Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R2222

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2222 tal-5 ta' Diċembru 2016 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni

    C/2016/8362

    ĠU L 336, 10.12.2016, p. 17–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/2222/oj

    10.12.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 336/17


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2222

    tal-5 ta' Diċembru 2016

    li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(e) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa nomenklatura tal-oġġetti (minn hawn 'il quddiem imsejħa bħala n-“Nomenklatura Magħquda”), li hija stabbilita fl-Anness I ta' dak ir-Regolament.

    (2)

    Is-subintestatura 9505 10 tan-Nomenklatura Magħquda tkopri oġġetti għall-festi tal-Milied.

    (3)

    Fin-Noti ta' Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata (HSEN) għall-intestatura 9505 (a) (1) u (2) tingħata xi gwida dwar l-interpretazzjoni tat-terminu “oġġetti għall-festi tal-Milied”. Madankollu, għad hemm fehmiet diverġenti dwar il-kamp ta' applikazzjoni tal-oġġetti li jaqgħu taħt is-subintestatura 9505 10.

    (4)

    Għal aktar ċertezza legali, il-kamp ta' applikazzjoni tas-subintestatura 9505 10 għandu għalhekk jiġi ċċarat billi ssir distinzjoni bejn l-oġġetti tradizzjonali li jintużaw għall-festi tal-Milied imsemmija fl-HSEN għall-intestatura 9505, il-punti (A)(1) u (2), u l-oġġetti tal-moda li jintużaw b'mod aktar ġenerali bħala tiżjin matul l-istaġun tax-xitwa.

    (5)

    Huwa għalhekk meħtieġ li tiddaħħal nota addizzjonali fil-Kapitolu 95 tan-Nomenklatura Magħquda biex tiġi żgurata l-interpretazzjoni uniformi tas-subintestatura 9505 10 fl-Unjoni kollha.

    (6)

    Għalhekk l-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 għandu jiġi emendat skont dan.

    (7)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fil-Kapitolu 95 tat-Tieni Parti tan-Nomenklatura Magħquda stabbilita fl-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, tiddaħħal in-nota addizzjonali 1 li ġejja:

    “1.

    Is-subintestatura 9505 10 tkopri:

    (a)

    oġġetti li huma ġeneralment rikonoxxuti bħala oġġetti li jintużaw tradizzjonalment u esklussivament fil-festi tal-Milied u li jkunu manifatturati u maħsubin bħala oġġetti għall-festi tal-Milied.

    Dawn huma:

    (1)

    oġġetti assoċjati man-natività (jiġifieri oġġetti għall-presepju tradizzjonali), bħalma huma l-pasturi tax-xena tat-twelid ta' Ġesu Kristu, l-annimali tax-xena tat-twelid, l-istilel ta' Betlem, it-tliet slaten maġi u xeni tat-twelid;

    (2)

    oġġetti li huma rikonoxxuti li jintużaw fil-festi tal-Milied minħabba tradizzjonijiet nazzjonali antiki, bħal:

    siġar artifiċjali tal-Milied,

    kalzetti tal-Milied,

    zkuk tal-Milied imitazzjoni,

    crackers tal-Milied,

    Father Christmases bl-islitta jew mingħajrha,

    anġli tal-Milied.

    Din is-subintestatura ma tkoprix oġġetti tal-istaġun tax-xitwa li jkunu tajbin għal użu aktar ġenerali bħala tiżjin matul dan l-istaġun, minħabba li l-karatteristiċi oġġettivi tagħhom jissuġġerixxu li ma jintużawx esklussivament għall-festi tal-Milied iżda prinċipalment bħala tiżjin matul l-istaġun tax-xitwa, bħal imrieżaq tas-silġ (icicles), kristalli tal-borra, stilel, renni, pitirrossi, snowmen, u immaġni oħra tal-istaġun tax-xitwa, kemm jekk il-kuluri jew l-ilbies eċċ. jissuġġerixxu xi konnessjoni mal-Milied kif ukoll jekk le.

    (b)

    l-oġġetti ta' tiżjin għas-siġar tal-Milied.

    Dawn huma oġġetti maħsubin biex jiddendlu fuq is-siġra tal-Milied (jiġifieri oġġetti ħfief li ġeneralment ikunu magħmulin minn materjal li ma jdumx iservi maħsubin għat-tiżjin tas-siġra tal-Milied). L-oġġetti għandu jkollhom konnessjoni mal-Milied.”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Diċembru 2016.

    Għall-Kummissjoni

    Stephen QUEST

    Direttur Ġenerali

    Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


    (1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.


    Top