Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R1954

    Regolament (UE) 2016/1954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1365/2006 dwar statistika ta’ trasport ta’ merkanzija minn passaġġi fuq l-ilma interni fir-rigward l-għoti ta’ setgħat iddelegati u ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni għall-adozzjoni ta’ ċerti miżuri

    ĠU L 311, 17.11.2016, p. 20–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 04/08/2018; Imħassar b' 32018R0974

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1954/oj

    17.11.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 311/20


    REGOLAMENT (UE) 2016/1954 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tas-26 ta’ Ottubru 2016

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1365/2006 dwar statistika ta’ trasport ta’ merkanzija minn passaġġi fuq l-ilma interni fir-rigward l-għoti ta’ setgħat iddelegati u ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni għall-adozzjoni ta’ ċerti miżuri

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 338(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz ta’ att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

    Billi:

    (1)

    B’konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“it-Trattat”), jeħtieġ li s-setgħat ikkonferiti lill-Kummissjoni jiġu allinjati mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat.

    (2)

    B’rabta mal-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-Kummissjoni impenjat ruħha (3), permezz ta’ dikjarazzjoni, li tanalizza, fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fit-Trattat, l-atti leġiżlattivi li ma kinux ġew adattati għall-proċedura regolatorja bi skrutinju qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona.

    (3)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1365/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jikkonferixxi setgħat lill-Kummissjoni sabiex timplimenta xi wħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu.

    (4)

    Sabiex ir-Regolament (KE) Nru 1365/2006 jiġi allinjat mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat, is-setgħat ta’ implimentazzjoni kkonferiti lill-Kummissjoni b’dak ir-Regolament għandhom jiġu sostitwiti b’setgħat li tadotta atti ddelegati u ta’ implimentazzjoni.

    (5)

    Fir-rigward tar-Regolament (KE) Nru 1365/2006, sabiex jitqiesu t-tendenzi ekonomiċi u tekniċi u l-bidliet fid-definizzjonijiet adottati f’livell internazzjonali, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat għandha tkun iddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emedar ta’ dak ir-Regolament sabiex il-livell limitu jogħla għal aktar minn 1 000 000 tunnellata għal kopertura statistika tat-trasport fil-passaġġi fuq l-ilma interni, biex jiġu adattati d-definizzjonijiet jew jiġu previsti definizzjonijiet ġodda, kif ukoll jiġu adatti l-Annessi għar-Regolament (KE) Nru 1365/2006 biex jiġu riflessi bidliet fil-kodiċi u n-nomenklatura f’livell internazzjonali jew fl-atti leġiżlattivi rilevanti tal-Unjoni. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta’ tħejjija tagħha, anke fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (5). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat ta’ gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

    (6)

    Il-Kummissjoni għandha tiżgura li dawk l-atti delegati ma jimponux piż amministrattiv addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri jew fuq ir-rispondenti.

    (7)

    Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1365/2006, is-setgħat ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu konferiti lill-Kummissjoni b’mod li tkun tista’ tadotta arranġamenti għat-trażmissjoni tad-data, inkluż standards għall-iskambjar tad-data, għad-disseminazzjoni tar-riżultati mill-Kummissjoni (Eurostat) u wkoll biex tiżviluppa u tippubblika rekwiżiti u kriterji metodoloġiċi mfassla biex tiġi żgurata l-kwalità tad-data prodotta. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    (8)

    F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, huwa neċessarju u xieraq biex jinkiseb l-objettiv bażiku tal-allinjament tas-setgħat konferiti lill-Kummissjoni mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat li jiġu stabbiliti regoli dwar dan l-allinjament fil-qasam tal-istatistika tat-trasport. Dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju biex jinkiseb dak l-objettiv, f’konformità mal-Artikolu 5(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

    (9)

    Huwa neċessarju li l-Kummissjoni tagħmel arranġamenti għal studji pilota li għandhom jitwettqu dwar id-disponibbiltà ta’ data statistika li tirrigwarda t-trasport ta’ passiġġieri. minn passaġġi fuq l-ilma interni, inklużi bis-servizzi tat-trasport transkonfinali.

    L-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-ispejjeż biex isiru dawn l-istudji pilota. Tali kontribuzzjonijiet għandhom jieħdu l-forma ta’ għotjiet lill-istituti nazzjonali tal-istatistika u awtoritajiet nazzjonali oħra msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), f’konformità mar-Regolament (KE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

    (10)

    Biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, l-proċeduri biex jiġu adottati miżuri li nbdew iżda ma tlestewx qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament mhumiex affettwati minn dan ir-Regolament.

    (11)

    Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 1365/2006 għandu jiġi emendat skont dan,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 1365/2006 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 2, jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “5.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 9, dwar l-emendar tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu biex jiżdied il-livell limitu għall-kopertura statistika tat-trasport fil-passaġġi fuq l-ilma interni msemmi hemm sabiex jittieħed kont tat-tendenzi ekonomiċi u tekniċi. Meta teżerċita dik is-setgħa, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-atti delegati ma jimponux piż addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri jew fuq ir-rispondenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tiġġustifika debitament l-azzjonijiet statistiċi previsti f’dawk l-atti delegati, bl-użu, fejn adatt, ta’ analiżi tal-kosteffettività, inkluża valutazzjoni tal-piż fuq ir-rispondenti u tal-ispejjeż tal-produzzjoni, kif imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*).

    (*)  ( Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta’ data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).”;"

    (2)

    fl-Artikolu 3, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

    “Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 9, rigward l-emenda ta’ dan l-Artikolu biex jiġu adattati d-definizzjonijiet li jinsabu hemm jew jiġu previsti definizzjonijiet ġodda sabiex jittieħed kont tad-definizzjonijiet rilevanti emendati jew adottati fil-livell internazzjonali.

    Meta teżerċita dik is-setgħa, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-atti delegati ma jimponux piż addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri jew fuq ir-rispondenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tiġġustifika debitament l-azzjonijiet statistiċi previsti f’dawk l-atti delegati, bl-użu, fejn adatt, ta’ analiżi tal-kosteffettività, inkluża valutazzjoni tal-piż fuq ir-rispondenti u tal-ispejjeż tal-produzzjoni, kif imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009.”;

    (3)

    fl-Artikolu 4, jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “4.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 9, rigward l-emenda tal-Annessi biex jiġu riflessi bidliet fil-kodiċi u n-nomenklatura fil-livell internazzjonali jew fl-atti leġiżlattivi rilevanti tal-Unjoni.Meta teżerċita dik is-setgħa, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-atti delegati ma jimponux piż addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri jew fuq ir-rispondenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tiġġustifika debitament l-azzjonijiet statistiċi previsti f’dawk l-atti delegati, bl-użu, fejn adatt, ta’ analiżi tal-kosteffettività, inkluża valutazzjoni tal-piż fuq ir-rispondenti u tal-ispejjeż tal-produzzjoni, kif imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009.”;

    (4)

    jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 4a

    Studji pilota

    1.   Sat-8 ta’ Diċembru 2018, il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri, għandha tiżviluppa il-metodoloġija xierqa għall-ġbir tal-istatistika dwar it-trasport tal-passiġġieri fil-passaġġi fuq l-ilma interni, inklużi bis-servizzi tat-trasport transkonfinali.

    2.   Sat-8 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni għandha tniedi studji pilota volontarji li għandhom jitwettqu mill-Istati Membri li jipprovdu data fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament dwar id-disponibbiltà ta’ data statistika li tirrigwarda t-trasport tal-passiġġieri fil-passaġġi fuq l-ilma interni, inklużi bis-servizzi tat-trasport transkonfinali. Dawk l-istudji pilota għandu jkollhom l-għan li jivvalutaw il-fattibbiltà ta’ dak il-ġbir ta’ data ġdida, l-ispejjeż tal-ġbir tad-data relatati u l-kwalità statistika implikata.

    3.   Sat-8 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-riżultati ta’ tali studji pilota. Skont ir-riżultati ta’ dak ir-rapport, u f’perijodu raġonevoli, il-Kummissjoni għandha tippreżenta, jekk ikun xieraq, proposta leġiżlattiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jiġi emendat dan ir-Regolament fir-rigward tal-istatistika dwar it-trasport tal-passiġġieri fil-passaġġi fuq l-ilma interni, inklużi bis-servizzi tat-trasport transkonfinali.

    4.   Il-baġit ġenerali tal-Unjoni għandu, fejn xieraq u b’kont meħud tal-valur miżjud tal-Unjoni, jikkontribwixxi għall-finanzjament ta’ dawk l-istudji pilota.”;

    (5)

    fl-Artikolu 5, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw l-arranġamenti għat-trażmissjoni tad-data lill-Kummissjoni (Eurostat), inklużi standards għall-iskambjar tad-data. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 10(2).”;

    (6)

    fl-Artikolu 6, jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw l-arranġamenti għat-tixrid tar-riżultati. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 10(2).”;

    (7)

    fl-Artikolu 7, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw ir-rekwiżiti u l-kriterji metodoloġiċi mfassla sabiex tiġi żgurata l-kwalità tad-data prodotta. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 10(2).”;

    (8)

    fl-Artikolu 7, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

    “4.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-kriterji tal-kwalità li għandhom jiġu applikati għad-data li għandha tiġi trażmessa huma dawk imsemmija fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009.

    5.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw l-arranġamenti, l-istruttura, il-perjodiċità u l-elementi ta’ komparabbiltà għar-rapporti tal-kwalità. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 10(2).”;

    (9)

    l-Artikolu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 8

    Rapporti dwar l-implementazzjoni

    Sal-31 ta’ Diċembru 2020 u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta mal-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika, għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u dwar żviluppi futuri:

    F’dak ir-rapport, il-Kummissjoni għandha tieħu kont tal-informazzjoni rilevanti pprovduta mill-Istati Membri dwar titjib potenzjali u dwar il-ħtiġijiet tal-utenti. B’mod partikolari, dak ir-rapport għandu:

    (a)

    jivvaluta l-benefiċċji, għall-Unjoni, l-Istati Membri u l-fornituri u l-utenti tal-informazzjoni statistika, tal-istatistika prodotta, meta mqabbla mal-ispejjeż tagħhom;

    (b)

    jivvaluta l-kwalità tad-data trażmessa u l-metodi użati għall-ġbir tad-data.”;

    (10)

    l-Artikolu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 9

    Eżerċizzju tad-delega

    1.   Is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti delegati hija kkonferita lill-Kummissjoni soġġetta għall-kondizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu.

    2.   Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 2(5), fl-Artikolu 3 u fl-Artikolu 4(4) għandha tiġi konferita lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mis-7 ta’ Diċembru 2016. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar id-delega tas-setgħat mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b’mod taċitu għal perijodi ta’ żmien bl-istess durata, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonax għal tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.

    3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 2(5), l-Artikolu 3 u l-Artikolu 4(4) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Id-deċiżjoni ta’ revoka għandha twassal għat-tmiem tad-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

    4.   Qabel ma’ tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (**)

    5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    6.   Att delegat adottat bis-saħħa tal-Artikolu 2(5), l-Artikolu 3 u l-Artikolu 4(4) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

    (**)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.”;"

    (11)

    l-Artikolu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 10

    Proċedura ta’ kumitat

    1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat tas-Sistema Statistika Ewropea stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 223/2009. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (***).

    2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    (***)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).”;"

    (12)

    l-Anness G huwa mħassar.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-proċeduri għall-adozzjoni ta’ miżuri previsti fir-Regolament (KE) Nru 1365/2006 li nbdew iżda ma tlestewx qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Strasburgu, is-26 ta’ Ottubru 2016.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    M. SCHULZ

    Għall-Kunsill

    Il-President

    I. LESAY


    (1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Marzu 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u l-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tat-18 ta’ Lulju 2016 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Ottubru 2016 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

    (3)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 19.

    (4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1365/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar statistika ta’ trasport ta’ merkanzija minn passaġġi fuq l-ilma interni u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 80/1119/KEE (ĠU L 264, 25.9.2006, p. 1).

    (5)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

    (6)  Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta’ data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).

    (7)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).


    Top