Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R1450

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1450 tat-23 ta' Mejju 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji li għandhom x'jaqsmu ma' metodoloġija għall-iffissar tar-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2016/2976

    ĠU L 237, 3.9.2016, p. 1–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2016/1450/oj

    3.9.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 237/1


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1450

    tat-23 ta' Mejju 2016

    li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji li għandhom x'jaqsmu ma' metodoloġija għall-iffissar tar-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment (1), u b'mod partikolari l- Artikolu 45(2) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Riżoluzzjoni effettiva tista' tkun fattibbli u kredibbli biss jekk riżorsi finanzjarji adegwati jkunu disponibbli lil istituzzjoni sabiex jiġi assorbit it-telf u għall-għanijiet ta' rikapitalizzazzjoni mingħajr ma jiġu affettwati ċerti obbligazzjonijiet, b'mod partikolari dawk li huma esklużi minn rikapitalizzazzjoni interna. Id-Direttiva 2014/59/UE tipprovdi li l-istituzzjonijiet għandhom jissodisfaw rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli (“MREL”) sabiex jevitaw li l-istituzzjonijiet jibbażaw eċċessivament fuq forom ta' finanzjament li huma esklużi minn rikapitalizzazzjoni interna, billi n-nuqqas ta' sodisfazzjoni ta' MREL jolqot il-kapaċità ta' assorbiment ta' telf u ta' rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet negattivament, u, fl-aħħar mill-aħħar, l-effettività ġenerali ta' riżoluzzjoni.

    (2)

    Meta tiffissa MREL f'konformità mal-punti (a) u (b) tal-Artikolu 45(6) tad-Direttiva 2014/59/UE, l-awtorità ta' riżoluzzjoni għandha tikkunsidra l-ħtieġa, f'każ ta' applikazzjoni tal-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna, sabiex jiġi żgurat li l-istituzzjoni hija kapaċi tassorbi ammont adegwat ta' telf u li tkun rikapitalizzata b'ammont biżżejjed biex tinkiseb lura l-Proporzjon tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni tagħha għal livell suffiċjenti biex iżżomm ir-rekwiżiti kapitali għal awtorizzazzjoni u fl-istess ħin biex isostni biżżejjed fiduċja tas-suq. Din ir-relazzjoni mill-qrib ma' deċiżjonijiet superviżorji teħtieġ li dawn il-valutazzjonijiet isiru mill-awtorità ta' riżoluzzjoni f'konsultazzjoni mill-qrib mal-awtorità kompetenti b'mod konsistenti mal-qafas stabbilit fl-Artikolu 45(6) tad-Direttiva 2014/59/UE, u li għaldaqstant l-awtorità ta' riżoluzzjoni għandha, fil-kuntest tal-obbligu tal-awtorità ta' riżoluzzjoni li tikkonsulta mal-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 45(6) tad-Direttiva 2014/59/UE, tieħu kunsiderazzjoni tal-valutazzjonijiet magħmula mill-awtorità kompetenti fuq il-mudell kummerċjali, il-mudell ta' finanzjament u l-profil tar-riskju tal-istituzzjoni għall-iskopijiet ta' stabbiliment ta' rekwiżiti prudenzjali.

    (3)

    B'mod partikolari, il-valutazzjoni tal-kapaċità meħtieġa għall-assorbiment ta' telf għandha tkun marbuta mill-qrib mar-rekwiżiti attwali tal-kapital tal-istituzzjoni u l-valutazzjoni tal-kapaċità meħtieġa sabiex jinkiseb lura l-kapital għandha tkun marbuta mill-qrib ma' rekwiżiti kapitali probabbli wara l-applikazzjoni ta' strateġija ta' riżoluzzjoni, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet ċari għaliex telf f'riżoluzzjoni għandu jiġi evalwat b'mod differenti minn f'negozju avvjat. Valutazzjoni simili hija meħtieġa biex ikun żgurat li l-MREL huwa biżżejjed biex jiġi żgurat r-riżolvibbiltà ta' istituzzjoni meta l-għodod tar-riżoluzzjoni minbarra rikapitalizzazzjoni interna għandhom jiġu applikati.

    (4)

    Il-punt (c) tal-Artikolu 45(6) tad-Direttiva 2014/59/UE jirrikjedi wkoll li l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jikkunsidraw il-possibbiltà li ċerti klassijiet ta' obbligazzjonijiet, identifikati fi pjanijiet ta' riżoluzzjoni u fil-valutazzjoni ta' riżolvibbiltà, jistgħu jiġu esklużi minn rikapitalizzazzjoni interna. Wieħed ma għandux joqgħod fuq l-obbligazzjonijiet ta' dak it-tip għall-għanijiet tas-sodisfazzjon tal-MREL. L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni għandhom jaraw li, meta ammonti sinifikanti ta' kwalunkwe klassi ta' obbligazzjonijiet jiġu esklużi minn rikapitalizzazzjoni interna fuq bażi mandatorja jew diskrezzjonali, dik l-esklużjoni ma tirriżultax f'obbligazzjonijiet tal-istess klassi jew ta' klassi aktar għolja li ġġarrab aktar telf milli kieku jġarrbu f'insolvenza, billi dan ikun impediment għar-riżolvibbiltà.

    (5)

    L-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni jistgħu jirrikedju parti mill-MREL imsemmi fl-Artikolu 45(1) tad-Direttiva 2014/59/UE li għandu jintlaħaq permezz ta' strumenti subordinati ta' rikapitalizzazzjoni interna kuntrattwali, jew billi jiġi stabbilit rekwiżit minimu ogħla, jew permezz ta' miżuri alternattivi biex jiġu indirizzati impedimenti għar-riżoluzzjoni. Jekk ir-riskju ta' ksur tas-salvagwardja ta' “ebda kreditur ma jmur agħar” huwa biżżejjed baxx, l-ebda aġġustament għall-MREL ma huwa meħtieġ.

    (6)

    Ċerti istituzzjonijiet suġġetti għad-Direttiva 2014/59/UE, b'mod partikolari l-infrastrutturi tas-swieq finanzjarji li huma awtorizzati wkoll bħala istituzzjonijiet ta' kreditu, għandhom mudelli tan-negozju speċjalizzati ħafna u huma soġġetti għal regolamenti addizzjonali, li għandhom jiġu kkunsidrati meta jiġi stabbilit MREL.

    (7)

    Sabiex tkun żgurata l-konsistenza ma' superviżjoni prudenzjali, il-valutazzjoni tal-awtorità ta' riżoluzzjoni tad-daqs, il-mudell kummerċjali, il-mudell ta' finanzjament u l-profil tar-riskju tal-istituzzjoni għandha tqis ir-riżultati ta' rieżami superviżorju u proċess ta' evalwazzjoni mwettaq mill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 97 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) sakemm ma jkunx hemm raġunijiet ċari għaliex telf f'riżoluzzjoni għandu jiġi evalwat b'mod differenti minn f'negozju avvjat. Meta twettaq r-rieżami superviżorju u l-proċess ta' evalwazzjoni u suġġett għall-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), l-awtorità kompetenti għandha tqis il-linji gwida dwar proċeduri u metodoloġiji komuni għar-rieżami superviżorju u l-proċess ta' evalwazzjoni (EBA/GL/2014/13) maħruġa mill-ABE skont l-Artikolu 107(3) ta' dik id-Direttiva billi tagħmel kull sforz biex tkun konformi ma' dawk il-linji gwida f'konformità mal-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

    (8)

    Il-pjanijiet ta' riżoluzzjoni jistgħu jipprovdu għal arranġamenti għal telf ta' assorbiment u rikapitalizzazzjoni fi strutturi ta' gruppi, inkluż permezz ta' strumenti kapitali jew obbligazzjonijiet eliġibbli maħruġa mill-istituzzjonijiet lil istituzzjonijiet jew entitajiet oħra fl-istess grupp. L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni għandhom jistabbilixxu MREL konsistentement ma' dawk l-arranġamenti meta dawn ikunu parti integrali mill-istituzzjoni jew mill-istrateġija preferuta ta' riżoluzzjoni tal-grupp.

    (9)

    Biex jiġi żgurat li r-riżolvibbiltà ma tkunx tiddependi fuq l-għoti ta' appoġġ finanzjarju pubbliku u li dik is-sistema ta' arranġamenti ta' finanzjament ta' riżoluzzjoni tissodisfa l-għan tagħha li tikkontribwixxi biex tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja, l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni, meta jiġi stabbilit MREL, għandhom iqisu l-kundizzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 101(2) tad-Direttiva 2014/59/UE għall-użu ta' arranġamenti ta' finanzjament ta' riżoluzzjoni b'modi li indirettament jirriżultaw f'parti mit-telf ta' istituzzjoni jew entità li jiġi mgħoddi lil arranġament tal-finanzjament tar-riżoluzzjoni.

    (10)

    F'konformità mal-punt(f) tal-Artikolu 45(6) tad-Direttiva 2014/59/UE, l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni għandhom jikkunsidraw ukoll l-impatt avvers potenzjali ta' falliment ta' istituzzjoni fuq l-istabbiltà finanzjarja. L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni għandhom jagħtu attenzjoni partikolari biex ikun żgurat li riżoluzzjoni effettiva ta' istituzzjoni sistemikament importanti ma tkunx prekluża mill-eżawriment ta' telf ta' assorbiment u rikapitalizzazzjoni effettiva tagħha tal-kapaċità kif previst fl-Artikolu 44 tad-Direttiva 2014/59/UE. Madankollu, dan ma għandux jirriżulta f'xi tnaqqis jew sostituzzjoni tal-ħtieġa li tiġi żgurata biżżejjed kapaċità ta' assorbiment u ta' rikapitalizzazzjoni tat-telf permezz ta' tniżżil fil-valur u konverżjoni ta' obbligazzjonijiet eliġibbli, jew jimplika li l-arranġament ta' finanzjament tar-riżoluzzjoni għandu jintuża għal dawn l-għanijiet għajr f'konformità mal-prinċipji li jirregolaw l-użu tal-arranġament ta' finanzjament tar-riżoluzzjoni stabbilit fl-Artikolu 44 tad-Direttiva 2014/59/UE u f'kull każ biss sa fejn huwa strettament meħtieġ.

    (11)

    F'konformità mal-punt (e) tal-Artikolu 45(6) tad-Direttiva 2014/59/UE, l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni għandhom jivvalutaw id-daqs potenzjali ta' kontribuzzjonijiet għall-kost ta' riżoluzzjoni mill-iskema ta' garanzija tad-depożiti billi jistmaw l-ammont li l-iskema ta' garanzija tad-depożiti tista' tikkontribwixxi għalih b'mod fattibbli u kredibbli minflok depożiti koperti, li kieku dawn ġew inklużi fl-ambitu tar-rikapitalizzazzjoni interna. Meta jagħmlu din il-valutazzjoni, l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni għandhom jiżguraw li huma u l-istituzzjoni jkunu adottaw il-miżuri raġonevoli u neċessarji kollha li huma konsistenti mal-mudell ta' finanzjament tagħha biex jiġi minimizzat ir-rekwiżit għal kontribuzzjoni mill-iskema ta' garanzija tad-depożiti. Jekk din il-valutazzjoni tikkonkludi li tali kontribuzzjoni hija probabbli, l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni jistgħu jagħżlu li jiffissaw livell aktar baxx ta' MREL. Kwalunkwe tali kontribuzzjoni għandha tirrispetta l-limiti fuq dawn il-kontribuzzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2014/59/UE u għalhekk x'aktarx li jkunu l-aktar rilevanti għall-istituzzjonijiet iffinanzjati primarjament minn depożiti koperti.

    (12)

    Sabiex tagħti l-istituzzjonijiet jew l-entitajiet li jkunu ġew applikati l-għodod tar-riżoluzzjoni biżżejjed żmien biex jilħqu l-MREL, huwa xieraq li jiġi stabbilit perjodu tranżitorju.

    (13)

    Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji ppreżentati mill-Awtorità Bankarja Ewropea lill-Kummissjoni.

    (14)

    L-Awtorità Bankarja Ewropea wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħin dwar abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Ikkonċernati Bankarji stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-iffissar tal-ammont meħtieġ biex jiġi żgurat l-assorbiment tat-telf

    1.   L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jiddeterminaw l-assorbiment tal-ammont tat-telf li l-istituzzjoni jew il-grupp għandu jkun kapaċi jassorbi.

    2.   Għall-għanijiet ta' iffissar tal-assorbiment tal-ammont tat-telf f'konformità ma' dan l-Artikolu u ta' kwalunkwe kontribuzzjoni tal-iskema ta' garanzija tad-depożiti għall-kostijiet ta' riżoluzzjoni skont l-Artikolu 6, l-awtorità ta' riżoluzzjoni, f'konformità mal-Artikolu 45(6) tad-Direttiva 2014/59/UE, titlob lill-awtorità kompetenti sommarju tar-rekwiżiti kapitali attwalment applikabbli għal istituzzjoni jew grupp, u b'mod partikolari dawn li ġejjin:

    (a)

    rekwiżiti ta' fondi proprji skont l-Artikoli 92 u 458 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), li jinkludu:

    (i)

    proporzjon tal-kapital ta' CET1 ta' 4,5 % tal-ammont tal-iskopertura totali tar-riskju;

    (ii)

    proporzjon tal-kapital ta' Grad 1 ta' 6 % tal-ammont tal-iskopertura totali tar-riskju;

    (iii)

    proporzjon tal-kapital totali ta' 8 % tal-ammont tal-iskopertura totali tar-riskju;

    (b)

    kwalunkwe rekwiżit għall-kontroll ta' fondi proprji addizzjonali lil hinn minn dawn ir-rekwiżiti, b'mod partikolari skont il-punt (a) tal-Artikolu 104(1) tad-Direttiva 2013/36/UE;

    (c)

    rekwiżiti ta' bafer kombinat kif definit fl-Artikolu 128(6) tad-Direttiva 2013/36/UE;

    (d)

    il-minimu ta' Basel I skont l-Artikolu 500 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

    (e)

    kwalunkwe rekwiżit tal-proporzjon ta' ingranaġġ.

    3.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, ir-rekwiżiti kapitali jiġu interpretati f'konformità mal-applikazzjoni mill-awtorità kompetenti tad-dispożizzjonijiet tranżitorji stabbiliti fil-Kapitoli 1, 2 u 4 tat-Titolu I tal-Għaxar Parti tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u fid-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li jeżerċitaw l-għażliet mogħtija lill-awtoritajiet kompetenti b'dak ir-Regolament.

    4.   L-assorbiment tat-telf ammont li għandu jiġi determinat mill-awtorità ta' riżoluzzjoni jkun is-somma tar-rekwiżiti msemmija fil-punti (a), (b), u (c) tal-paragrafu 2, jew kwalunkwe ammont ogħla meħtieġ biex tikkonforma mar-rekwiżiti msemmija fil-punti (d) jew (e) tal-paragrafu 2.

    5.   l-awtorità ta' riżoluzzjoni tista' tistabbilixxi ammont ta' assorbiment tat-telf bl-użu ta' wieħed mill-metodi li ġejjin:

    (a)

    ammont ta' assorbiment ta' telf ugwali għal ammont ta' assorbiment tat-telf f'każ ta' inadempjenza iddeterminat f'konformità mal-paragrafu 4;

    (b)

    l-ammont ta' assorbiment ta' telf, li jista' jkun jew:

    (i)

    ogħla mill-ammont ta' assorbiment ta' telf ta' inadempjenza determinat skont il-paragrafu (4) fejn:

    il-ħtieġa għall-assorbiment ta' telf f'riżoluzzjoni mhux dejjem hija riflessa b'mod sħiħ fl-ammont ta' assorbiment ta' telf f'każ ta' inadempjenza, meta jittieħed kont tal-informazzjoni mitluba mill-awtorità kompetenti dwar il-mudell tan-negozju tal-istituzzjoni, il-mudell ta' finanzjament u l-profil tar-riskju skont l-Artikolu 4; jew

    ikun meħtieġ li jitnaqqas jew jitneħħa l-impediment għar-riżolvibbiltà jew li jiġi assorbit it-telf fuq holdings ta' strumenti ta' MREL maħruġa minn entitajiet ta' grupp oħrajn;

    (ii)

    inqas mill-ammont ta' assorbiment ta' telf minħabba inadempjenza ddeterminat skont il-paragrafu (4) sa fejn, meta jitqiesu l-informazzjoni li jkun irċieva minn awtorità kompetenti dwar il-mudell tan-negozju tal-istituzzjoni, il-mudell ta' finanzjament u l-profil tar-riskju skont l-Artikolu 4:

    ir-rekwiżiti ta' fondi proprji addizzjonali msemmija fil-paragrafu 2(b), li ġew stabbiliti fuq il-bażi tar-riżultati ta' testijiet tal-istress jew biex ikopru r-riskji makroprudenzjali, huma vvalutati bħala li mhumiex rilevanti għall-ħtieġa li jiġi żgurat li t-telf jista' jiġi assorbit f'riżoluzzjoni; jew

    parti mir-rekwiżit tar-riżerva ta' bafer kombinat imsemmi fil-paragrafu 2(c) tiġi vvalutata mill-awtorità tar-riżoluzzjoni bħala li mhijiex rilevanti għall-ħtieġa li jiġi żgurat li t-telf jista' jiġi assorbit f'riżoluzzjoni.

    6.   Meta l-għażla fil-paragrafu 5(b) tiġi applikata, l-awtorità ta' riżoluzzjoni tipprovdi lill-awtorità kompetenti bi spjegazzjoni motivata tal-ammont ta' assorbiment ta' telf li jkun ġie stabbilit, fil-qafas tal-obbligu tal-awtorità ta' riżoluzzjoni li tikkonsulta lill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 45(6) tad-Direttiva 2014/59/UE.

    Artikolu 2

    L-iffissar tal-ammont meħtieġ biex titkompla l-konformità mal-kundizzjonijiet għal awtorizzazzjoni u biex jitwettqu attivitajiet u tiġi sostnuta l-fiduċja tas-suq fl-istituzzjoni

    1.   L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jiffissaw l-ammont ta' rikapitalizzazzjoni li jkun meħtieġ biex tiġi implimentata l-istrateġija ta' riżoluzzjoni preferuta, kif identifikata fil-proċess ta' riżoluzzjoni tal-ippjanar.

    2.   Fejn il-valutazzjoni ta' riżolvibbiltà tikkonkludi li l-likwidazzjoni tal-istituzzjoni fi proċedimenti ta' insolvenza normali hija fattibbli u kredibbli, l-ammont ta' rikapitalizzazzjoni jkun żero, sakemm l-awtorità ta' riżoluzzjoni tiddetermina li ammont pożittiv huwa meħtieġ minħabba li l-likwidazzjoni ma tiksibx l-objettivi tar-riżoluzzjoni sal-istess punt bħal strateġija ta' riżoluzzjoni alternattiva.

    3.   Meta ssir stima tal-ħtiġijiet kapitali regolatorji tal-istituzzjoni wara implimentazzjoni tal-istrateġija ta' riżoluzzjoni preferuta, l-awtorità ta' riżoluzzjoni tuża l-valuri l-aktar riċenti rrappurtati għall-ammont totali rilevanti ta' skopertura għar-riskju jew id-denominatur tal-proporzjon ta' ingranaġġ, kif applikabbli, sakemm il-fatturi kollha li ġejjin japplikaw:

    (a)

    il-pjan ta' riżoluzzjoni jidentifika, jispjega u jikkwantifika kwalunkwe bidla fi ħtiġijiet ta' kapital regolatorju immedjatament bħala riżultat ta' azzjoni ta' riżoluzzjoni;

    (b)

    il-bidla msemmija fil-punt (a) titqies fil-valutazzjoni ta' riżolvibbiltà li hija fattibbli u kredibbli mingħajr ma taffettwa ħażin il-provvista ta' funzjonijiet kritiċi mill-istituzzjoni, u mingħajr rikors għal sostenn finanzjarju straordinarju minbarra l-kontribuzzjonijiet minn arranġamenti ta' finanzjament ta' riżoluzzjoni, b'mod konsistenti mal-Artikolu 101(2) tad-Direttiva 2014/59/UE u l-prinċipji li jirregolaw l-użu tagħhom stipulati fil-paragrafi 5 u 8 tal-Artikolu 44 ta' dik id-Direttiva;

    4.   Fejn it-tibdiliet imsemmija fil-paragrafu 3 huma dipendenti fuq l-azzjonijiet ta' xerrej tal-assi jew il-linji tan-negozju tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, jew ta' partijiet terzi, l-awtorità ta' riżoluzzjoni tħejji spjegazzjoni raġunata lill-awtorità kompetenti dwar il-fattibbiltà u l-kredibilità ta' dik il-bidla.

    5.   L-ammont ta' rikapitalizzazzjoni jkun mill-inqas ugwali għall-ammont meħtieġ biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti kapitali applikabbli meħtieġa għall-konformità mal-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni wara l-implimentazzjoni tal-istrateġija ta' riżoluzzjoni ppreferuta.

    6.   Ir-rekwiżiti kapitali msemmija fil-paragrafu 5 jinkludu dan li ġej:

    (a)

    rekwiżiti ta' fondi proprji skont l-Artikoli 92 u 458 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, li jinkludu:

    (i)

    proporzjon tal-kapital ta' CET1 ta' 4,5 % tal-ammont tal-iskopertura totali tar-riskju;

    (ii)

    proporzjon tal-kapital ta' Grad 1 ta' 6 % tal-ammont tal-iskopertura totali tar-riskju;

    (iii)

    proporzjon tal-kapital totali ta' 8 % tal-ammont tal-iskopertura totali tar-riskju;

    (b)

    kwalunkwe rekwiżit għall-kontroll ta' fondi proprji lil hinn mir-rekwiżit elenkat fil-punt (a) ta' dan il-paragrafu, b'mod partikolari skont il-punt (a) tal-Artikolu 104(1) tad-Direttiva 2013/36/UE;

    (c)

    il-minimu ta' Basel I skont l-Artikolu 500 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

    (d)

    kwalunkwe rekwiżit tal-proporzjon ta' ingranaġġ.

    7.   L-ammont tar-rikapitalizzazzjoni jinkludi wkoll kwalunkwe ammont addizzjonali li l-awtorità ta' riżoluzzjoni tqis neċessarju biex iżżomm biżżejjed fiduċja tas-suq wara r-riżoluzzjoni.

    8.   L-ammont ta' inadempjenza addizzjonali jkun daqs ir-rekwiżit ta' bafer kombinat, kif speċifikat fit-Taqsima 1 tal-Kapitolu 4 tad-Direttiva 2013/36/UE li japplika għall-istituzzjoni wara l-applikazzjoni ta' għodod ta' riżoluzzjoni.

    L-ammont addizzjonali meħtieġ mill-awtorità ta' riżoluzzjoni jista' jkun anqas mill-ammont ta' inadempjenza, jekk l-awtorità ta' riżoluzzjoni tiddetermina li ammont inferjuri jkun suffiċjenti sabiex tiġi sostnuta l-kunfidenza fis-suq u tiġi żgurata kemm il-provvista kontinwa ta' funzjonijiet ekonomiċi kritiċi mill-istituzzjoni u l-aċċess għall-finanzjament mingħajr rikors għal sostenn finanzjarju straordinarju minbarra l-kontribuzzjonijiet minn arranġamenti ta' finanzjament ta' riżoluzzjoni, b'konformità mal-Artikolu 101(2) u l-paragrafi 5 u 8 tal-Artikolu 44 tad-Direttiva 2014/59/UE.

    Il-valutazzjoni tal-ammont meħtieġ biex tiġi sostnuta l-fiduċja fis-suq tqis jekk il-pożizzjoni kapitali tal-istituzzjoni wara r-riżoluzzjoni tkunx xierqa meta mqabbla mall-pożizzjoni kapitali kurrenti ta' istituzzjonijiet pari.

    9.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni tista' tiddetermina, f'konsultazzjoni mal-awtorità kompetenti u meta titqies l-informazzjoni irċevuta mill-awtorità kompetenti dwar il-mudell tan-negozju tal-istituzzjoni, il-mudell ta' finanzjament u l-profil tar-riskju skont l-Artikolu 4, li, minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3, ikun fattibbli u kredibbli għar-rekwiżiti kollha jew parti minnhom ta' fondi proprji addizzjonali jew rekwiżiti ta' bafer attwalment applikabbli għall-entità li ma japplikawx wara l-implimentazzjoni ta' strateġija ta' riżoluzzjoni. F'dan il-każ, dik il-parti tar-rekwiżit tista' titwarrab sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tar-rikapitalizzazzjoni.

    10.   Il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 7 tqis ir-riżorsi kapitali f'entitajiet ta' grupp ieħor li jkunu disponibbli b'mod kredibbli u fattibbli biex isostnu l-fiduċja fis-suq fl-entità wara r-riżoluzzjoni, fil-każ ta' entitajiet li:

    (a)

    huma sussidjarji ta' grupp suġġett għal MREL ikkonsolidat;

    (b)

    ikomplu jissodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt (a) wara l-implimentazzjoni tal-istrateġija preferuta ta' riżoluzzjoni; kif ukoll

    (c)

    ma jkunux mistennija li jżommu l-fiduċja fis-suq u l-aċċess għal finanzjament fuq bażi individwali wara l-implimentazzjoni tal-istrateġija preferuta ta' riżoluzzjoni.

    11.   Fejn l-assi, l-obbligazzjonijiet jew linji tan-negozju tal-istituzzjoni għandhom jinqasmu bejn aktar minn entità waħda wara l-implimentazzjoni ta' strateġija preferuta ta' riżoluzzjoni, referenzi għal ammonti ta' skopertura għar-riskju u r-rekwiżiti kapitali fil-paragrafi minn 1 sa 10 għandhom ikunu mifhuma bħala ammonti aggregati f'dawn l-entitajiet.

    Artikolu 3

    Esklużjonijiet minn rikapitalizzazzjoni interna jew trasferiment parzjali li huma impediment għar-riżolvibbiltà

    1.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni tidentifika kwalunkwe obbligazzjonijiet li ġew esklużi mir-rikapitalizzazzjoni interna skont l-Artikolu 44(2) tad- Direttiva 2014/59/UE jew li huma raġonevolment probabbli li jkunu kompletament jew parzjalment esklużi mir-rikapitalizzazzjoni interna skont l-Artikolu 44(3) ta' dik id-Direttiva, jew trasferiti lil riċevitur b'mod sħiħ, bl-użu ta' għodod oħra ta' riżoluzzjoni abbażi tal-pjan ta' riżoluzzjoni.

    2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6, jekk kwalunkwe obbligazzjoni li tikkwalifika għall-inklużjoni f'MREL hija identifikata bħala potenzjalment eskluża kompletament jew parzjalment skont il-paragrafu 1, l-awtorità ta' riżoluzzjoni tiżgura li l-MREL huwa biżżejjed għal għanijiet ta' ammont ta' assorbiment ta' telf determinat skont l-Artikolu 1 u biex jintlaħaq l-ammont ta' rikapitalizzazzjoni determinat skont l-Artikolu 2 mingħajr tniżżil fil-valur jew konverżjoni ta' dawk l-obbligazzjonijiet.

    3.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni tiddetermina jekk l-obbligazzjonijiet identifikati skont il-paragrafu 1, humiex ta' importanza ugwali jew inferjuri fil-ġerarkija ta' kredituri f'insolvenza għal kwalunkwe klassi ta' obbligazzjonijiet li tinkludi obbligazzjonijiet li jikkwalifikaw għal inklużjoni f'MREL u, għal kull klassi, jekk l-ammont ta' obbligazzjonijiet identifikati jammontax għal aktar minn 10 % ta' dik il-klassi.

    Fejn l-awtorità ta' riżoluzzjoni tiddetermina li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu jkunu ssodisfati, hija tivvaluta wkoll jekk il-ħtieġa għall-assorbiment ta' telf u għall-kontribuzzjoni għar-rikapitalizzazzjoni li jsir tajjeb għaliha mill-obbligazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu, li kieku dawn ma kienux esklużi mir-rikapitalizzazzjoni interna, tistax tiġi ssodisfata minn obbligazzjonijiet li jikkwalifikaw għal inklużjoni f'MREL u li ma jkunux esklużi minn assorbiment ta' telf jew rikapitalizzazzjoni mingħajr ma jinkisru s-salvagwardji tal-kreditur previsti fl-Artikolu 73 tad-Direttiva 2014/59/UE.

    4.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni żżomm rekord ta' kull suppożizzjoni, valutazzjoni jew tagħrif ieħor użat biex jiġi ddeterminat li l-MREL jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3.

    Artikolu 4

    Il-mudell kummerċjali, il-mudell ta' finanzjament u l-profil tar-riskju

    1.   Għall-iskopijiet tal-punt (d) tal-Artikolu 45(6) tad-Direttiva 2014/59/UE u fil-qafas tal-konsultazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 45(6) tad-Direttiva 2014/59/UE, l-awtorità ta' riżoluzzjoni tieħu kunsiderazzjoni informazzjoni riċevuta mill-awtorità kompetenti, inkluż is-sommarju u l-ispjegazzjoni tar-riżultati tar-rieżami superviżorju u l-proċess ta' evalwazzjoni mwettaq skont l-Artikolu 97 tad-Direttiva 2013/36/UE u b'mod partikolari:

    (a)

    sommarju tal-valutazzjoni ta' kwalunkwe mudell kummerċjali, il-mudell ta' finanzjament u l-profil tar-riskju ġenerali tal-istituzzjoni;

    (b)

    sommarju tal-valutazzjoni ta' jekk il-kapital u l-likwidità miżmuma minn istituzzjoni jiżgurawx kopertura tajba tar-riskji maħluqa mill-mudell kummerċjali, il-mudell ta' finanzjament u l-profil tar-riskju ġenerali tal-istituzzjoni;

    (c)

    informazzjoni dwar kif ir-riskji u l-vulnerabbiltajiet li jinqalgħu mill-mudell kummerċjali, il-mudell ta' finanzjament u l-profil tar-riskju tal-istituzzjoni identifikati għar-rieżami superviżorju u l-proċess ta' evalwazzjoni huma riflessi, direttament jew indirettament, fir-rekwiżiti ta' fondi proprji addizzjonali applikati għal istituzzjoni skont il-punt (a) tal-Artikolu 104(1) tad-Direttiva 2013/36/UE, abbażi tar-riżultati tar-rieżami superviżorju u l-proċess ta' evalwazzjoni;

    (d)

    informazzjoni dwar rekwiżiti prudenzjali oħra applikati għal istituzzjoni biex jiġu indirizzati r-riskji u l-vulnerabbiltajiet li jinqalgħu mill-mudell kummerċjali, il-mudell ta' finanzjament u l-profil tar-riskju ġenerali tal-istituzzjoni identifikati fil-proċess ta' rieżami u evalwazzjoni superviżorja.

    2.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tiġi kkunsidrata mill-awtorità ta' riżoluzzjoni meta hija tagħmel xi aġġustament għall-ammonti ta' assorbiment ta' telf u ta' rikapitalizzazzjoni, kif deskritt fl-Artikolu 1(5) u fl-Artikolu 2(9), sabiex jiġi żgurat li l-MREL aġġustat, jirrifletti b'mod adegwat ir-riskji li jaffettwaw r-riżolvibbiltà li tirriżulta mill-mudell kummerċjali tal-istituzzjoni, il-profil ta' finanzjament u l-profil tar-riskju ġenerali.

    L-awtorità ta' riżoluzzjoni tipprovdi lill-awtorità kompetenti bi spjegazzjoni motivata dwar kif dik l-informazzjoni ġiet ikkunsidrata f'kull tali aġġustament, fil-qafas tal-obbligu tal-awtorità ta' riżoluzzjoni li tikkonsulta lill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 45(6) tad- Direttiva 2014/59/UE.

    3.   Fil-każ ta' entità jew grupp li huma suġġetti għal rekwiżiti kapitali u prudenzjali skont ir- Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jew ir- Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), rekwiżiti ta' kapital biss skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u d-Direttiva 2013/36/UE għandhom jiġu kkunsidrati għall-valutazzjoni tar-rekwiżiti ta' assorbiment u rikapitalizzazzjoni ta' telf f'każ ta' inadempjenza skont l-Artikoli 1 u 2 ta' dan ir-Regolament.

    L-awtorità ta' riżoluzzjoni tista' taġġusta l-ammont ta' assorbiment tat-telf sabiex jitqiesu l-kontribuzzjonijiet fattibbli u kredibbli għal assorbiment u rikapitalizzazzjoni ta' telf previst minn sorsi speċifiċi meħtieġa mir-Regolament (UE) Nru 648/2012 jew ir-Regolament (UE) Nru 909/2014.

    4.   Fil-każ ta' entitajiet li huma sussidjarji ta' grupp suġġett għal MREL ikkonsolidat, l-awtorità ta' riżoluzzjoni tista' teskludi mill-valutazzjoni tagħha tal-ammont ta' assorbiment ta' telf u tal-ammont ta' rikapitalizzazzjoni kwalunkwe bafer li huwa stabbilit biss fuq bażi konsolidata.

    5.   Fejn awtorità oħra minbarra l-awtorità kompetenti tkun ġiet nominata bħala l-awtorità responsabbli għall-istabbiliment tar-rata tal-bafer kontroċikliku, l-awtorità ta' riżoluzzjoni tista' titlob informazzjoni addizzjonali mingħand l-awtorità nnominata.

    Artikolu 5

    Daqs u riskju sistemiku

    1.   Għal istituzzjonijiet u gruppi li ġew maħtura bħala G-SIIs jew O-SIIs mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti, u għal kwalunkwe istituzzjoni oħra li l-awtorità kompetenti jew l-awtorità ta' riżoluzzjoni tqis bi probabbiltà raġonevoli li joħolqu riskju sistemiku f'każ ta' falliment u li ma jaqax taħt l-Artikolu 2(2) ta' dan ir-Regolament, l-awtorità ta' riżoluzzjoni tqis ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 44 tad-Direttiva 2014/59/UE.

    2.   Meta tinħtieġ deċiżjoni konġunta dwar MREL mill-kulleġġ ta' riżoluzzjoni hija meħtieġa f'konformità mal-Artikolu 45 tad- Direttiva 2014/59/UE, għal istituzzjonijiet li ġew maħtura bħala G-SIIs jew O-SIIs mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti, u l-istituzzjonijiet fi ħdanhom, u għal kwalunkwe istituzzjoni oħra li l-awtorità kompetenti jew l-awtorità ta' riżoluzzjoni tqis raġonevolment probabbli li joħolqu riskju sistemiku f'każ ta' falliment, kwalunkwe aġġustament 'l isfel biex jiġu stmati r-rekwiżiti kapitali wara riżoluzzjoni skont l-Artikolu 2(3) ikun iddokumentat u spjegat fl-informazzjoni pprovduta lill-membri tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni.

    Artikolu 6

    Kontribuzzjonijiet mill-iskema ta' garanzija tad-depożiti għall-finanzjament ta' riżoluzzjoni

    1.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni tista' tnaqqas l-MREL biex jittieħed kont tal-ammont li l-iskema ta' garanzija tad-depożiti hija mistennija li tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-istrateġija ta' riżoluzzjoni preferuta f'konformità mal-Artikolu 109 tad-Direttiva 2014/59/UE.

    2.   Id-daqs ta' kull tali tnaqqis ikun ibbażat fuq valutazzjoni kredibbli tal-kontribut potenzjali mill-iskema ta' garanzija tad-depożiti, u mill-inqas:

    (a)

    ikun inqas minn stima prudenti tat-telf potenzjali li l-iskema ta' garanzija tad-depożiti kien ikollha ġġarrab, li kieku l-istituzzjoni ġiet xolta skont proċeduri normali ta' insolvenza, filwaqt li titqies il-klassifikazzjoni tal-prijorità tal-iskema ta' garanzija tad-depożiti skont l-Artikolu 108 tad-Direttiva 2014/59/UE;

    (b)

    ikun inqas mil-limitu fuq kontribuzzjonijiet tal-iskema ta' garanzija tad-depożiti stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 109(5) tad-Direttiva 2014/59/UE;

    (c)

    tqis ir-riskju ġenerali li jiġu eżawriti l-mezzi finanzjarji disponibbli tal-iskema ta' garanzija tad-depożiti minħabba li jikkontribwixxu għal diversi fallimenti bankarji jew riżoluzzjonijiet; kif ukoll

    (d)

    ikun konsistenti ma' kwalunkwe dispożizzjonijiet rilevanti oħra fil-liġi nazzjonali u d-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tal-awtorità responsabbli għall-iskema ta' garanzija tad-depożiti.

    3.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni, wara li tikkonsulta lill-awtorità responsabbli għall-iskema ta' garanzija tad-depożiti, tiddokumenta l-approċċ tagħha fir-rigward tal-valutazzjoni tar-riskju ġenerali li jiġu eżawriti l-mezzi finanzjarji disponibbli tal-iskema ta' garanzija tad-depożiti u tapplika tnaqqis skont il-paragrafu 1, sakemm dak ir-riskju ma huwiex eċċessiv.

    Artikolu 7

    Valutazzjoni kkombinata ta' MREL

    1.   L-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni jiżguraw li l-MREL ikun suffiċjenti sabiex jippermetti tnaqqis fil-valur jew konverżjoni ta' ammont ta' fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli li jikkwalifikaw mill-inqas b'mod indaqs għas-somma ta' assorbiment ta' telf u l-ammonti ta' rikapitalizzazzjoni, kif determinat mill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni f'konformità mal-Artikoli 1 u 2, suġġett għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli minn 3 sa 6.

    2.   L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jesprimu l-MREL ikkalkulat bħala perċentwal tat-total tal-obbligazzjonijiet u tal-fondi proprji tal-istituzzjoni, b'obbligazzjonijiet derivattivi inklużi fit-total tal-obbligazzjonijiet fuq il-bażi li jingħata rikonoxximent sħiħ lid-drittijiet ta' netting tal-kontraparti.

    3.   L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jistabbilixxu skeda jew proċess għall-aġġornament tal-MREL, filwaqt li jittieħed kont ta':

    (a)

    il-ħtieġa li jiġi aġġornat l-MREL b'mod parallel mal-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà;

    (b)

    jekk il-volatilità tal-entità jew tal-obbligazzjonijiet totali tal-grupp u tal-fondi proprji bħala riżultat tal-mudell ta' negozju tagħha x'aktarx tirriżulta fli l-MREL ma jibqax aktar adegwat f'data aktar bikrija.

    Artikolu 8

    Arranġamenti tranżitorji u post-riżoluzzjoni

    1.   B'deroga mill-Artikolu 7, l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jistgħu jiddeterminaw perjodu tranżizzjonali xieraq biex jissodisfaw l-MREL jew istituzzjoni jew entità li għalihom ikunu ġew applikati l-għodda ta' riżoluzzjoni.

    2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jiddeterminaw perjodu tranżitorju xieraq adegwat li jkun qasir kemm jista' jkun. Huma jikkomunikaw ukoll lill-istituzzjoni MREL ippjanat għal kull perjodu ta' 12-il xahar matul il-perjodu tranżitorju. Fi tmiem il-perjodu tranżitorju, l-aħħar MREL ikun ugwali għall-ammont li ġie ddeterminat skont l-Artikolu 7.

    3.   L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni ma jkunux preklużi milli sussegwentement jirrevedu l-perjodu tranżitorju jew kwalunkwe MREL ippjanat.

    Artikolu 9

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Mejju 2016.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190.

    (2)  Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

    (3)  Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

    (4)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1)

    (6)  Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1).


    Top