EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R2362

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2362 tal-20 ta' Diċembru 2016 li jikkoreġi r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2073 fir-rigward tal-ammont disponibbli għal Franza għar-rimborż tal-approprjazzjonijiet riportati mis-sena finanzjarja tal-2016

C/2016/8976

ĠU L 350, 22.12.2016, p. 18–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/2362/oj

22.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 350/18


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2362

tal-20 ta' Diċembru 2016

li jikkoreġi r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2073 fir-rigward tal-ammont disponibbli għal Franza għar-rimborż tal-approprjazzjonijiet riportati mis-sena finanzjarja tal-2016

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 26(6) tiegħu,

Wara li kkonsultat mal-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2073 (2) jistabbilixxi l-ammonti li jsiru disponibbli għall-Istati Membri għar-rimborż lid-destinatarji finali fis-sena finanzjarja tal-2017. Dawk l-ammonti jikkorrispondu għat-tnaqqis tad-dixxiplina finanzjarja li ġie applikat effettivament mill-Istati Membri fis-sena finanzjarja tal-2016 abbażi tad-dikjarazzjonijiet tan-nefqa tal-Istati Membri għall-perjodu mis-16 ta' Ottubru 2015 sal-15 ta' Ottubru 2016.

(2)

Fir-rigward ta' Franza, waqt it-trattament tad-dikjarazzjonijiet tal-Istati Membri bl-għan li jiġu stabbiliti l-ammonti grossi tan-nefqa soġġetti għal dixxiplina finanzjarja sar żball fis-sistema tal-IT tal-Kummissjoni. Dak l-iżball wassal biex ġie applikat ammont żbaljat tad-dixxiplina finanzjarja u b'hekk wassal għal żball fl-ammont li sar disponibbli għar-rimborż għal Franza. Dak l-iżball ma jaffettwax l-ammonti stabbiliti għal Stati Membri oħra.

(3)

Sabiex tinkiseb il-konformità mal-bażi legali għar-rimborż u biex tkun żgurata l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, l-ammont li sar disponibbli għar-rimborż għal Franza għandu jiġi kkoreġut.

(4)

B'konsegwenza ta' dan, it-total tad-dixxiplina finanzjarja applikat mill-Istati Membri fis-sena finanzjarja tal-2016, kif imsemmi fil-premessa 5 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2073, huwa ta' EUR 433 miljun.

(5)

Għalhekk, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2073 għandu jiġi kkoreġut skont dan,

(6)

Billi l-korrezzjoni li qed issir permezz ta' dan ir-Regolament taffettwa l-applikazzjoni tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2073, li japplika mill-1 ta' Diċembru 2016, anki dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta' Diċembru 2016,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2073, l-entrata għal Franza tinbidel b'dan li ġej:

“Franza

88 824 479 ”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Diċembru 2016.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Diċembru 2016.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2073 tat-23 ta' Novembru 2016 dwar ir-rimborż, f'konformità mal-Artikolu 26(5) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-approprjazzjonijiet riportati mis-sena finanzjarja tal-2016 (ĠU L 320, 26.11.2016, p. 25).


Top