,9 miljun (EUR 599,6 miljun f'valur skontat) kif jidher fit-Tabella 2 ta' din id-Deċiżjoni. Bl-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta' tnaqqis stabbilit fil-paragrafu 67 tar-RAG 2007-13, in-nefqa eliġibbli mġarrba twassal għal intensità massima permissibbli tal-għajnuna ta' 6,13 % EGħG għall-proġett. |
|
(96) |
Billi l-intensità tal-għajnuna proposta (EUR 36,15 miljun fil-valur preżenti, intensità tal-għajnuna ta' 6,03 %) ma taqbiżx l-intensità massima permessa tal-għajnuna, u l-għajnuna notifikata ma għandhiex tiġi kombinata ma' aktar għajnuna għall-investiment reġjonali, l-intensità tal-għajnuna proposta għall-proġett tikkonforma mar-RAG 2007-13. |
|
(97) |
Fid-dawl ta' dawn il-konsiderazzjonijiet, u billi ma kienet sottomessal-ebda informazzjoni li tista' taffettwa l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta' ftuħ dwar ir-rispett tal-kriterji standard ta' kompatibbiltà msemmija fil-premessa 85, il-Kummissjoni tqis li l-kriterji standard ta' kompatibbiltà tar-RAG 2007-13 ġew issodisfati. |
5.6. APPLIKAZZJONI TAT-TESTIJIET STABBILITI FID-DISPOŻIZZJONIJIET TAL-PARAGRAFU 68 TAR-RAG 2007-13
|
(98) |
Il-Kummissjoni trid twettaq valutazzjoni fil-fond bħala parti mill-investigazzjoni formali sakemm ma tkunx tista' tistabbilixxi mingħajr dubju fi ħdan dik il-proċedura li l-livelli limitu għal valutazzjoni fil-fond stabbiliti fit-testijiet skont il-paragrafi 68(a) u (b) ma ġewx maqbuża. (23) Biex twettaq it-testijiet rilevanti, il-Kummissjoni l-ewwel trid tistabbilixxi definizzjonijiet xierqa tas-suq tal-prodott u ġeografiku. |
|
(99) |
Fil-premessa 45 tad-deċiżjoni ta' ftuħ tagħha, il-Kummissjoni qieset li għall-finijiet tal-paragrafu 68 tar-RAG 2007-13, il-prodotti kkonċernati mill-proġett ta' investiment huma karozzi tal-passiġġieri li jappartjenu għas-segmenti tas-suq A0, A, u B skont is-segmentazzjoni minn POLK. |
|
(100) |
Il-Kummissjoni ħalliet id-definizzjoni eżatta tas-suq rilevanti tal-prodott miftuħa u qieset id-definizzjonijiet alternattivi plawżibbli kollha tas-suq, inkluż b'mod partikolari l-aktar segmentazzjoni dejqa li għaliha hemm dejta disponibbli. |
|
(101) |
Il-prassi li tintuża l-aktar definizzjoni dejqa tas-suq ibbażata fuq segmenti individwali fl-industrija tal-karozzi għandha bażi soda f'deċiżjonijiet komparabbli, inklużi deċiżjonijiet finali (24). |
|
(102) |
Din il-prassi hija bbażata fuq l-idea li l-kompetituri fis-segmenti kollha tas-suq, inkluż l-iżgħar segment possibbli, jixirqilhom protezzjoni minn atturi b'pożizzjoni dominanti. |
|
(103) |
Hija bbażata wkoll fuq konsiderazzjonijiet ekonomiċi rilevanti għall-kompetizzjoni. B'mod aktar speċifiku, dan l-approċċ huwa bbażat fuq it-teorija li tkun teżisti sostitwibbiltà tad-domanda bejn żewġ prodotti jekk dawn jitqiesu bħala sostituti mill-konsumaturi fid-dawl tal-karatteristiċi, il-prezz u l-użu maħsub tagħhom. Permezz tal-prassi tagħha li teżamina l-ishma tas-suq anki fl-iżgħar segment possibbli tas-suq tal-karozzi li għalih tkun disponibbli informazzjoni, il-Kummissjoni ssegwi eżattament din il-loġika, jiġifieri hija tqis li s-sostitwibbiltà fid-dawl tal-prezz, il-karatteristiċi u l-użu maħsub hija l-aktar b'saħħitha bejn prodotti li jappartjenu għall-istess segment. F'dan is-sens, l-applikazzjoni tal-idjaq segment possibbli tas-suq bħala suq plawżibbli tirrifletti l-loġika tal-punt 28 tal-Linji gwida dwar Amalgamazzjonijiet Orizzontali li jsostni li “Prodotti jistgħu jiġu differenzati f'suq rilevanti b'mod li ċertu prodotti huma sostituti eqreb minn oħra. Aktar ma l-grad ta' sostituzzjoni bejn il-prodotti tad-ditti magħquda jkun għoli, aktar id-ditti magħquda jżidu il-prezzijiet b'mod sinjifikattiv. […] L-inċentiv tad-ditta magħquda li tgħolli l-prezzijiet x'aktarx hija aktar ristretta meta ditti rivali jipproduċu sostituti li huma qrib għall-prodotti tad-ditti magħquda milli meta huma joffru sostituti li huma inqas fil-qrib”. |
|
(104) |
Din hija r-raġuni wkoll għaliex il-karozzi konvenzjonali tradizzjonalment jinqasmu f'segmenti, u r-raġuni għaliex l-industrija awtomobilistika tassenja mudelli għad-diversi segmenti magħrufin sewwa. Din hija l-konsiderazzjoni li xprunat il-prassi tal-Kummissjoni fid-definizzjoni tas-suq rilevanti f'każi awtomobilistiċi anki f'termini tas-segmenti individwali u din hija r-raġuni għaliex l-Istati Membri ppreżentaw l-argumenti relatati mas-suq rilevanti f'dan il-każ kif ukoll f'każijiet oħra fl-imgħoddi f'termini tas-segmenti individwali. |
|
(105) |
Billi Autoeuropa se tipproduċi karozzi li jappartjenu għas-segmenti A0 u […] skont POLK, u tista' tipproduċi wkoll karozzi li jappartjenu għas-segment B skont POLK, il-Kummissjoni qieset li dawn is-segmenti individwali u għall-SUVs anki s-segment SUV-B skont Global Insight, kif ukoll is-segment magħqud (A0 sa B) skont POLK għandhom kollha jitqiesu bħala swieq plawżibbli rilevanti għal dan il-każ. |
|
(106) |
Il-Kummissjoni qieset li s-suq ġeografiku rilevanti għall-prodotti kkonċernati huwa mill-anqas iż-ŻEE kollha. L-awtoritajiet Portugiżi u Autoeuropa aċċettaw li l-Kummissjoni tapplika din id-definizzjoni ta' suq ġeografiku għall-iskopijiet ta' din in-notifika. (25) |
|
(107) |
Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, u billi matul l-investigazzjoni formali l-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda informazzjoni addizzjonali li turi li hija għandha timmodifika l-konklużjonijiet tagħha mid-deċiżjoni ta' ftuħ, il-Kummissjoni żżomm il-valutazzjoni tagħha fir-rigward tad-definizzjonijiet tas-suq tal-prodott u ġeografiku. |
5.6.1. KONKLUŻJONI DWAR IT-TEST TAS-SEHEM MIS-SUQ (PARAGRAFU 68(A) TAR-RAG 2007-13)
|
(108) |
Il-Kummissjoni wettqet it-test stabbilit fil-punt 68(a) tar-RAG 2007-13 fis-swieq plawżibbli kollha tal-prodott u ġeografiċi sabiex tivverifika jekk is-sehem mis-suq tal-benefiċjarju jaqbiżx 25 % qabel u wara l-investiment. |
|
(109) |
Minħabba l-fatt li ma setax jiġi stabbilit suq rilevanti uniku tal-prodott u ġeografiku, kellhom jiġu kkunsidrati r-riżultati tas-swieq kollha plawżibbli. Is-sehem mis-suq tal-Grupp VW fis-segmenti individwali A u B u fis-segmenti kombinati A0, A u B (skont POLK) fiż-ŻEE jammonta għal aktar minn 25 % fis-snin kollha bejn l-2013 u l-2019. Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-livell limitu stabbilit fil-paragrafu 68(a) huwa maqbuż. |
5.6.2. KONKLUŻJONI DWAR IL-KAPAĊITÀ TA' PRODUZZJONI F'TEST TA' SUQ LI L-PRESTAZZJONI TIEGĦU TKUN ANQAS MIL-LIVELL STANDARD (IL-PARAGRAFU 68(B) TAR-RAG 2007-13)
|
(110) |
Billi r-riżultat tat-test skont il-paragrafu 68(a) diġà jeħtieġ proċediment għall-valutazzjoni fil-fond tal-għajnuna, mhuwiex meħtieġ li jitwettaq it-test skont il-paragrafu 68(b). |
5.6.3. KONKLUŻJONI
|
(111) |
Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tiddeċiedi li l-livell limitu rilevanti tat-test skont il-paragrafu 68 (a) inqabeż. Il-Kummissjoni għalhekk tiddeċiedi li twettaq verifika dettaljata, wara l-ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, li l-għajnuna hija neċessarja sabiex tipprovdi effett ta' inċentiv għall-investiment u li l-benefiċċji tal-miżura ta' għajnuna huma akbar mid-distorsjoni li tirriżulta tal-kompetizzjoni u l-effetti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. |
5.7. VALUTAZZJONI FIL-FOND TAL-MIŻURA TA' GĦAJNUNA
|
(112) |
Il-valutazzjoni fil-fond hija mwettqa abbażi tal-IDAC. |
5.7.1. EFFETTI POŻITTIVI TAL-GĦAJNUNA
5.7.1.1. Għan tal-għajnuna
|
(113) |
Il-paragrafu 12 tal-IDAC jitlob li l-Istati Membri jissostanzjaw il-kontribut tal-proġett ta' investiment għall-iżvilupp tar-reġjun ikkonċernat. Il-Kummissjoni tieħu nota tal-effetti reġjonali pożittivi tal-investiment, kif ippreżentati mill-Portugall (ara l-premessi 45 sa 49 aktar 'il fuq) u tqis li b'mod partikolari l-effetti tal-ħolqien ta' impjiegi diretti u indiretti, l-impjantazzjoni ta' fornituri addizzjonali fir-reġjun, it-trasferiment tal-għarfien fir-reġjun, u t-titjib tal-bażi tal-ħiliet reġjonali jirrappreżentaw kontribut sinifikanti għall-iżvilupp tar-reġjun u għall-kisba tal-objettiv ta' koeżjoni tal-UE. |
5.7.1.2. Adegwatezza tal-istrument ta' għajnuna
|
(114) |
Il-paragrafi 17 u 18 tal-IDAC jissottolinjaw li l-għajnuna mill-Istat fil-forma ta' għajnuna għall-investiment inizjali hija biss wieħed mill-mezzi sabiex jingħelbu l-fallimenti tas-suq u jiġi promoss l-iżvilupp ekonomiku f'reġjuni żvantaġġati. L-għajnuna tikkostitwixxi strument xieraq billi tipprovdi vantaġġ speċifiku meta mqabbel ma' miżuri oħra ta' politika. Skont il-paragrafu 18 tal-IDAC, huma biss “miżuri li għalihom l-Istat Membru kkunsidra għażliet politiċi oħra, u li għalihom huma stabbiliti l-vantaġġi tal-użu ta' strument selettiv bħal ma hija l-għajnuna mill-Istat għal kumpanija speċifika, huma kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu strument xieraq.” |
|
(115) |
Il-Portugall iġġustifika (ara l-premessi 51 u 52 aktar 'il fuq) l-adegwatezza tal-istrument ta' għajnuna bis-sitwazzjoni ekonomika fir-reġjun tal-Peninsula de Setubal, billi pprova li r-reġjun huwa żvantaġġat meta mqabbel mal-medja nazzjonali: matul il-perjodu 2011-2013, il-PDG per capita reġjonali kien madwar 75 % tal-medja Portugiża. |
|
(116) |
Fid-dawl tas-sitwazzjoni soċjoekonomika tar-reġjun tal-Peninsula de Setubal, kif ikkonfermat mill-istatus tiegħu bħala reġjun eliġibbli għall-għajnuna reġjonali skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE b'limitu massimu tal-intensità tal-għajnuna ta' 15 %, u b'konformità mal-prattika f'każijiet preċedenti (eż. id-deċiżjoni dwar Dell Poland (26) u d-deċiżjoni dwar Porsche (27)), il-Kummissjoni taċċetta li l-għoti tal-għajnuna mill-Istat huwa strument xieraq sabiex jintlaħaq l-objettiv ta' żvilupp reġjonali fir-reġjun ikkonċernat. |
5.7.1.3. Effett ta' inċentiv/Xenarju kontrofattwali
|
(117) |
Il-paragrafu 20 tal-IDAC jitlob li jeħtieġ li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet formali ta' effett ta' inċentiv kif stabbiliti fil-paragrafu 38 tar-RAG 2007-13. Fit-Taqsima 5.5 aktar 'il fuq, il-Kummissjoni vverifikat li dan huwa l-każ għall-proġett innotifikat. Dwar l-effett sostantiv ta' inċentiv, l-IDAC jitlob li l-Kummissjoni tivverifika fid-dettall li l-għajnuna hija neċessarja biex tibdel l-imġiba tal-benefiċjarju, sabiex iwettaq investiment (addizzjonali) fir-reġjun megħjun ikkonċernat. Il-paragrafu 22 tal-IDAC isostni li l-effett ta' inċentiv jista' jiġi ppruvat f'żewġ xenarji possibbli: fin-nuqqas tal-għajnuna, ma jsir l-ebda investiment billi mingħajr l-għajnuna, l-investiment ma jkunx profittabbli għall-kumpanija fl-ebda post (xenarju 1); fin-nuqqas tal-għajnuna, l-investiment kieku jsir f'post ieħor (xenarju 2). |
|
(118) |
L-IDAC jitlob li l-Istat Membru juri l-eżistenza tal-effett ta' inċentiv tal-għajnuna u jipprovdi evidenza ċara li l-għajnuna effettivament kellha impatt fuq l-għażla tal-investiment jew fuq l-għażla tal-post. Għaldaqstant huwa jpoġġi l-oneru tal-provi rigward l-eżistenza ta' effett ta' inċentiv fuq l-Istat Membru. F'dan il-kuntest, l-Istat Membru huwa meħtieġ ukoll li jagħti deskrizzjoni komprensiva tax-xenarju kontrofattwali li fih ma tingħata l-ebda għajnuna lill-benefiċjarju. Ix-xenarju kontrofattwali jrid jitqies bħala realistiku mill-Kummissjoni. |
|
(119) |
L-awtoritajiet Portugiżi sostnew (ara l-premessa 54 hawn fuq) li l-għajnuna lil Autoeuropa taqa' taħt ix-xenarju 2 u ppreżentaw xenarju kontrofattwali li kien jirrifletti l-ippjanar konkret tal-investiment u l-post għall-proġett innotifikat li kkunsidra bħala post alternattiv impjant fi [is-sit 1 f'żona mhux megħjuna fiż-ŻEE], […]. |
|
(120) |
Il-paragrafu 25 tal-IDAC jindika li l-Istat Membru jista' jagħti prova tal-effett ta' inċentiv tal-għajnuna għal sitwazzjoni tax-xenarju 2 billi jipprovdi dokumenti tal-kumpanija li juru li jkun sar tqabbil bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-allokazzjoni fir-reġjun megħjun magħżul għall-investiment ma' post alternattiv. L-Istat Membru huwa mistieden jibbaża fuq rapporti finanzjarji, pjanijiet tan-negozju u dokumenti interni li jelaboraw fuq diversi xenarji ta' investiment. |
|
(121) |
Il-Portugall ipprovda (ara l-premessi 68, 70 u 71 aktar 'il fuq) evidenza kontemporanja u ġenwina li tiddokumenta l-proċess multistadju tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Grupp VW, u għall-proġett innotifikat, tal-Marka Volkswagen, l-ewwel nett rigward id-deċiżjoni dwar il-prodott u mbagħad id-deċiżjoni ta' investiment u dwar il-post. |
|
(122) |
Din id-dokumentazzjoni turi li wara li ġie stabbilit il-potenzjal tal-bejgħ għal prodotti ġodda fis-segmenti A0 SUV u […] ([…]) fl-2012 fis-sessjoni ta' ppjanar 61, id-dipartiment tal-kontroll [Kontroll tal-Grupp] f'Lulju 2012 inizjalment identifika erba' għażliet għall-post tal-produzzjoni: Setubal, [is-sit 1 f'żona mhux megħjuna fiż-ŻEE], [is-sit 2 barra ż-ŻEE] u [is-sit 3 f'żona mhux megħjuna fiż-ŻEE] billi applika żewġ kriterji prinċipali: jekk jistgħux jiġu installati kapaċitajiet addizzjonali f'impjant eżistenti u jekk il-faċilitajiet eżistenti humiex kompatibbli mal-investiment ippjanat. Il-kalkoli mwettqa mill-[Kontroll tal-Grupp] kienu jinkludu wkoll il-volum tal-bejgħ tal-[mudell predefinit] li kellu SOP fi żmien simili. Kienu żviluppati tliet alternattivi bil-volumi maqsumin bejn l-erba' siti. Għal kull alternattiva, kienu kkalkulati l-ispejjeż tal-produzzjoni għal kull karozza u r-riżultat ta' dawn il-kalkoli wera li f'dak iż-żmien l-aħjar alternattiva kienet tkun li l-volumi tal-[mudell predefinit] u tal-A0 SUV jiġu kombinati fi [is-sit 1 f'żona mhux megħjuna fiż-ŻEE] u li l-volumi ġodda f'Setubal jiġu limitati għas-segment […]. |
|
(123) |
Fil-proċess ta' ppjanar aktar wara, id-dipartiment tal-kontroll iddeċieda li jeskludi [is-sit 3 f'żona mhux megħjuna fiż-ŻEE] minħabba żvantaġġi fl-ispejjeż tal-persunal u [is-sit 2 barra ż-ŻEE] minħabba żvantaġġi fl-ispejjeż loġistiċi u għalhekk żamm biss [is-sit 1 f'żona mhux megħjuna fiż-ŻEE] bħala sit alternattiv vijabbli għal Setubal. |
|
(124) |
Il-Kummissjoni tinnota li f'Jannar 2014 Volkswagen iddeċidiet li tilloka l-produzzjoni tal-[mudell predefinit] fi [is-sit 1 f'żona mhux megħjuna fiż-ŻEE] u fi [is-sit 2 barra ż-ŻEE], fejn diġà kien prodott il-mudell ta' qabel. Il-Portugall ipprovda evidenza sabiex jipprova li anki wara li ttieħdet id-deċiżjoni dwar il-[mudell predefinit], [is-sit 1 f'żona mhux megħjuna fiż-ŻEE] baqa' xenarju realistiku għall-investiment innotifikat. Id-dokumenti pprovduti jippermettu lill-Kummissjoni li tikkonkludi li f'Marzu 2014 meta ttieħdet id-deċiżjoni dwar il-prodott mill-VAP, [is-sit 1 f'żona mhux megħjuna fiż-ŻEE] kellu kapaċità suffiċjenti sabiex jakkomoda l-ħtiġijiet tal-proġett innotifikat. Dan huwa appoġġat ulterjorment mid-deċiżjoni tal-Grupp VW ta' Marzu 2015 li tipproduċi fi [is-sit 1 f'żona mhux megħjuna fiż-ŻEE] mudell ieħor b'kapaċità ta' produzzjoni annwali simili bħall-proġett innotifikat. |
|
(125) |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni vverifikat li l-ispejjeż rilevanti kollha relatati max-xiftijiet addizzjonali meħtieġa fi [is-sit 1 f'żona mhux megħjuna fiż-ŻEE] sabiex ilaħħqu mal-kapaċità addizzjonali meħtieġa għall-proġett innotifikat kienu kkunsidrati fix-xenarju kontrofattwali. Barra minn hekk, hija tieħu nota tal-argument tal-Portugall li kieku Setubal ma ntgħażilx bħala s-sit għall-proġett innotifikat, Autoeuropa jista' jkun li kien ikollha tagħlaq tal-anqas partijiet ewlenin tal-impjant. Il-Kummissjoni vverifikat li fix-xenarju kontrofattwali ġew ikkunsidrati kemm l-ispejjeż għat-tkeċċija tal-impjegati f'Setubal kif ukoll l-ispejjeż għar-rimborż tal-għajnuna mill-Istat mogħtija fil-proġetti ta' investiment preċedenti msemmija fit-Taqsima 4.2. |
|
(126) |
Il-Kummissjoni hija sodisfatta wkoll li l-kalkoli tal-investiment u l-ispejjeż tal-produzzjoni fiż-żewġ siti użati fix-xenarju kontrofattwali huma preċiżi u huma bbażati fuq dejta kredibbli pprovduta mill-fabbriki jew fuq suppożizzjonijiet kredibbli. |
|
(127) |
Kif deskritt fil-premessa 70 u fl-Anness I ta' din id-deċiżjoni, l-istimi għall-ispejjeż tal-produzzjoni attribwibbli għas-sit, li jinkludu l-ispejjeż tal-produzzjoni u l-ispejjeż tal-investiment, irriżultaw fi żvantaġġ, f'termini ta' spejjeż, ta' EUR 90 miljun f'valur nominali għal Setubal meta mqabbel ma' [is-sit 1 f'żona mhux megħjuna fiż-ŻEE]. Sabiex tnaqqas l-iżvantaġġ f'termini ta' spejjeż, ta' Setubal, u fid-dawl tad-deċiżjoni formali li jmiss tal-VAI dwar il-lokalizzazzjoni tal-proġett ta' investiment, wara li ttieħdet id-deċiżjoni dwar il-prodott mill-VAP fl-10 ta' Marzu 2014, Autoeuropa introduċiet applikazzjoni għall-għajnuna fil-31 ta' Marzu 2014. |
|
(128) |
Fit-28 ta' Mejju 2014 u fis-26 ta' Ġunju 2014, il-VAI ddeċieda li l-investiment innotifikat jagħmlu f'Setubal. Kif dokumentat mill-minuti tal-laqgħat tal-VAI, din id-deċiżjoni kienet adottata espliċitament soġġetta għad-disponibbiltà tal-għajnuna mill-Istat. Ix-xogħlijiet fuq il-proġett bdew fis-26 ta' Ġunju 2014. |
|
(129) |
Il-Kummissjoni diġà stabbiliet aktar 'il fuq (ara l-premessa 85) li skont il-paragrafu 20 tal-IDAC, ir-rekwiżiti formali għal effett ta' inċentiv, stabbiliti fil-paragrafu 38 tar-RAG 2007-13, kienu ssodisfati. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Portugiżi pprovdew evidenza ċara li l-għajnuna effettivament kellha impatt fuq l-għażla tas-sit tal-investiment, billi d-deċiżjoni tal-Grupp VW li l-proġett innotifikat tagħmlu f'Setubal ittieħdet biss wara l-iffirmar tal-kuntratt ta' investiment (28) li kkonferma li l-proġett ta' investiment ikun eliġibbli għal għajnuna mill-Istat. B'konformità mal-paragrafi 23 u 25 tal-IDAC, il-Kummissjoni tqis li x-xenarju kontrofattwali ppreżentat mill-Portugall huwa realistiku u appoġġat b'evidenza ġenwina u kontemporanja li tipprova li l-għajnuna għandha effett reali (sostantiv) ta' inċentiv: billi naqqset id-differenza fil-vijabilità bejn iż-żewġ siti favur Setubal, l-għajnuna kkontribwiet sabiex tinbidel id-deċiżjoni dwar il-post tal-kumpanija benefiċjarja. Mingħajr l-għajnuna, l-investiment ma kienx isir f'Setubal. |
5.7.1.4. Proporzjonalità tal-għajnuna
|
(130) |
Il-paragrafu 29 tal-IDAC jitlob li biex l-għajnuna tkun proporzjonali, l-ammont u l-intensità tal-għajnuna jridu jkunu limitati għall-minimu meħtieġ biex l-investiment isir fir-reġjun megħjun. |
|
(131) |
B'mod ġenerali, l-għajnuna reġjonali titqies li tkun proporzjonali mal-gravità tal-problemi li jaffettwaw ir-reġjuni megħjuna jekk tirrispetta l-limitu massimu applikabbli tal-għajnuna reġjonali, inkluż it-tnaqqis progressiv awtomatiku tal-limitu massimu tal-għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta' investiment (li diġà huwa parti mill-mappa applikabbli tal-għajnuna reġjonali). L-intensità tal-għajnuna applikata f'dan il-każ mhijiex ogħla mil-limiti massimi tal-għajnuna reġjonali korretti bil-mekkaniżmu ta' tnaqqis, kif diġà kien stabbilit fil-premessa 96. |
|
(132) |
Minbarra l-prinċipju ġenerali ta' proporzjonalità kontenut fir-RAG 2007-13, l-IDAC jitlob li titwettaq valutazzjoni aktar dettaljata. Taħt ix-xenarju 2 tal-IDAC, l-għajnuna titqies proporzjonata jekk tkun daqs id-differenza bejn l-ispejjeż netti għall-benefiċjarju sabiex jinvesti fir-reġjun megħjun u l-ispejjeż netti sabiex jinvesti fis-sit alternattiv. |
|
(133) |
Id-dokumentazzjoni ppreżentata mill-Portugall (ara l-premessi 68, 70 u 71 hawn fuq) tipprova li l-għajnuna kienet limitata għall-ammont neċessarju, minħabba li ma taqbiżx id-differenza fl-ispejjeż bejn it-tqegħid tal-investiment f'Setubal u fi […]. Il-kalkolu magħmul fiż-żmien tal-analiżi kontrofattwali (u bbażat fuq dokumenti mfasslin kontemporanjament mad-deċiżjoni ta' investiment) juri li anki bl-għajnuna, Setubal kien EUR 14,6-il miljun aktar għali fil-valur skontat minn [is-sit 1 f'żona mhux megħjuna fiż-ŻEE]. Il-Kummissjoni tinnota li l-iżvantaġġ li jifdal f'termini ta' spejjeż kien meqjus bħala aċċettabbli minħabba ċerti aspetti kwalitattivi, bħar-raġunijiet ta' responsabbiltà soċjali (mingħajr l-investiment, Autoeuropa kien ikollha tagħlaq partijiet ewlenin tal-impjant f'Setubal) jew il-possibbiltà li Setubal ikopri qċaċet tal-produzzjoni mingħajr l-ebda appoġġ minn impjanti oħra, filwaqt li [is-sit 1 f'żona mhux megħjuna fiż-ŻEE] ikollu jittrasferixxi parti mill-produzzjoni lejn [is-sit barra miż-ŻEE]. Jekk il-kalkolu jsir billi jitqies l-ammont skontat ta' għajnuna nnotifikata ta' EUR 36,15 miljun (29), l-iżvantaġġ tas-sit ta' Setubal xorta jkun ta' EUR 11,85-il miljun (EUR 48 miljun — EUR 36,15-il miljun). |
|
(134) |
Billi l-għajnuna hija limitata għall-ammont meħtieġ sabiex jikkumpensa għall-ispejjeż netti addizzjonali biex il-proġett ta' investiment isir f'Setubal, meta mqabbel mas-sit alternattiv [is-sit 1 f'żona mhux megħjuna fiż-ŻEE], il-Kummissjoni tqis li l-proporzjonalità tal-għajnuna fiż-żmien tad-deċiżjoni dwar is-sit ġiet murija. |
5.7.2. EFFETTI NEGATTIVI TAL-GĦAJNUNA FUQ IL-KOMPETIZZJONI U L-KUMMERĊ
|
(135) |
Il-paragrafu 40 tal-IDAC isostni li “jekk l-analiżi kontrofattwali tissuġġerixxi li mingħajr l-għajnuna, l-investiment xorta waħda kien jitwettaq, kien x'kien il-każ, ukoll jekk possibbilment minn lokalità oħra (it-tieni xenarju), u jekk l-għajnuna tkun proporzjonali, l-indikazzjonijiet possibbli ta' deformazzjonijiet bħal ma huma sehem qawwi tas-suq u żieda fil-kapaċità f'suq li l-prestazzjoni tiegħu hija inqas mil-livell standard, għandhom, fil-prinċipju, ikunu l-istess, irrispettivament mill-għajnuna”. |
|
(136) |
Mingħajr l-għajnuna nnotifikata, l-investiment kien isir f'sit ieħor fi ħdan iż-ŻEE, u kien iwassal għall-istess livell ta' tfixkil tal-kompetizzjoni (jiġifieri x-xenarju 2). Billi l-għajnuna hija limitata għall-minimu neċessarju sabiex jiġu paċuti l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw mill-iżvantaġġi reġjonali ta' reġjun megħjun, hija ma għandhiex effetti negattivi mhux xierqa fuq il-kompetizzjoni, bħas-soppressjoni tal-investiment privat. |
|
(137) |
Skont il-paragrafu 50 tal-IDAC, minħabba l-ispeċifiċità ġeografika tagħha, l-effetti negattivi potenzjali tal-post marbuta mal-għajnuna reġjonali diġà huma rikonoxxuti u ristretti sa ċertu punt mir-RAG u l-mapep tal-għajnuna reġjonali, li jiddefinixxu b'mod eżawrjenti ż-żoni eliġibbli sabiex jingħataw għajnuna reġjonali, b'kont meħud tal-objettivi tal-politika ta' ekwità u koeżjoni, u l-intensitajiet tal-għajnuna eliġibbli. Madankollu, skont il-paragrafu 53 tal-IDAC, jekk, mingħajr l-għajnuna, l-investiment kien isir f'reġjun aktar fqir (aktar żvantaġġi reġjonali — intensità massima ogħla tal-għajnuna reġjonali) jew f'reġjun li jkun meqjus li għandu l-istess żvantaġġi reġjonali bħar-reġjun fil-mira (l-istess intensità massima tal-għajnuna reġjonali), dan jikkostitwixxi effett negattiv fuq il-kummerċ u element negattiv fit-test ġenerali tal-ibbilanċjar li mhuwiex probabbli li jiġi kkumpensat b'xi element pożittiv, minħabba li jmur kontra l-istess ħsieb tal-għajnuna reġjonali. |
|
(138) |
Fil-każ tal-proġett innotifikat, ma ġiex ikkunsidrat investiment f'żona ġdida billi pakkett ta' investiment ta' [140 000-160 000] karozza li jaqgħu f'segment ta' prezzijiet tas-suq […] huwa żgħir wisq sabiex irendi l-investiment f'żona ġdida wieħed vijabbli. Bl-applikazzjoni ta' żewġ kriterji, il-kapaċitajiet addizzjonali eżistenti u faċilitajiet kompatibbli mal-proġett ippjanat, l-uniċi siti alternattivi inizjali kienu limitati għal [is-sit 1] (żona mhux megħjuna fi [iż-ŻEE]), [is-sit 2] ([barra ż-ŻEE]) u [is-sit 3] ([żona mhux megħjuna fiż-ŻEE); [is-sit 2 barra ż-ŻEE] u [is-sit 3 f'żona mhux megħjuna fiż-ŻEE] kienu fi stadju aktar tard esklużi minħabba li kienu kkaratterizzati minn spejjeż għoljin tal-loġistika u tal-persunal rispettivament. |
|
(139) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-investiment kien isir f'reġjun megħjun ieħor bl-istess limitu massimu jew ogħla tal-intensità tal-għajnuna: għaldaqstant il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna ma għandha l-ebda effett kontra l-koeżjoni li jmur kontra l-istess ħsieb tal-għajnuna reġjonali u l-għajnuna ma għandha l-ebda effett negattiv mhux xieraq fuq il-kummerċ. |
5.8. IBBILANĊJAR
|
(140) |
Wara li ġie stabbilit li l-għajnuna tipprovdi inċentiv għat-twettiq tal-investiment fir-reġjun ikkonċernat u hija proporzjonata, huwa neċessarju bbilanċjar tal-effetti pożittivi tal-għajnuna mal-effetti negattivi tagħha. |
|
(141) |
Il-valutazzjoni kkonfermat li l-miżura ta' għajnuna għandha effett ta' inċentiv sabiex tattira investiment li joffri kontribut importanti għall-iżvilupp reġjonali ta' reġjun żvantaġġat li huwa eliġibbli għall-għajnuna reġjonali skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE, mingħajr ma ċċaħħad mill-investiment l-ebda reġjun bl-istess limitu massimu jew ogħla tal-intensità tal-għajnuna (l-ebda effett kontra l-koeżjoni). Il-Kummissjoni tqis li l-attirar ta' investiment lejn reġjun aktar fqir huwa aktar ta' benefiċċju għall-koeżjoni fi ħdan l-Unjoni milli kieku l-istess investiment sar f'reġjun aktar żviluppat. Kif iddikjarat fil-paragrafu 53 tal-IDAC, il-Kummissjoni tqis li “l-effetti pożittivi tal-għajnuna reġjonali li tikkumpensa biss għad-differenza tal-ispejjeż netti relattivi għal post alternattiv ta' investiment aktar żviluppat […] ikunu normalment ikkunsidrati, skont it-test ta' bilanċ, bħala li jissuperaw l-effetti negattivi fil-post alternattiv għall-investiment il-ġdid”. |
|
(142) |
Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni ssib li, billi l-għajnuna hija proporzjonali għad-differenza fl-ispejjeż netti għat-twettiq tal-investiment fil-post magħżul, meta mqabbel ma' post alternattiv aktar żviluppat, l-effetti pożittivi tal-għajnuna, f'termini tal-għan u l-adegwatezza tagħha, kif murija hawn fuq, jegħlbu l-effetti negattivi fil-post alternattiv. |
|
(143) |
Skont il-paragrafu 68 tar-RAG 2007-13, u fid-dawl tal-valutazzjoni fil-fond imwettqa abbażi tal-IDAC, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna hija neċessarja sabiex tipprovdi effett ta' inċentiv għall-investiment u li l-benefiċċji tal-miżura ta' għajnuna huma akbar mid-distorsjoni li tirriżulta tal-kompetizzjoni u l-effetti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. |
6. KONKLUŻJONI
|
(144) |
Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna proposta għall-investiment reġjonali favur Volkswagen Autoeuropa, Lda mogħtija fit-30 ta' April 2014 soġġetta biss għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fir-RAG 2007-13 u fl-IDAC u għalhekk tista' titqies bħala kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE. |
|
(145) |
Il-Kummissjoni tfakkar li skont il-premessa 16 tad-deċiżjoni ta' ftuħ, il-Portugall impenja ruħu li ma huwa se jinqabeż la l-ammont tal-għajnuna nnotifikat u lanqas l-intensità tal-għajnuna nnotifikata, jekk in-nefqa eliġibbli realizzata tiddevja mill-ammont ippjanat tan-nefqa eliġibbli, kif meqjus fin-notifika u fil-kalkolu tal-ammont massimu ta' għajnuna. Il-Portugall intrabat ukoll li jissottometti lill-Kummissjoni kull ħames snin, li jibdew mill-approvazzjoni tal-għajnuna mill-Kummissjoni, rapport intermedju (li jinkludi informazzjoni dwar l-ammonti li jkunu qegħdin jitħallsu u dwar kwalunkwe proġett ta' investiment ieħor mibdi fl-istess stabbiliment/impjant) u fi żmien sitt xhur wara l-pagament tal-aħħar segment tal-għajnuna, skont l-iskeda tal-pagamenti nnotifikata, rapport finali dettaljat, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-għajnuna mill-Istat li l-Portugall qiegħed jippjana li jimplimenta għal Volkswagen Autoeuropa, Lda, li tammonta għal EUR 36,15 miljun fil-valur preżenti u li tirrappreżenta intensità massima tal-għajnuna ta' 6,03 % f'ekwivalenti tal-għotja gross, hija kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
L-implimentazzjoni tal-għajnuna, li tammonta għal massimu ta' EUR 36,15 miljun fil-valur preżenti u għal intensità massima tal-għajnuna ta' 6,03 % f'ekwivalenti tal-għotja gross, hija għalhekk awtorizzata.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Portugiża.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Novembru 2015.
Għall-Kummissjoni
Margrethe VESTAGER
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU C 460, 19.12.2014, p. 55.
(2) Ara n-nota 1 f'qiegħ il-paġna.
(3) Għajnuna mill-Istat N 727/2006 — Portugall — Mappa tal-għajnuna reġjonali 2007-2013 (ĠU C 68, 24.3.2007, p. 26), kif imtawla sal-aħħar ta' Ġunju 2014 permezz ta' SA.37471 (2013/N) — Estensjoni tal-mappa tal-għajnuna reġjonali Portugiża 2007-2013 sat-30 ta' Ġunju 2014 (ĠU C 50, 21.2.2014, p. 16).
(4) Il-Kawża SA.36754 LIP — HU — Għajnuna lil AUDI HUNGARIA MOTOR Ltd (ĠU C 418, 21.11.2014, p. 25).
(5) ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.
(6) IlKawża SA.32169 — Ġermanja — LIP — Għajnuna lil Volkswagen Sachsen GmbH (ĠU C 361, 10.12.2011, p. 17).
(7) R. L. Polk & Co. (imsejħa wkoll POLK) hija organizzazzjoni integrata globalment u fornitur ewlieni ta' informazzjoni u analitika tas-suq fl-industrija awtomobilistika. Fis-16 ta' Lulju 2013, IHS Inc., is-sors globali ewlieni ta' informazzjoni kritika u analitika lestiet l-akkwiżizzjoni tagħha ta' R. L. Polk & Co.
(*1) Sigriet kummerċjali
(8) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta' Awwissu 2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta' għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) skond l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat (ĠU L 214, 9.8.2008, p. 3), imtawla sat-30 ta' Ġunju 2014.
(9) Guidelines on national regional aid for 2007-2013 (ĠU C 54, 4.3.2006, p. 13). Fit-28 ta' Ġunju 2013, il-Kummissjoni adottat il-Linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-2014-2020, li fihom hija estendiet il-perjodu ta' applikazzjoni tar-RAG 2007-13 sat-30 ta' Ġunju 2014 (il-paragrafu 186); (ĠU C 209, 23.1.2013, p. 1).
(10) In-nota 55 f'qiegħ il-paġna tar-RAG 2007-13 tispeċifika dan li ġej: “To assess whether an initial investment is economically indivisible, the Commission will take into account the technical, functional and strategic links and the immediate geographical proximity. The economic indivisibility will be assessed independently from ownership. This implies that to establish whether a large investment project constitutes a single investment project, the assessment should be the same irrespective of whether the project is carried out by one undertaking, by more than one undertakings sharing the investment costs or by more undertakings bearing the costs of separate investments within the same investment project (for example in the case of a joint venture). (Sabiex jiġi vvalutat jekk investiment inizjali hux ekonomikament indiviżibbli, il-Kummissjoni se tikkunsidra r-rabtiet tekniċi, funzjonali u strateġiċi u l-prossimità ġeografika immedjata. L-indiviżibbiltà ekonomika se tiġi vvalutata indipendentement mis-sjieda. Dan jimplika li sabiex jiġi stabbilit jekk proġett ta' investiment kbir jikkostitwix proġett ta' investiment uniku, il-valutazzjoni għandha tkun l-istess irrispettivament minn jekk il-proġett ikunx sar minn impriża waħda, minn iktar minn impriża waħda li qasmu l-kost tal-investiment jew minn iktar impriżi li ġarrbu l-kosti tal-investimenti separati fl-istess proġett ta' investiment (pereżempju fil-każ ta' impriża konġunta)”).
(11) ĠU C 223, 16.9.2009, p. 3.
(12) Dan l-approċċ huwa konformi mad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat SA. 34118 (Porsche Leipzig), id-Deċiżjoni tad-9 ta' Lulju 2014 (C(2014)4075) fil-każ ta' SA.34118, għadha ma ġietx ippubblikata fil-ĠU, disponibbli fis-sit http://ec.europa.eu/competition/elojade/isef/index.cfm?clear=1&policy_area_id=3; SA.30340 (Fiat Powertrain Technologies), id-Deċiżjoni tad-9 ta' Frar 2011, (C(2011)612) fil-każ ta' SA.30340 (ĠU C 151, 21.5.2011, p. 5); SA. 32169 (Volkswagen Sachsen) id-Deċiżjoni tat-13 ta' Lulju 2011 (C(2011)4935) fil-każ ta' SA.32169 (ĠU C 361, 10.12.2011, p. 17); N 767/07 (Ford Craiova) id-Deċiżjoni tat-30 ta' April 2008 (C(2008)1613) fil-kawża N 767/2007 (ĠU C 238, 17.9.2008, p. 4); N 635/2008 (Fiat Sicily), id-Deċiżjoni tad-29 ta' April 2009 (C(2009)3051) fil-kawża N 635/2008 (ĠU C 219, 12.9.2009, p. 3); u N 473/2008 (Ford España) id-Deċiżjoni tas-17 ta' Ġunju 2009 (C(2009)4530) fil-kawża N 473/2008 (ĠU C 19, 26.1.2010, p. 5).
(13) F'sensiela ta' deċiżjonijiet dwar l-SUVs, l-aktar riċentement fid-deċiżjoni finali tagħha dwar l-għajnuna mill-Istat lill-Porsche (id-Deċiżjoni tad-9 ta' Lulju 2014 fil-kawża SA.34118 (2012/C, ex 2011/N) li l-Ġermanja qiegħda tippjana li timplimenta favur Porsche Leipzig GmbH u Dr. Ing. H.c.F. Porsche Aktiengesellschaft, għadha ma ġietx ippubblikata fil-ĠU, disponibbli fis-sit http://ec.europa.eu/competition/elojade/isef/index.cfm?clear=1&policy_area_id=3), il-Kummissjoni qieset li għall-SUVs, il-klassifikazzjoni ta' Global Insight hija aktar xierqa. L-SUVs li jaqgħu taħt is-segment A0 ta' POLK jikkorrispondu għas-segment SUV-B fil-klassifikazzjoni ta' Global Insight.
(14) C34/2001, id-Deċiżjoni tas-7 ta' Mejju 2002 dwar l-għajnuna mill-Istat li Spanja qiegħda tippjana li timplimenta favur Ford España SA (notifikata bid-dokument numru C(2002) 1803), ippubblikata fil-ĠU L 314, 18.11.2002, p. 86.
(15) EUR 19,95 miljun imnaqqsa għall-2011, is-sena meta beda l-proġett ta' investiment, rata ta' skont ta' 1,56 %.
(16) SA. 34118, id-deċiżjoni tad-9 ta' Lulju 2014, għadha ma ġietx ippubblikata fil-ĠU, disponibbli fis-sit http://ec.europa.eu/competition/elojade/isef/index.cfm?clear=1&policy_area_id=3, premessa 107.
(17) Is-sors tad-dejta huwa l-INE — Instituto Nacional de Estatística (l-Aġenzija Nazzjonali Uffiċjali għall-Istatistika).
(18) Din l-analiżi kontrofattwali hija ppreżentata fid-dettall fl-anness I li ma jistax jiġi ppubblikat minħabba li l-elementi tagħha jikkostitwixxu sigrieti kummerċjali.
(19) Ara wkoll in-nota 20 f'qiegħ il-paġna hawn isfel.
(20) Din iċ-ċifra hija bbażata fuq firxa differenti tal-ispejjeż eliġibbli matul is-snin meta mqabbla mal-konfigurazzjoni tal-investiment finali li kienet innotifikata.
(21) Autoeuropa ssottomettiet applikazzjoni għall-għajnuna fil-31 ta' Marzu 2014 u l-awtorità responsabbli għall-amministrazzjoni tal-iskema kkonfermat bil-miktub fl-4 ta' April 2014 li, soġġett għal verifika dettaljata, il-proġett fil-prinċipju kien jissodisfa l-kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà. Il-kuntratt ta' investiment ġie ffirmat fit-30 ta' April 2014 u kien jinkludi klawżola sospensiva li kienet tagħmlu dipendenti fuq id-deċiżjoni tal-Grupp VW jekk ikomplix jew le bil-proġett, sakemm dik id-deċiżjoni tittieħed qabel it-30 ta' Ġunju 2014.
(22) Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-kawża C34/2001 rigward l-għajnuna lil Ford España (in-nota 14 f'qiegħ il-paġna aktar 'il fuq), il-premessi 36-37.
(23) Naturalment, fi kwalunkwe każ u għalhekk irrispettivament mil-livelli limitu tal-paragrafu 68 tar-RAG 2007-13, il-Kummissjoni trid tibbilanċja l-effetti pożittivi u negattivi tal-għajnuna qabel ma tikkonkludi dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern. Ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-304/08 Smurfit Kappa Group v il-Kummissjoni EU:T:2012:351, para. 94.
(24) Ara pereżempju, id-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni fil-kawża ta' Porsche, SA. 34118 (adottata f'Lulju 2014) meta hija ħalliet miftuħa l-kwistjoni tad-definizzjoni tas-suq u applikat l-approċċ tradizzjonali li teżamina d-“definizzjonijiet tas-suq alternattivi plawżibbli li jiddefinixxu s-segmenti individwali tal-karozz, (inklużi l-aktar segmentazzjoni dejqa li għaliha hemm dejta disponibbli)”. Ara l-premessa 86 ta' din id-Deċiżjoni, li tikkwota firxa ta' każijiet, inkluż Fiat Powertrain technologies, SA.30340, il-premessa 88 (“Billi l-proġett ma jaqbiżx il-livelli limitu previsti fil-paragrafu 68(a) tar-RAG fil-livell tal-iżgħar segmentazzjoni tas-suq tal-prodott downstream li għaliha hemm disponibbli dejta, jirriżulta li l-proġett ma jaqbiżx il-livelli limitu previsti fil-paragrafu 68(a) tar-RAG għall-kombinazzjonijiet kollha possibbli ta' dawn is-segmenti tal-karozzi”). Id-deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat SA.30340 Fiat Powertrain Technologies, id-Deċiżjoni tad-9 ta' Frar 2011, (C(2011) 612) (ĠU C 151, 21.5.2011, p. 5); SA. 32169 Volkswagen Sachsen, id-Deċiżjoni tat-13 ta' Lulju 2011 (C(2011) 4935 (ĠU C 361, 10.12.2011, p. 17).
(25) Ara wkoll it-Taqsima 3.3.2.2 tad-deċiżjoni ta' ftuħ.
(26) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/54/KE tat-23 ta' Settembru 2009 dwar l-għajnuna li l-Polonja qiegħda tippjana li timplimenta għal Dell Products (Polonja) Sp. z o.o. C 46/08 (ex N 775/07) (ĠU L 29, 2.2.2010, p. 8), il-premessa 171.
(27) SA.34118 (2012/C, ex 2011/N), għadha ma ġietx ippubblikata fil-ĠU, disponibbli fis-sit http://ec.europa.eu/competition/elojade/isef/index.cfm?clear=1&policy_area_id=3, recital 107.
(28) Il-kuntratt ta' investiment kien jinkludi klawżola sospensiva li kienet tagħmlu dipendenti fuq id-deċiżjoni tal-Grupp VW jekk ikomplix jew le bil-proġett, sakemm dik id-deċiżjoni tittieħed qabel it-30 ta' Ġunju 2014.
(29) Ara l-ispjegazzjoni għad-differenza fl-ammonti ta' għajnuna fin-nota 19 f'qiegħ il-paġna aktar 'il fuq.