EUR-Lex Acesso ao direito da União Europeia

Voltar à página inicial do EUR-Lex

Este documento é um excerto do sítio EUR-Lex

Documento 32016R1618

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/1618 tat-8 ta' Settembru 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2003/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-fertilizzanti bl-iskop li jiġu adattati l-Annessi I u IV (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

C/2016/5647

ĠU L 242, 9.9.2016, p. 24—27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Estatuto jurídico do documento Já não está em vigor, Data do termo de validade: 15/07/2022; Impliċitament imħassar minn 32019R1009

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1618/oj

9.9.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 242/24


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1618

tat-8 ta' Settembru 2016

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2003/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-fertilizzanti bl-iskop li jiġu adattati l-Annessi I u IV

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 dwar il-fertilizzanti (1), u b'mod partikolari il-paragrafi 1 u 3 tal-Artikolu 31 u l-Artikolu 29(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Tressqu talbiet skont l-Artikolu 31(2) tar-Regolament (KE) Nru 2003/2003, għall-inklużjoni ta' għadd ta' fertilizzanti fl-Anness I ta' dak ir-Regolament.

(2)

[S,S]-aċidu etilendiamminadisuċċiniku (minn hawn 'il quddiem “[S,S]-EDDS” — [S,S]-Ethylenediaminedisuccinic acid) huwa aġent organiku kelanti għall-mikronutrittivi. Il-ħadid ikkelat ma' [S,S]-EDDS jintuża biex jagħmel tajjeb għall-iskarsezza ta' ħadid u biex jirrimedja l-klorożi ferriku fi pjanti ornamentali u f'lawns tat-terf dekorattivi. Dan jiddegrada malajr u b'hekk joħloq xi problemi żgħar ta' lissija mill-ħamrija tal-wiċċ għall-ilma ta' taħt l-art, huwa kompletament mineralizzat u ma jurix tossiċità fl-ilma u għall-mammiferi.

(3)

L-aċidu ettaglukoniku (minn hawn 'il quddiem “HGA” — heptagluconic acid) huwa aġent organiku komplessanti għall-fertilizzanti mikronutrijenti. L-HGA huwa effettiv, bijodegradabbli, juri stabbiltà tajba fuq firxa wiesgħa ta' valuri pH u solubbiltà għolja fl-ilma. L-HGA ġie awtorizzat għal bosta snin fi Spanja mingħajr l-ebda rapport ta' ħsara għall-ambjent jew għas-saħħa tal-bniedem.

(4)

Il-manifatturi tal-[S,S]-EDDS u tal-HGA ppreżentaw talbiet lill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-Ġermanja u ta' Spanja, biex jinkludu dawk is-sustanzi fil-lista ta' aġenti organiċi kelanti u komplessanti awtorizzati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2003/2003 biex jagħmlu l-[S,S]-EDDS u l-HGA disponibbli għall-bdiewa madwar l-Unjoni kollha. L-[S,S]-EDDS u l-HGA, kif speċifikati fl-Anness I ta' dan ir-Regolament, jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 2003/2003. Għaldaqstant għandhom jiżdiedu mal-lista ta' aġenti organiċi kelanti u komplessanti awtorizzati fl-Anness I ta' dak ir-Regolament.

(5)

Billi hemm disponibbli metodi analitiċi għad-determinazzjoni tal-[S,S]-EDDS u tal-HGA, dawk il-metodi għandhom jiġu speċifikati fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 2003/2003, bl-iskop li jiffaċilitaw il-kontrolli li l-Istati Membri jeżerċitaw skont l-Artikolu 29 ta' dak ir-Regolament. Is-sottotitolu li jiddeskrivi l-Metodi 11 għandu jirrifletti l-fatt li l-HGA huwa aġent komplessanti.

(6)

It-taħlita tar-reazzjoni bejn N-butil tijofosforiku triammid u N-propil tijofosforiku triammid ġiet introdotta fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2003/2003 bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1257/2014 (2). Riċerka reċenti wriet li mhi mistennija l-ebda differenza sinifikanti fit-tnaqqis ta' emissjonijiet tal-ammonja minħabba l-użu jew tat-taħlita tar-reazzjoni jew tat-taħlita sempliċi taż-żewġ sustanzi. Għaldaqstant, l-entrata għandha tiġi emendata biex tippermetti lill-produtturi ta' tali taħlita jagħżlu waħda minn dawn il-metodi ta' produzzjoni.

(7)

Ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(8)

Biex jiġi żgurat li l-metodu analitiku tal-[S,S] EDDS, li bħalissa qed jiġi vvalidat, ikun ippubblikat mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni, għandu jiġi previst perjodu ta' żmien raġonevoli qabel l-inklużjoni tal-[S,S] EDDS fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2003/2003 u jibda japplika l-metodu analitiku l-ġdid għal dan it-tip ta' fertilizzant fl-Anness IV.

(9)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 32 tar-Regolament (KE) Nru 2003/2003,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi

Ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 huwa emendat kif ġej:

1.

L-Anness I huwa emendat skont l-Anness I ta' dan ir-Regolament.

2.

L-Anness IV huwa emendat skont l-Anness II ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Madankollu, il-punt (1) tal-Anness I u l-punt (2) tal-Anness II għandhom japplikaw mill-1 ta' Lulju 2017.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Settembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 304, 21.11.2003, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1257/2014 tal-24 ta' Novembru 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2003/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-fertilizzanti bl-iskop li jiġu adattati l-Annessi I u IV (ĠU L 337, 25.11.2014, p. 53).


ANNESS I

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2003/2003 huwa emendat kif ġej:

1.

Fit-tabella tat-Taqsima E.3.1, tiżdied l-entrata li ġejja:

“12

(S, S]-Aċidu etilendiamminadisuċċiniku

[S,S]-EDDS

C10H16O8N2

20846-91-7”

2.

Fit-tabella tat-Taqsima E.3.2, tiżdied l-entrata li ġejja:

“2

Aċidu ettaglukoniku

HGA

C7H14O8

23351-51-1”

3.

Fit-Tabella tat-Taqsima F.2, l-entrata 3 tinbidel b'dan li ġej:

“3

It-taħlita ta' N-butil tijofosforiku triammid (NBPT) u N-propil tijofosforiku triammid (NPPT) (proporzjon 3:1 (1))

It-taħlita ta' reazzjoni:

Nru KE 700-457-2

Taħlita ta' NBPT/NPPT

 

NBPT: ELINCS Nru 435-740-7

 

NPPT: Nru CAS 916809-14-8

Minimu: 0,02

Massimu: 0,3

 

 


(1)  It-tolleranza tal-porzjon tal-NPPT: 20 %.”


ANNESS II

L-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 2003/2003 huwa emendat kif ġej:

1.

Fit-Taqsima B, taħt l-intestatura “Metodi 11”, is-sottotitlu “Aġenti kelanti” jinbidel b'“Aġenti kelanti u komplessanti”.

2.

Fit-Taqsima B, jiżdied il-Metodu 11.9 li ġej:

“Kalkolu ta' [S,S]-EDDS

EN 13368-3 Parti 3: Fertilizzanti — Kalkolu ta' aġenti kelanti fil-fertilizzanti mill-kromatografija: Kalkolu ta' [S,S]-EDDS minn kromatografija ta' pari joniċi

Dan il-metodu ta' analiżi sarlu r-ringtest.”

3.

Fit-Taqsima B, jiżdied il-Metodu 11.10 li ġej:

“Kalkolu tal-HGA

EN 16847: Fertilizzanti — Kalkolu tal-aġenti komplessanti fil-fertilizzanti — Identifikazzjoni tal-aċidu ettaglukoniku permezz tal-kromatografija

Dan il-metodu ta' analiżi sarlu r-ringtest.”


Início