Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R1851

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1851 tal-14 ta' Ġunju 2016 li jadotta l-programm ta' moduli ad hoc, li jkopri s-snin 2019, 2020 u 2021, għall-istħarriġ kampjunarju dwar il-forza tax-xogħol stipulat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 577/98 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2016/3515

    ĠU L 284, 20.10.2016, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2016/1851/oj

    20.10.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 284/1


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1851

    tal-14 ta' Ġunju 2016

    li jadotta l-programm ta' moduli ad hoc, li jkopri s-snin 2019, 2020 u 2021, għall-istħarriġ kampjunarju dwar il-forza tax-xogħol stipulat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 577/98

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 577/98 tad-9 ta' Marzu 1998 dwar l-organizzazzjoni ta' stħarriġ ta' kampjuni tal-forza tax-xogħol fil-Komunità (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 7a(4) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont ir-Regolament (KE) Nru 577/98, huwa meħtieġ li jiġu speċifikati l-elementi tal-moduli ad hoc li jkopru s-snin 2019, 2020 u 2021.

    (2)

    Hemm il-ħtieġa ta' sett ta' dejta sħiħa u komparabbli dwar l-organizzazzjoni tax-xogħol u l-arranġamenti tal-ħin tax-xogħol, kif ukoll il-ħtieġa ta' dejta aktar dettaljata dwar il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, sabiex jiġi mmonitorjat il-progress lejn l-għanijiet komuni tal-Istrateġija Ewropa 2020.

    (3)

    Fil-kuntest tad-dibattitu li għaddej dwar il-flessigurtà (2) u l-ħtieġa espressa għal adattabilità akbar fl-Ewropa kemm tal-intrapriżi kif ukoll tal-ħaddiema, kwistjoni ewlenija enfasizzata fl-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi u l-Linji Gwida tax-Xogħol, (3) jeħtieġ li jkun hemm dejta miġbura minn stħarriġ Ewropew fuq skala kbira dwar il-firxa tal-applikazzjoni ta' forom diversi ta' prassi ġodda tal-organizzazzjoni u tal-arranġamenti tal-ħin tax-xogħol u tal-esperjenzi tal-ħaddiema magħhom.

    (4)

    Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol 2014-2020 (4), il-Kummissjoni enfasizzat l-importanza li jittejjeb il-ġbir ta' dejta statistika dwar inċidenti u mard relatati max-xogħol, dwar esponimenti okkupazzjonali u dwar in-nuqqas ta' saħħa relatat max-xogħol. Modulu ġdid ad hoc dwar l-inċidenti fuq ix-xogħol u problemi tas-saħħa relatati max-xogħol għandu jagħmilha possibbli li wieħed iqabbel id-dejta trażmessa mill-Istati Membri bil-proġett tal-istatistika Ewropea dwar l-aċċidenti fuq ix-xogħol mas-sitwazzjoni ta' persuni fis-suq tax-xogħol, u biex tinġabar dejta dwar problemi tas-saħħa relatati max-xogħol. Barra minn hekk, għandu jipprovdi informazzjoni dwar l-esponiment okkupazzjonali għal fatturi ta' riskju għas-saħħa fiżika u mentali.

    (5)

    Fil-Komunikazzjoni tagħha Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni (5), il-Kummissjoni rrikonoxxiet il-bżonn li jiġu żviluppati azzjonijiet strutturali marbuta mal-migrazzjoni. Għandhom jiġu promossi miżuri favur l-integrazzjoni tal-migranti inkluż inizjattivi biex itejbu l-ħiliet lingwistiċi u professjonali, u biex jiffaċilitaw ir-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-aċċess għas-suq tax-xogħol. Barra minn hekk, wieħed mill-oqsma ewlenin fil-mira tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1184 (6) jiffoka fuq it-tneħħija tal-ostakli għall-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u għat-tnaqqis tad-diskrepanzi fl-impjiegi għal persuni żvantaġġjati, inkluż id-distakk bejn iċ-ċittadini tal-Unjoni u dawk li mhumiex ċittadini tal-Unjoni. F'dan il-kuntest, dejta dettaljata dwar il-qagħda tax-xogħol tal-immigranti hija meħtieġa biex tingħata bażi ta' evidenza affidabbli għat-teħid ta' deċiżjonijiet,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-programm ta' moduli ad hoc għall-istħarriġ kampjunarju dwar il-forza tax-xogħol, li jkopri s-snin 2019, 2020 u 2021, kif stabbilit fl-Anness, huwa b'dan adottat.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmula fi Brussell, l-14 ta' Ġunju 2016.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 77, 14.3.1998, p. 3.

    (2)  Il-flessigurtà hija strateġija integrata biex ittejjeb, fl-istess ħin, il-flessibbiltà u s-sigurtà fis-suq tax-xogħol. L-istrateġija tipprova tirrikonċilja l-bżonn ta' min iħaddem għal ħaddiema flessibbli mal-bżonn tas-sigurtà min-naħa tal-ħaddiema — il-fiduċja li dawn mhux se jiffaċċjaw perjodi twal ta' qgħad.

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1848 tal-5 ta' Ottubru 2015 dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri għall-2015 (ĠU L 268, 15.10.2015, p. 28).

    (4)  COM(2014) 332 final, tas-6 ta' Ġunju 2014.

    (5)  COM(2015) 240 final, it-13 ta' Mejju 2015.

    (6)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1184 tal-14 ta' Lulju 2015 dwar linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 192, 18.7.2015, p. 27).


    ANNESS

    STĦARRIĠ DWAR IL-FORZA TAX-XOGĦOL

    Programm pluriennali għas-snin 2019 sa 2021 ta' moduli ad hoc.

    Organizzazzjoni tax-xogħol u arranġamenti tax-xogħol

    Perjodu ta' referenza: 2019

    Submoduli (oqsma li dwarhom għandha tiġi pprovduta informazzjoni aktar dettaljata):

     

    Is-submodulu 1: Il-flessibbiltà tal-ħinijiet tax-xogħol

    Għan: li jiġu pprovduti aktar dettalji dwar kif il-ħaddiema jistgħu jiddeċiedu dwar il-ħinijiet tax-xogħol u l-assenzi tagħhom, iżda wkoll dwar il-frekwenza ta' sitwazzjonijiet fejn il-ħaddiema huma obbligati jibdlu l-ħin tax-xogħol tagħhom.

     

    Is-submodulu 2: Metodi ta' ħidma

    Għan: li tinġabar l-informazzjoni dwar pressjonijiet ta' ħin, il-ġestjoni diretta u l-awtonomija fuq il-post tax-xogħol.

     

    Is-submodulu 3: Post tax-xogħol:

    Għan: li jiġu pprovduti aktar dettalji dwar il-post tax-xogħol u l-ħin tal-ivvjaġġar espress bħala l-ħin meħtieġ biex wieħed jasal mid-dar għax-xogħol.

    Inċidenti fuq ix-xogħol u problemi ta' saħħa marbuta max-xogħol

    Perjodu ta' referenza: 2020

    Submoduli (oqsma li dwarhom għandha tiġi pprovduta informazzjoni aktar dettaljata):

     

    Is-submodulu 1: Inċidenti fuq ix-xogħol

    Għan: li jiġu identifikati inċidenti fuq il-post tax-xogħol li jirriżultaw f'feriti, it-tip tagħhom u l-impatt tagħhom f'termini ta' ġranet ta' ħidma mitlufa jew ta' diżabbiltà.

     

    Is-submodulu 2: Problemi tas-saħħa relatati max-xogħol

    Għan: li jiġu identifikati problemi fiżiċi jew ta' saħħa mentali kkawżati jew li marru għall-agħar bix-xogħol, it-tip u l-impatt tagħhom f'termini ta' ġranet ta' ħidma mitlufa jew ta' diżabbiltà.

     

    Is-submodulu 3: Fatturi ta' riskju għas-saħħa fiżika u/jew mentali

    Għan: li jiġi analizzat jekk il-ħaddiema jkunux esposti għal fatturi ta' riskju li jistgħu jaffettwaw is-saħħa fiżika u/jew mentali.

    Il-qagħda tas-suq tax-xogħol tal-migranti u d-dixxendenti immedjati tagħhom

    Perjodu ta' referenza: 2021

    Submoduli (oqsma li dwarhom għandha tiġi pprovduta aktar informazzjoni):

     

    Is-submodulu 1: Informazzjoni ta' sfond

    Għan: li jingħataw aktar dettalji dwar il-migranti u d-dixxendenti immedjati tagħhom (1), jiġifieri dwar l-isfond edukattiv tal-ġenituri u r-raġuni prinċipali għall-migrazzjoni.

     

    Is-submodulu 2: Ħiliet lingwistiċi

    Għan: li tinġabar informazzjoni dwar il-ħiliet lingwistiċi perċepiti tal-immigranti.

     

    Is-submodulu 3: Ostakli u appoġġ għall-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol

    Għan: li tinġabar informazzjoni dwar l-ostakli għall-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol (pereżempju r-rikonoxximent ta' kwalifiki miksuba barra mill-pajjiż jew ostaklu marbut ma' oriġini barranija) u dwar approċċi individwali biex wieħed isib xogħol.


    (1)  Il-migranti huma hawnhekk definiti bħala persuni li twieldu barra mill-pajjiż, li jistgħu jkunu wkoll ċittadini ta' pajjiżi terzi. Id-dixxendenti immedjati tal-migranti għandha tinftiehem bħala immigranti tat-tieni ġenerazzjoni, jiġifieri persuni li twieldu fil-pajjiż b'mill-inqas wieħed mill-ġenituri mwieled barra mill-pajjiż.


    Top