Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R1153

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1153 tal-14 ta' Lulju 2016 li jiffissa r-rata ta' aġġustament għall-pagamenti diretti skont ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sena kalendarja 2016

    C/2016/4349

    ĠU L 190, 15.7.2016, p. 76–77 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 14/11/2016; Imħassar b' 32016R1948

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/1153/oj

    15.7.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 190/76


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1153

    tal-14 ta' Lulju 2016

    li jiffissa r-rata ta' aġġustament għall-pagamenti diretti skont ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sena kalendarja 2016

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 26(3) tiegħu,

    Wara li kkonsultat il-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għandha tiġi stabbilita riżerva maħsuba biex tipprovdi appoġġ addizzjonali għas-settur agrikolu f'każ ta' kriżijiet kbar li jolqtu l-produzzjoni jew id-distribuzzjoni agrikola, billi, fil-bidu ta' kull sena, jiġi applikat tnaqqis fil-pagamenti diretti permezz tal-mekkaniżmu tad-dixxiplina finanzjarja msemmi fl-Artikolu 26 ta' dak ir-Regolament.

    (2)

    L-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 fih previst li sabiex jiġi żgurat li jitħarsu l-limiti massimi annwali stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (2) għall-finanzjament tan-nefqa relatata mas-suq u tal-pagamenti diretti, trid tiġi determinata rata ta' aġġustament għall-pagamenti diretti meta t-tbassir tal-finanzjament tal-miżuri ffinanzjati skont dak is-sottolimitu għal sena finanzjarja partikulari jindika li jkunu se jinqabżu l-limiti massimi annwali applikabbli.

    (3)

    L-ammont tar-riżerva għall-kriżijiet fis-settur agrikolu, inkluż fl-Abbozz tal-Baġit tal-Kummissjoni għall-2017, jammonta għal EUR 450,5 miljun fi prezzijiet attwali. Biex jiġi kopert dak l-ammont, il-mekkaniżmu tad-dixxiplina finanzjarja jrid japplika għall-pagamenti diretti fil-qafas tal-iskemi ta' appoġġ elenkati fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) fir-rigward tas-sena kalendarja 2016.

    (4)

    It-tbassir għall-pagamenti diretti u n-nefqa relatata mas-suq iddeterminati fl-Abbozz tal-Baġit 2017 tal-Kummissjoni jindika li ma hemmx bżonn ta' aktar dixxiplina finanzjarja.

    (5)

    Filwaqt li taġixxi f'konformità mal-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jiffissa r-rata ta' aġġustament prevista fir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għall-pagamenti diretti fir-rigward tas-sena kalendarja 2016 (4) fit-22 ta' Marzu 2016.

    (6)

    Sat-30 ta' Ġunju 2016 il-Parlament Ewropew u l-Kunsill kienu għadhom ma ddeterminawx dik ir-rata ta' aġġustament. Għaldaqstant, f'konformità mal-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, il-Kummissjoni għandha tiffissa r-rata ta' aġġustament permezz ta' att ta' implimentazzjoni u għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill immedjatament dwar dan.

    (7)

    F'konformità mal-Artikolu 26(4) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, ir-rata ta' aġġustament tista' tiġi adattata mill-Kummissjoni sal-1 ta' Diċembru 2016, abbażi ta' informazzjoni ġdida fil-pussess tagħha. Fil-każ ta' informazzjoni ġdida, il-Kummissjoni se tqisha u se tadotta Regolament ta' Implimentazzjoni li jadatta r-rata ta' aġġustament sal-1 ta' Diċembru 2016, fil-kuntest tal-Ittra Emendatorja għall-Abbozz tal-Baġit tal-2017.

    (8)

    Bħala regola ġenerali, il-bdiewa li jressqu applikazzjoni għall-għajnuna għall-pagamenti diretti għal sena kalendarja waħda (N) jitħallsu f'perjodu tal-pagamenti fiss li jkun fis-sena finanzjarja (N+1). Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu pagamenti tardivi lill-bdiewa wara dak il-perjodu tal-pagament, sa ċertu limitu taż-żmien. Dawn il-pagamenti tardivi jistgħu jsiru f'sena finanzjarja sussegwenti. Meta d-dixxiplina finanzjarja tiġi applikata għal sena kalendarja partikolari, ir-rata ta' aġġustament ma għandhiex tiġi applikata għal pagamenti li għalihom l-applikazzjonijiet għall-għajnuna jkunu tressqu fi snin kalendarji li mhumiex is-sena kalendarja li għaliha tapplika d-dixxiplina finanzjarja. Għalhekk, biex jiġi żgurat it-trattament ugwali tal-bdiewa, huwa xieraq li jiġi previst li r-rata ta' aġġustament tiġi applikata biss għal pagamenti li għalihom l-applikazzjonijiet għall-għajnuna jkunu tressqu fis-sena kalendarja li għaliha tapplika d-dixxiplina finanzjarja, irrispettivament minn meta jsir il-pagament lill-bdiewa.

    (9)

    L-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 fih previst li r-rata ta' aġġustament applikabbli għall-pagamenti diretti determinati f'konformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għandha tapplika biss għal pagamenti diretti li jkunu ta' iktar minn EUR 2 000 u li għandhom jingħataw lill-bdiewa fis-sena kalendarja korrispondenti. Barra minn hekk, l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 fih previst li, b'riżultat tal-introduzzjoni gradwali tal-pagamenti diretti, ir-rata ta' aġġustament għandha tibda tapplika għall-Kroazja biss mill-1 ta' Jannar 2022. B'hekk, ir-rata ta' aġġustament li għandha tiġi ddeterminata permezz ta' dan ir-Regolament ma għandhiex tapplika għal pagamenti lill-bdiewa f'dak l-Istat Membru,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   Għall-fini li tiġi ffissata r-rata ta' aġġustament f'konformità mal-Artikoli 25 u 26 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, u f'konformità mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-ammonti tal-pagamenti diretti taħt l-iskemi ta' appoġġ elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, li jkunu ta' iktar minn EUR 2 000 u li għandhom jingħataw lill-bdiewa għal applikazzjoni għall-għajnuna mressqa fir-rigward tas-sena kalendarja 2016, għandhom jitnaqqsu b'rata ta' aġġustament ta' 1,366744 %.

    2.   It-tnaqqis previst fil-paragrafu 1 ma għandux japplika fil-Kroazja.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Lulju 2016.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).

    (3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).

    (4)  COM(2016) 159.


    Top