Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R1442

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1442 tal-31 ta' Awwissu 2016 li jimplimenta l-Artikolu 17(1) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 224/2014 dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana

    ĠU L 235, 1.9.2016, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/1442/oj

    1.9.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 235/1


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/1442

    tal-31 ta' Awwissu 2016

    li jimplimenta l-Artikolu 17(1) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 224/2014 dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 224/2014 tal-10 ta' Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 17(1) u (3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fl-10 ta' Marzu 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 224/2014.

    (2)

    Fit-23 ta' Awwissu 2016, il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 2127 (2013), żied żewġ persuni fil-lista ta' persuni u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi, kif ukoll aġġorna l-informazzjoni relattiva għal persuna waħda soġġetta għal miżuri restrittivi.

    (3)

    L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 224/2014 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 224/2014 huwa b'dan emendat kif jinsab fl-Anness għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Awwissu 2016.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. LAJČÁK


    (1)  ĠU L 70, 11.3.2014, p. 1.


    ANNESS

    I

    L-entrati li ġejjin ġew miżjuda mal-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 224/2014:

    A.   Persuni

    “10.

    Ali KONY (Magħruf ukoll bħala: a) Ali Lalobo b) Ali Mohammad Labolo c) Ali Mohammed d) Ali Mohammed Lalobo e) Ali Mohammed Kony f) Ali Mohammed Labola g) Ali Mohammed Salongo h) Ali Bashir Lalobo i) Ali Lalobo Bashir j) Otim Kapere k) ‘Bashir’ l) ‘Caesar’ m) ‘One-P’ n) ‘1-P’

    Deżinjazzjoni: Viċi, Armata ta' Reżistenza tas-Sinjur

    Data tat-twelid: a) 1994 b) 1993 c) 1995 d) 1992

    Indirizz: Kafia Kingi, (territorju fuq il-fruntiera bejn is-Sudan u s-Sudan t'Isfel li l-istatus finali tiegħu għad irid jiġi determinat).

    Elenkat fi:23 ta' Awwissu 2016.

    Informazzjoni oħra:

    Ali Kony huwa viċi fl-Armata ta' Reżistenza tas-Sinjur (LRA) (CFe.002), entità ddeżinjata, u iben il-mexxej tal-LRA Joseph Kony (CFi.009), individwu ddeżinjat. Ali kien inkorporat fil-ġerarkija ta' tmexxija tal-LRA fl-2010. Huwa jagħmel parti mill-grupp ta' uffiċjali għolja tal-LRA bbażati ma' Joseph Kony.

    Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar ipprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

    Ali Kony ġie elenkat fit-23 ta' Awwissu 2016 skont il-paragrafi 12 u 13(d) u (g) tar-riżoluzzjoni 2262 (2016) bħala li ‘ħa sehem fi jew ipprovda appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-RĊA;’‘li jipprovdi appoġġ lil gruppi armati jew lil netwerks kriminali permezz tal-isfruttar jew il-kummerċ illeċitu ta' riżorsi naturali, inkluż djamanti, deheb, annimali selvaġġi kif ukoll prodotti mill-annimali selvaġġi fi jew mir-RĊA;’‘li hu mexxej ta' entità ddeżinjata mill-Kumitat skont il-paragrafi 36 jew 37 tar-riżoluzzjoni 2134 (2014) jew din ir-riżoluzzjoni jew li pprovda appoġġ għal, jew aġixxa għal jew f'isem jew taħt id-direzzjoni ta', individwu jew entità ddeżinjata mill-Kumitat skont il-paragrafi 36 jew 37 tar-riżoluzzjoni 2134 (2014) jew din ir-riżoluzzjoni,, jew entità li tkun il-proprjetà ta' jew ikkontrollata minn individwu jew entità ddeżinjata.’

    Ali Kony huwa meqjus bħala suċċessur potenzjali ta' Joseph Kony bħala kap tal-LRA. Ali huwa dejjem aktar involut fl-ippjanar operazzjonali tal-LRA u huwa meqjus bħala l-aċċess għal Joseph Kony. Ali huwa wkoll uffiċjal tal-intelligence tal-LRA u għandu sa 10 uffiċjali taħtu.

    Ali u ħuh Salim Kony kienu t-tnejn responsabbli għall-infurzar tad-dixxiplina fi ħdan l-LRA. Iż-żewġt aħwa huma magħrufa li huma parti miċ-ċirku intern ta' tmexxija ta' Joseph Kony, responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-ordnijiet ta' Kony. It-tnejn li huma ħadu deċiżjonijiet dixxiplinarji li jikkastigaw jew joqtlu membri tal-LRA li ma obdewx ir-regoli tal-LRA. Fuq ordnijiet ta' Joseph Kony, Salim u Ali huma involuti fit-traffikar tal-avorju mill-Park Nazzjonali ta' Garamba fit-Tramuntana tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), li jgħaddi mir-Repubblika Ċentru-Afrikana (RĊA) għar-reġjun ikkontestat ta' Kafia Kingi għall-bejgħ jew kummerċ ma' negozjanti lokali.

    Ali Kony huwa responsabbli biex jinnegozja l-prezzijiet tal-avorju u t-tpartit tal-avorju man-negozjanti. Ali jiltaqa' darba jew darbtejn fix-xahar ma' negozjanti biex jinnegozja l-prezz tal-avorju tal-LRA f'dollari Amerikani jew liri Sudaniżi, jew biex ipartat ma' armi, munizzjon, u ikel. Joseph Kony ordna lil Ali biex juża l-akbar nejbiet tal-iljunfanti għax-xiri ta' mini kontra l-persuni biex idawru l-kamp ta' Kony. F'Lulju 2014, Ali Kony mexxa l-operazzjoni għall-ġarr ta' 52 biċċa tal-avorju biex waslu għand Joseph Kony u finalment inbiegħu.

    F'April 2015, Salim telaq minn Kafia Kingi biex iġib kunsinna ta' nejbiet tal-iljunfanti. F'Mejju, Salim ħa sehem fil-ġarr ta' għoxrin biċċa tal-avorju mir-RDK għal Kafia Kingi. F'dak l-istess żmien, Ali ltaqa' man-negozjanti biex jixtri provvisti u jippjana laqgħa fil-futur biex iwettaq aktar tranżazzjonijiet u jiftiehem dwar il-kondizzjonijiet ta' xiri f'isem l-LRA għal dak li kien stmat li kien l-avorju li Salim kien qed jeskorta.

    Individwi u entitajiet elenkati relatati:

     

    Joseph Kony, elenkat fis-7 ta' Marzu 2016

     

    Salim Kony, elenkat fit-23 ta' Awwissu 2016

     

    L-Armata ta' Reżistenza tas-Sinjur (LRA), elenkata fis-7 ta' Marzu 2016

    11.

    Salim KONY (Magħruf ukoll bħala: a) Salim Saleh Kony b) Salim Saleh c) Salim Ogaro d) Okolu Salim e) Salim Saleh Obol Ogaro f) Simon Salim Obol)

    Deżinjazzjoni: Viċi, Armata ta' Reżistenza tas-Sinjur

    Data tat-twelid: a) 1992 b) 1991 c) 1993

    Indirizz: a) Kafia Kingi, (territorju fuq il-fruntiera bejn is-Sudan u s-Sudan t'Isfel li l-istatus finali tiegħu għad irid jiġi determinat) b) Repubblika Ċentru-Afrikana

    Elenkat fi:23 ta' Awwissu 2016

    Informazzjoni oħra:

    Ali Kony huwa viċi fl-Armata ta' Reżistenza tas-Sinjur (LRA) (CFe.002), entità ddeżinjata, u iben il-mexxej tal-LRA Joseph Kony (CFi.009), individwu ddeżinjat. Salim kien inkorporat fil-ġerarkija ta' tmexxija tal-LRA fl-2010. Huwa jagħmel parti mill-grupp ta' uffiċjali għolja tal-LRA bbażati ma' Joseph Kony.

    Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar ipprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

    Salim Kony ġie elenkat fit-23 ta' Awwissu 2016 skont il-paragrafi 12 u 13(d) u (g) tar-riżoluzzjoni 2262 (2016) bħala li ‘ħa sehem fi jew ipprovda appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-Repubblika Ċentru-Afrikana (RĊA);’‘li jipprovdi appoġġ lil gruppi armati jew lil netwerks kriminali permezz tal-isfruttar jew il-kummerċ illeċitu ta' riżorsi naturali, inklużi djamanti, deheb, annimali selvaġġi u prodotti mill-annimali selvaġġi fi jew mir-RĊA;’‘li hu mexxej ta' entità ddeżinjata mill-Kumitat skont il-paragrafi 36 jew 37 tar-riżoluzzjoni 2134 (2014) jew din ir-riżoluzzjoni, jew li pprovda appoġġ, jew aġixxa għal jew f'isem jew taħt id-direzzjoni ta', individwu jew entità ddeżinjata mill-Kumitat skont il-paragrafi 36 jew 37 tar-riżoluzzjoni 2134 (2014) jew din ir-riżoluzzjoni, jew entità li tkun il-proprjetà ta' jew ikkontrollata minn individwu jew entità ddeżinjata.’

    Salim Kony huwa l-kap kmandant tal-‘kwartieri ġenerali’ tal-LRA u b'mod konġunt ippjana attakki tal-LRA u miżuri difensivi ma' Joseph Kony sa minn età bikrija. Preċedentement, Salim mexxa grupp li jipprovdi sigurtà għal Joseph Kony. Aktar reċentement, Joseph Kony fada lil Salim bil-ġestjoni tan-netwerks finanzjarji u loġistiċi tal-LRA.

    Salim u ħuh Ali Kony kienu t-tnejn responsabbli għall-infurzar tad-dixxiplina fi ħdan l-LRA. Iż-żewġt aħwa huma magħrufa li huma membri taċ-ċirku intern ta' tmexxija ta' Joseph Kony, li huma responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-ordnijiet ta' Joseph Kony. It-tnejn li huma ħadu deċiżjonijiet dixxiplinarji li jikkastigaw jew joqtlu membri tal-LRA li ma obdewx ir-regoli tal-LRA. Salim huwa rrapportat li qatel membri tal-LRA li kellhom l-intenzjoni jiddiżertaw, u rrapporta l-attivitajiet tal-grupp u tal-membri lill-Joseph Kony.

    Fuq ordnijiet ta' Joseph Kony, Salim u Ali huma involuti fit-traffikar tal-avorju mill-Park Nazzjonali ta' Garamba fit-Tramuntana tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), li jgħaddi mir-Repubblika Ċentru-Afrikana (RĊA) għar-reġjun ikkontestat ta' Kafia Kingi għall-bejgħ jew kummerċ ma' negozjanti lokali.

    Salim spiss jibgħat fil-fruntiera tal-RĊA madwar tużżana ġellieda biex jiltaqgħu u jeskortaw gruppi oħra tal-LRA li jġorru l-avorju lejn it-Tramuntana minn Garamba. F'April 2015, Salim telaq minn Kafia Kingi biex iġib kunsinna ta' nejbiet tal-iljunfanti. F'Mejju, Salim ħa sehem fil-ġarr ta' għoxrin biċċa tal-avorju mir-RDK għal Kafia Kingi.

    Preċedentement, f'Ġunju 2014, Salim qasam lejn ir-RDK ma' grupp ta' ġellieda tal-LRA biex jikkaċċaw illegalment iljunfanti f'Garamba. Joseph Kony kien inkariga wkoll lil Salim bl-eskorta ta' żewġ kmandanti tal-LRA lejn Garamba biex isibu avorju li ġie moħbi hemmhekk snin qabel. F'Lulju 2014, Salim iltaqa' mat-tieni grupp tal-LRA biex jittrasportaw l-avorju, b'kollox 52 biċċa, lejn Kafia Kingi. Salim kien responsabbli għal rendikont dwar l-avorju lil Joseph Kony u biex jgħaddi informazzjoni dwar tranżazzjonijiet tal-avorju lil gruppi tal-LRA.

    Individwi u entitajiet elenkati relatati:

     

    Joseph Kony, elenkat fis-7 ta' Marzu 2016

     

    Salim Kony, elenkat fit-23 ta' Awwissu 2016

     

    L-Armata ta' Reżistenza tas-Sinjur (LRA), elenkata fis-7 ta' Marzu 2016”

    II

    L-informazzjoni li ġejja dwar l-entrata Oumar Younous Abdoulay, l-entrata numru 6 fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 224/2014, tiżdied taħt “Informazzjoni oħra”:

    “Allegatament miet fil-11 ta' Ottubru 2015.”


    Top