Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D0011

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/11 tal-5 ta' Jannar 2017 li tapprova, f'isem l-Unjoni Ewropea, l-emendi tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk

    C/2016/8895

    ĠU L 3, 6.1.2017, p. 43–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/11/oj

    6.1.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 3/43


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/11

    tal-5 ta' Jannar 2017

    li tapprova, f'isem l-Unjoni Ewropea, l-emendi tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/785/UE tas-16 ta' Diċembru 2013 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni fis-settur tas-sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk (1), u partikolarment l-Artikolu 3 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 10 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk (2), minn hawn 'il quddiem “il-Ftehim”, approvat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 764/2006 (3), jistabbilixxi Kumitat Konġunt responsabbli mill-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-ftehim imsemmi, u partikolarment is-superviżjoni tal-implimentazzjoni, l-interpretazzjoni u l-funzjonament kif suppost. Il-Kapitolu X tal-Anness tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni fil-qasam tas-sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk, minn hawn 'il quddiem “il-Protokoll”, approvat permezz tad-Deċiżjoni 2013/785/UE, jistabbilixxi l-arranġamenti għall-ħatt l-art ta' parti mill-qabdiet fil-portijiet Marokkini imwettqa skont dan il-Protokoll,

    (2)

    Il-Kumitat Konġunt ltaqa' f'Rabat bejn it-18 u l-20 ta' Ottubru 2016, biex jadotta l-emendi ta' ċerti arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Protokoll fir-rigward tal-ħatt l-art, b'konsiderazzjoni tad-diffikultajiet rikorrenti fir-rigward tal-ilħuq ta' dan l-obbligu,

    (3)

    Qabel il-laqgħa tal-Kumitat Konġunt, il-Kummissjoni bagħtet dokument preparatorju lill-Kunsill fejn spjegat fid-dettall l-elementi speċifiċi tal-pożizzjoni prevista mill-Unjoni,

    (4)

    Il-pożizzjoni prevista mill-Unjoni ġiet approvata mill-Kunsill skont il-punt 3 tal-Anness tad-Deċiżjoni 2013/785/UE,

    (5)

    L-emendi adottati, li jikkonċernaw iż-żieda fil-penali għall-nuqqas ta' konformità mal-obbligu tal-ħatt l-art u l-estensjoni tal-inċentivi finanzjarji tal-kategoriji kollha mandatorji fil-każ ta' ħatt l-art lil hinn mil-livell limitu mandatorju għall-ħatt l-art, ġew inklużi fl-Anness 8 tal-minuti tal-istess laqgħa tal-Kumitat Konġunt,

    (6)

    Dawn l-emendi għandhom jiġu approvati f'isem l-Unjoni Ewropea,

    (7)

    Jenħtieġ li tiġi prevista l-applikabbiltà retroattiva ta' dawn il-miżuri mill-20 ta' Ottubru 2016,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-emendi tal-punti 1 u 4 tal-Kapitolu X tal-Anness tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk, adottati mill-Kumitat Konġunt stabbilita permezz tal-Artikolu 10 tal-imsemmi ftehim u li jirriżultaw mill-Anness 8 tal-minuti stabbilit fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni, huma approvati f'isem l-Unjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandha tapplika mill-20 ta' Ottubru 2016.

    Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Jannar 2017.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 349, 21.12.2013, p. 1.

    (2)  ĠU L 141, 29.5.2006, p. 4.

    (3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 764/2006 tat-22 ta' Mejju 2006 dwar il-konklużjoni ta' Ftehim ta' Assoċjazzjoni fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk (ĠU L 141, 29.5.2006, p. 1).


    ANNESS

    L-Anness 8 tal-minuti tal-laqgħa ta' bejn it-18 u l-20 ta' Ottubru 2016 tal-Kumitat Konġunt stabbilit permezz tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk

    KAPITOLU X “ĦATT L-ART TAL-QABDIET”

    Punt 1

    “Ħatt l-Art”

    Il-bastimenti tal-Unjoni Ewropea suġġetti għall-ħatt l-art mandatorju li għandhom liċenzja skont id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protokoll u li f'port Marokkin iħottu l-art iktar mill-perċentwali tal-ħatt l-art obbligatorji previsti fl-iskedi tad-dejta tekniċi 1, 4, 5 u 6 għandhom jibbenefikaw minn tnaqqis fuq it-tariffa ta' 5 % għal kull tunnellata li tinħatt l-art li tkun iktar mil-livell limitu obbligatorju li tkun għaddiet mis-suq tal-ħut.

    Punt 4

    “Penali fil-każ ta' nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti applikabbli tal-ħatt l-art”:

    Bastimenti fil-kategoriji li huma soġġetti għal ħatt l-art obbligatorju li ma jikkonformawx ma' dan l-obbligu skont l-iskedi tad-dejta tekniċi rilevanti jistgħu jkunu soġġetti għal żieda ta' 15 % fil-pagament tat-tariffa sussegwenti.


    Top