EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R1006

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1006 tat-22 ta' Ġunju 2016 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 255/2010 fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-ICAO imsemmija fl-Artikolu 3(1) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

C/2016/3740

ĠU L 165, 23.6.2016, p. 8–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/1006/oj

23.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 165/8


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1006

tat-22 ta' Ġunju 2016

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 255/2010 fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-ICAO imsemmija fl-Artikolu 3(1)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 551/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 dwar l-organizzazzjoni u l-użu tal-ispazju tal-arja fl-ajru uniku Ewropew (ir-Regolament tal-ispazju tal-arja) (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 6(7) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 255/2010 (2) jeħtieġ li l-ippjanar, il-koordinazzjoni u l-eżekuzzjoni tal-miżuri ta' ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru (ATFM) mill-partijiet, jew mill-aġenti li jaġixxu f'isimhom, involuti fil-proċessi tal-ATFM imsemmija fl-Artikolu 1(3), għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-ICAO speċifikati fl-Anness. L-Anness jirreferi għad-definizzjonijiet u għad-diversi dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Anness 11 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (il-Konvenzjoni ta' Chicago) u b'mod aktar speċifiku għat-Tlettax-il Edizzjoni tagħha datata Lulju 2001, li tinkorpora l-Emenda Nru 47. Mill-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 255/2010, l-ICAO emendat għadd ta' definizzjonijiet u dispożizzjonijiet fl-Anness 11 tal-Konvenzjoni ta' Chicago, u l-aktar riċenti kienet tinkorpora l-Emenda Nru 49.

(2)

L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 255/2010 jirreferi wkoll għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Proċeduri Supplimentari Reġjonali tal-ICAO (id-Dok 7030) u b'mod aktar speċifiku għall-Ħames Edizzjoni tiegħu datata 2007. Madankollu, il-Ħames Edizzjoni tad-Dok 7030 hija fil-fatt tal-2008 u għalhekk jeħtieġ li tiġi korretta r-referenza għad-data 2007.

(3)

Għalhekk, ir-referenzi fir-Regolament (UE) Nru 255/2010 għall-Anness 11 tal-Konvenzjoni ta' Chicago u għad-Dok 7030 tal-ICAO għandhom jiġu kkoreġuti u aġġornati sabiex l-Istati Membri jissodisfaw l-obbligi legali internazzjonali tagħhom u jiżguraw konsistenza mal-qafas regolatorju internazzjonali tal-ICAO.

(4)

Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) Nru 255/2010 għandu jiġi emendat skont dan.

(5)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ajru Uniku, stabbilit bl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 255/2010 jinbidel b'dan li ġej:

“ANNESS

Lista tad-dispożizzjonijiet tal-ICAO għall-finijiet tal-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru

1.

Kapitolu 3 paragrafu 3.7.5 (Ġestjoni tal-Fluss tat-Traffiku tal-Ajru) tal-Anness 11 tal-Konvenzjoni ta' Chicago — Servizzi tat-Traffiku tal-Ajru (it-13-il edizzjoni — Lulju 2001, li jinkorpora l-emenda Nru 49).

2.

Kapitolu 3 (kapaċità tas-sistema ATS u l-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru) tad-Dok 4444 tal-ICAO, Proċeduri għas-Servizzi tan-Navigazzjoni tal-Ajru — Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru (PANS-ATM) (il-15-il edizzjoni — 2007).

3.

Kapitolu 8 paragrafu 8.3 (Eżenzjonijiet mill-allokazzjoni tas-slots ATFM) tad-Dok 7030 tal-ICAO, Proċeduri Supplimentari Reġjonali Ewropej (EUR) (il-5 edizzjoni 2008).

4.

Kapitolu 8 paragrafu 8.4.1.c) (dwar il-konformità tal-operatur tal-inġenju tal-ajru mal-miżuri ATFM) tad-Dok 7030 tal-ICAO, Proċeduri Supplimentari Reġjonali Ewropej (EUR) (il-5 edizzjoni 2008).

5.

Kapitolu 2 paragrafu 2.3.2 (dwar it-tibdiliet għall-EOBT) tad-Dok 7030 tal-ICAO, Proċeduri Supplimentari Reġjonali Ewropej (EUR) (il-5 edizzjoni 2008).”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Ġunju 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 20.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 255/2010 tal-25 ta' Marzu 2010 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru (ĠU L 80, 26.3.2010, p. 10).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1).


Top