EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D0126

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/126 tal-24 ta' Jannar 2017 li temenda d-Deċiżjoni 2013/448/UE fir-rigward tal-istabbiliment ta' fattur ta' korrezzjoni transsettorjali uniformi f'konformità mal-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2017/0367

ĠU L 19, 25.1.2017, p. 93–95 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/126/oj

25.1.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 19/93


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/126

tal-24 ta' Jannar 2017

li temenda d-Deċiżjoni 2013/448/UE fir-rigward tal-istabbiliment ta' fattur ta' korrezzjoni transsettorjali uniformi f'konformità mal-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għan-negozjar ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10a(5) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE tas-27 ta' April 2011 li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 15(3) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE jistabbilixxi ammont annwali massimu ta' kwoti li huwa l-bażi biex jiġu kkalkulati l-allokazzjonijiet mingħajr ħlas għall-installazzjonijiet mhux koperti bl-Artikolu 10a(3) tad-Direttiva 2003/87/KE. Dan l-ammont huwa s-somma taż-żewġ elementi rispettivament deskritti fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE.

(2)

Biex ikun żgurat li l-ammont annwali massimu ta' kwoti ma jinqabiżx, fattur ta' korrezzjoni transsettorjali jiġi applikat jekk ikun meħtieġ, u dan inaqqas b'mod uniformi l-allokazzjonijiet għall-installazzjonijiet kollha eliġibbli biex jirċievu allokazzjonijiet bla ħlas.

(3)

F'konformità mal-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2011/278/UE, il-Kummissjoni tiddetermina l-fattur ta' korrezzjoni transettorjali billi tqabbel il-limitu stabbilit bl-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE mas-somma tal-ammonti totali annwali preliminari ta' allokazzjonijiet għall-installazzjonijiet kollha koperti bid-Direttiva 2003/87/KE fit-territorju tal-Istati Membri.

(4)

Il-Kummissjoni ddeterminat, fid-Deċiżjoni 2013/448/UE (3) fattur ta' korrezzjoni transsettorjali uniformi, ippreżentat fl-Artikolu 4 tagħha u l-Anness II tagħha.

(5)

Il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tat-28 ta' April 2016 dwar il-każijiet konġunti C-191/14. C-192/14, C-295/14, C-389/14 u C-391/14 sa C-393/14, sabet li l-Kummissjoni, meta kienet qed tistabbilixxi l-ammont annwali massimu ta' kwoti f'konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE ma messiex qieset l-emissjonijiet li rriżultaw mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE mill-2013 peress li dawk l-emissjonijiet kienu ġenerati minn installazzjonijiet koperti bl-iskema għan-negozjar ta' emissjonijiet. B'konsegwenza ta' dan, il-Qorti kkonkludiet li l-Kummissjoni ma ddeterminatx l-ammont annwali massimu ta' kwoti f'konformità mar-rekwiżiti tal-punt (b) tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE u li l-fattur transkorrezzjonali uniformi stabbilit fl-Artikolu 4 u fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448/UE kien imur ukoll kontra dawk id-dispożizzjonijiet. L-Artikolu 4 u l-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448/UE b'hekk kienu invalidati mill-Qorti.

(6)

Biex timplimenta din is-sentenza, il-Kummissjoni hija meħtieġa li tirrikalkola l-ammont annwali massimu ta' kwoti għal installazzjonijiet eliġibbli li jirċievu allokazzjonijiet bla ħlas fir-rigward tar-rekwiżiti tal-punt (b) tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE u, b'konsegwenza ta' dan, il-fattur ta' korrezzjoni transsettorjali uniformi għandu jkun emendat skont dan.

(7)

Il-kalkolu mill-ġdid tal-ammont ta' kwoti msemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE twettaq bl-użu tal-istess metodoloġija, bl-użu tal-istess dejta li ntużat għall-kalklolu inizjali fl-2013. F'konformità mas-sentenza tal-Qorti, billi l-Kummissjoni inizjalment kienet qieset l-emissjonijiet ġenerati minn installazzjonijiet koperti bl-EU ETS qabel l-1 ta' Jannar 2013 u li jirriżultaw mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE mill-2013 biss, dawn kellhom jitneħħew mill-kalkolu tal-ammont annwali massimu ta' kwoti kif definit mill-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE.

(8)

Il-Kummissjoni użat bħala punt tat-tluq is-sottomissjonijiet uffiċjali inizjali mill-Istati Membri. Imbagħad, il-Kummissjoni kkonsultat lill-Istati Membri dwar is-sottomissjonijiet tagħhom ta' dejta dwar l-emissjonijiet u, kull fejn kien meħtieġ, talbet għal aktar kjarifiki. F'konformità mal-Artikolu 10a(5), tqiesu biss installazzjonijiet li għalihom emissjonijiet verifikati ġew sottomessi mill-Istati Membri.

(9)

Imbagħad, il-Kummissjoni neħħiet l-installazzjonijiet mill-kalkolu fejn wettqu attivitajiet koperti bid-Direttiva 2003/87/KE mill-2013 biss iżda li kienu diġà parti mill-iskema għan-negozjar ta' emissjonijiet qabel l-2013. L-emissjonijiet minn installazzjonijiet li ddaħħlu mill-Istati Membri f'konformità mal-Artikolu 24 tad-Direttiva 2003/87/KE qabel l-2013 tneħħew ukoll.

(10)

L-installazzjonijiet affettwati mid-data tal-ġbir tad-dejta inizjali sal-2013, kemm b'bidliet strutturali bħal fużjonijiet, qsim jew għeluq jew b'bidliet tekniċi biex b'hekk ma jkunux jistgħu jilħqu aktar il-livelli limiti rilevanti stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE xorta tqiesu fl-eżerċizzju ta' kalkolu mill-ġdid peress li dawn il-bidliet ma setgħux jiġu antiċipati fid-data tal-ġbir tad-dejta. L-installazzjonijiet esklużi mis-sistema skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2003/87/KE tqiesu wkoll fil-kalkolu mill-ġdid għall-istess raġuni.

(11)

Tibdiliet li jikkoreġu l-iżbalji fil-Miżuri ta' Implimentazzjoni Nazzjonali tal-Istati Membri għall-perjodu 2013-2020 u implimentati sa tmiem l-2016 tqiesu fl-eżerċizzju tal-kalkolu mill-ġdid, peress li l-valuri korretti kellhom ikunu diġà fis-seħħ meta seħħ il-kalkolu oriġinali tal-fattur ta' korrezzjoni transsettorjali.

(12)

Fis-sentenza tagħha tat-28 ta' April 2016, il-Qorti llimitat b'mod espliċitu l-effetti temporali tad-dikjarazzjoni ta' invalidità tal-Artikolu 4 u tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448/UE biex b'hekk, l-ewwel nett, is-sentenza ma tipproduċix effetti sa 10 xhur mid-data tal-għoti ta' din is-sentenza. B'hekk, il-fattur ta' korrezzjoni transsettorjali stabbilit fid-Deċiżjoni 2013/448/UE huwa invalidu mill-1 ta' Marzu 2017. Barra minn hekk, il-miżuri addottati sa dik id-data abbażi tad-dispożizzjonijiet invalidati ma jistgħux jiġu kkontestati.

(13)

F'konformità mas-sentenza tal-Qorti li tenfasizza l-kunsiderazzjonijiet imperattivi taċ-ċertezza legali, il-miżuri tal-Istati Membri dwar l-allokazzjonijiet tal-kwoti għall-perjodu 2013-2020 u kwalunkwe tibdil u żidiet sussegwenti għal dawn magħmula sad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni jibqgħu validi. Il-fattur ta' korrezzjoni transsettorjali determinat f'din id-Deċiżjoni għandu jiġi applikat f'deċiżjonijiet addottati mill-1 ta' Marzu 2017 li joħolqu jew jimmodifikaw id-drittijiet għal allokazzjoni u li jinvolvu, għad-deteminazzjoni tagħhom, l-applikazzjoni tal-fattur ta' korrezzjoni transsettorjali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2013/448/UE hija b'dan emendata kif ġej:

1.

L-Artikolu 4 għandu jiġi sostitwit b'li ġej:

“Artikolu 4

Il-fattur ta' korrezzjoni transettorjali uniformi msemmi fl-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE u ddeterminat skont l-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2011/278/UE huwa stabbilit fl-Anness II ta' din id-Deċiżjoni”

2.

L-Anness II għandu jiġi sostitwit bit-test li jidher fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 2017.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Jannar 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

(2)  ĠU L 130, 17.5.2011, p. 1.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/448/UE tal-5 ta' Settembru 2013 dwar miżuri ta' implimentazzjoni nazzjonali għall-allokazzjoni tranżizzjonali mingħajr ħlas ta' kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra skont l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 240, 7.9.2013, p. 27).


ANNESS

L-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448/KE jinbidel b'dan li ġej:

“ANNESS II

Il-valuri tal-fattur ta' korrezzjoni transsettorjali li japplikaw għall-allokazzjonijiet mingħajr ħlas għal installazzjonijiet li mhumiex koperti bl-Artikolu 10a(3) tad-Direttiva 2003/87/KE għas-snin 2013-2020 huma dawn li ġejjin:

Sena

Fattur ta' korrezzjoni transsettorjali

2013

89,207101 %

2014

87,657727 %

2015

86,090119 %

2016

84,506152 %

2017

82,905108 %

2018

81,288476 %

2019

79,651677 %

2020

78,009186 %”


Top