EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R0960

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/960 tas-17 ta' Mejju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar arranġamenti, sistemi u proċeduri xierqa għal parteċipanti fis-suq li jiddivulgaw li jwettqu sondaġġi tas-suq (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

C/2016/2859

ĠU L 160, 17.6.2016, p. 29–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2016/960/oj

17.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 160/29


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/960

tas-17 ta' Mejju 2016

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar arranġamenti, sistemi u proċeduri xierqa għal parteċipanti fis-suq li jiddivulgaw li jwettqu sondaġġi tas-suq

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (1), u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 11(9) tiegħu,

Billi:

(1)

Huma meħtieġa arranġamenti, proċeduri u rekwiżiti ta' żamma tar-rekords xierqa sabiex jiġi żgurat li l-attivitajiet ta' sondaġġ tas-suq jiġu mmaniġġjati u kkontrollati b'mod effettiv. Bħala parti mill-arranġamenti xierqa, il-parteċipanti fis-suq li jagħmlu divulgazzjonijiet għandhom jistabbilixxu proċeduri li jiddeskrivu l-mod li bih jitwettqu s-sondaġġi tas-suq. Dawn il-proċeduri għandhom jistabbilixxu sett standard ta' informazzjoni li trid tiġi pprovduta u mitluba mill-persuni li jirċievu s-sondaġġ tas-suq, filwaqt li jiġi żgurat li l-ebda informazzjoni potenzjalment sensittiva mhux neċessarja ma tiġi mxerrda u li l-persuni kollha li jirċievu s-sondaġġ tas-suq jirċievu l-istess livell ta' informazzjoni.

(2)

Huwa neċessarju li tiġi pprovduta ċertezza dwar il-kontenut tal-informazzjoni kkomunikata waqt is-sondaġġi tas-suq. Għalhekk, meta s-sondaġġi tas-suq jitwettqu bit-telefon u l-parteċipant fis-suq li jagħmel id-divulgazzjoni jkollu aċċess għal linji tat-telefon irreġistrati, il-parteċipant fis-suq li jagħmel id-divulgazzjoni għandu juża dawn il-linji. Fejn is-sondaġġi tas-suq jitwettqu permezz ta' mezzi oħrajn, iżda mhux permezz ta' linji tat-telefon irreġistrati, reġistri tal-komunikazzjonijiet tas-sondaġġ tas-suq għandhom jinżammu fil-forma ta' reġistrazzjonijiet awdjo jew ta' filmati jew f'forma miktuba. Għal raġunijiet ta' protezzjoni tad-dejta personali, meta s-sondaġġ tas-suq isir minn linji tat-telefon irreġistrati jew tintuża reġistrazzjoni awdjo jew ta' filmati, għandu jinkiseb il-kunsens għar-reġistrazzjoni mill-persuna li tirċievi s-sondaġġ tas-suq.

(3)

Sabiex jiġi ffaċilitat it-twettiq ta' investigazzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti dwar suspett ta' abbuż tas-suq, il-parteċipanti tas-suq li jagħmlu d-divulgazzjoni għandhom iżommu, għal kull sondaġġ tas-suq, rekord tal-persuni li jirċievu s-sondaġġ tas-suq.

(4)

Sabiex jiġi mminimizzat ir-riskju ta' divulgazzjoni mhux xierqa ta' informazzjoni privileġġata, parteċipant fis-suq li jagħmel divulgazzjoni għandu jżomm rekord tal-investituri potenzjali li jkunu infurmawh li mhumiex lesti li jirċievu sondaġġi tas-suq. L-investituri potenzjali għandhom ikunu jistgħu jesprimu x-xewqa tagħhom li ma jirċevux sondaġġi tas-suq fir-rigward tat-tranżazzjonijiet potenzjali kollha jew biss ċerti tipi ta' tranżazzjonijiet.

(5)

Meta jkunu qed iwettqu sondaġġ tas-suq, il-parteċipanti tas-suq li jagħmlu d-divulgazzjoni għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn preżunzjoni li informazzjoni privileġġata hija divulgata fl-eżerċizzju normali tal-impjieg, professjoni jew dmirijiet ta' persuna għall-finijiet tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014. F'dan ir-rigward, il-parteċipant tas-suq li jagħmel id-divulgazzjoni għandu jitqies li qed jaġixxi fil-kors normali tal-impjieg, professjoni jew dmirijiet tiegħu biss safejn ikun jikkonforma mar-rekwiżiti kollha, inklużi r-rekwiżiti taż-żamma tar-rekords kif stabbiliti fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 u f'dan ir-Regolament.

(6)

Billi valutazzjoni ta' x'jikkostitwixxi informazzjoni privileġġata, li ssir skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, tista' tkun kumplessa, il-parteċipant fis-suq li jagħmel id-divulgazzjoni għandu jżomm rekords tas-sondaġġi tas-suq kollha, inklużi dawk li huma kkunsidrati mill-parteċipant fis-suq li jagħmel id-divulgazzjoni li ma jinvolvux id-divulgazzjoni ta' informazzjoni privileġġata. Dawn ir-rekords jgħinu lill-parteċipanti fis-suq li jagħmlu d-divulgazzjoni sabiex jagħtu prova ta' kondotta xierqa lill-awtoritajiet kompetenti, b'mod partikolari meta n-natura ta' din l-informazzjoni tinbidel wara s-sondaġġ tas-suq jew fejn l-awtorità kompetenti tkun tixtieq tirrevedi l-proċess ta' kategorizzazzjoni tal-informazzjoni.

(7)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji sottomess mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq lill-Kummissjoni.

(8)

L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kosti u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Ikkonċernati tal-Assigurazzjoni stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(9)

Sabiex ikun żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-swieq finanzjarji, huwa meħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b'urġenza u li d-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament japplikaw mill-istess data bħal dawk stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 596/2014,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Rekwiżiti ġenerali

Parteċipant fis-suq li jagħmlu divulgazzoni għandhom jiżguraw li l-arranġamenti u l-proċeduri li jistabbilixxu biex jikkonformaw mal-paragrafi 4, 5, 6 u 8 tal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 jiġu riveduti u aġġornati fuq bażi regolari meta jkun meħtieġ.

Artikolu 2

Proċeduri għall-finijiet tat-twettiq ta' sondaġġi tas-suq

1.   Il-parteċipanti fis-suq li jagħmlu divulgazzjonijiet għandhom jistabbilixxu proċeduri li jiddeskrivu l-mod li bih jitwettqu s-sondaġġi tas-suq.

Il-parteċipanti fis-suq li jagħmlu divulgazzjonijiet jistgħu jikkomunikaw informazzjoni għall-finijiet ta' sondaġġ tas-suq lill-persuni li jirċievu s-sondaġġ tas-suq bil-fomm, f'laqgħat fiżiċi, telefonati awdjo jew vidjow, jew bil-miktub, permezz ta' ittra, faks jew komunikazzjonijiet elettroniċi.

2.   Il-parteċipanti fis-suq li jagħmlu divulgazzjonijiet għandhom jistabbilixxu proċeduri għat-twettiq ta' sondaġġi tas-suq bit-telefon li jiżguraw li linji tat-telefon irreġistrati jiġu użati fejn il-parteċipant fis-suq li jagħmel id-divulgazzjoni jkollu aċċess għal dawn il-linji u l-persuni li jirċievu s-sondaġġ tas-suq ikunu taw il-kunsens tagħhom għar-reġistrazzjoni tal-konverżazzjoni.

3.   Il-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiżguraw li persuni li jaħdmu għal parteċipant fis-suq li jagħmel divulgazzjoni b'kuntratt ta' impjieg jew b'xi mod ieħor jużaw biss tagħmir ipprovdut mill-parteċipant fis-suq li jagħmel id-divulgazzjoni meta jibagħtu u jirċievu telefonati u komunikazzjonijiet elettroniċi għal skopijiet ta' sondaġġi tas-suq.

Artikolu 3

Ġabra standard ta' informazzjoni għall-komunikazzjonijiet lil persuni li jirċievu s-sondaġġ tas-suq

1.   Parteċipanti fis-suq li jagħmlu divulgazzjoni għandu jkollhom fis-seħħ proċeduri għall-iskambju ta' sett standard ta' informazzjoni mal-persuni li jirċievu s-sondaġġ tas-suq waqt is-sondaġġi tas-suq, f'sekwenza predeterminata.

2.   Is-sett standard ta' informazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġu ddeterminat mill-parteċipant fis-suq li jagħmel id-divulgazzjoni għal kull sondaġġ tas-suq, qabel iwettaq dan is-sondaġġ tas-suq. Il-parteċipant fis-suq li jagħmel divulgazzjoni għandu juża dan is-sett standard ta' informazzjoni mal-persuni kollha li jirċievu dan is-sondaġġ tas-suq.

3.   Meta l-parteċipanti fis-suq li jagħmlu d-divulgazzjoni jqisu li s-sondaġġ tas-suq ikun jinvolvi d-divulgazzjoni ta' informazzjoni privileġġata, is-sett standard ta' informazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 għandu jinkludi u jkun limitat għal dan li ġej, fl-ordni segwenti:

(a)

dikjarazzjoni li tiċċara li l-komunikazzjoni tkun qed isseħħ għall-finijiet ta' sondaġġ tas-suq;

(b)

meta s-sondaġġ tas-suq jitwettaq permezz ta' linji tat-telefon irreġistrati, jew tintuża reġistrazzjoni awdjo jew ta' filmati, dikjarazzjoni li tindika li l-konverżazzjoni tkun irreġistrata u l-kunsens min-naħa tal-persuna li tirċievi s-sondaġġ tas-suq biex tiġi rreġistrata;

(c)

talba għal konferma, u l-għoti ta' tali konferma, mingħand il-persuna kkuntattjata li l-parteċipant fis-suq li jkun qed jagħmel id-divulgazzjoni jkun qed jikkomunika mal-persuna inkarigata mill-investitur potenzjali biex tirċievi s-sondaġġ tas-suq u t-tweġiba għal dik it-talba;

(d)

dikjarazzjoni li tiċċara li, jekk il-persuna kkuntattjata taqbel li tirċievi s-sondaġġ tas-suq, dik il-persuna tkun se tirċievi informazzjoni li l-parteċipant fis-suq li jagħmel id-divulgazzjoni jkun iqis li tkun informazzjoni privileġġata u referenza għall-obbligu stabbilit fl-Artikolu 11(7) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014;

(e)

fejn ikun possibbli, stima ta' meta l-informazzjoni ma tkunx se tibqa' aktar informazzjoni privileġġata, il-fatturi li jistgħu jibdlu dik l-istima u, f'kull każ, tagħrif dwar il-mod li bih il-persuna li tirċievi s-sondaġġ tas-suq tkun se tiġi infurmata b'kull bidla f'dik l-istima;

(f)

dikjarazzjoni li tinforma lill-persuna li tirċievi s-sondaġġ tas-suq dwar l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 11(5), is-subparagrafu 1, il-punti (b), (c) u (d) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014;

(g)

talba għall-kunsens tal-persuna li tirċievi s-sondaġġ tas-suq biex tirċievi informazzjoni privileġġata, kif imsemmi fl-Artikolu 11(5), is-subparagrafu 1, il-punt (a) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, u t-tweġiba għal dik it-talba;

(h)

meta l-kunsens meħtieġ skont il-punt (g) jingħata, l-informazzjoni li tiġi ddivulgata għall-finijiet tas-sondaġġ tas-suq, fejn tiġi identifikata l-informazzjoni li l-parteċipant fis-suq li jagħmel id-divulgazzjoni jqis li hija informazzjoni privileġġata.

4.   Meta l-parteċipant fis-suq li jagħmel id-divulgazzjoni jqis li s-sondaġġ tas-suq ma jkunx se jinvolvi d-divulgazzjoni ta' informazzjoni privileġġata, is-sett standard ta' informazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 għandu jinkludi u jkun limitat għal dan li ġej, fl-ordni segwenti:

(a)

dikjarazzjoni li tiċċara li l-komunikazzjoni tkun qed isseħħ għall-finijiet ta' sondaġġ tas-suq;

(b)

meta s-sondaġġ tas-suq jitwettaq permezz ta' linji tat-telefon irreġistrati, jew tintuża reġistrazzjoni awdjo jew ta' filmati, dikjarazzjoni li tindika li l-konverżazzjoni tkun qed tiġi rreġistrata u l-kunsens min-naħa tal-persuna li tirċievi s-sondaġġ tas-suq biex tiġi rreġistrata;

(c)

talba għal konferma, u l-għoti ta' tali konferma, mingħand il-persuna kkuntattjata li l-parteċipant fis-suq li jkun qed jagħmel id-divulgazzjoni jkun qed jikkomunika mal-persuna inkarigata mill-investitur potenzjali biex tirċievi s-sondaġġ tas-suq u t-tweġiba għal dik it-talba;

(d)

dikjarazzjoni li tiċċara li, jekk il-persuna kkuntattjata taqbel li tirċievi s-sondaġġ tas-suq, dik il-persuna tkun se tirċievi informazzjoni li l-parteċipant fis-suq li jagħmel id-divulgazzjoni jkun iqis li ma tkunx informazzjoni privileġġata u referenza għall-obbligu stabbilit fl-Artikolu 11(7) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014;

(e)

talba għall-kunsens tal-persuna li tirċievi s-sondaġġ tas-suq biex isir is-sondaġġ tas-suq, u t-tweġiba għal dik it-talba;

(f)

meta l-kunsens meħtieġ skont il-punt (e) jingħata, l-informazzjoni li tkun qed tiġi divulgata għall-finijiet tas-sondaġġ tas-suq.

5.   Il-parteċipant fis-suq li jagħmel id-divulgazzjoni għandu jiżgura li l-istess livell ta' informazzjoni jiġi kkomunikat lil kull persuna li tirċievi s-sondaġġ tas-suq b'rabta mal-istess sondaġġ tas-suq.

Artikolu 4

Dejta dwar persuni li jirċievu s-sondaġġ tas-suq

1.   Għal kull sondaġġ tas-suq, il-parteċipant fis-suq li jagħmel id-divulgazzjoni għandu jfassal lista li jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-ismijiet tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha li lilhom tkun ġiet divulgata informazzjoni matul is-sondaġġ tas-suq;

(b)

id-data u l-ħin ta' kull komunikazzjoni ta' informazzjoni li tkun seħħet matul jew wara s-sondaġġ tas-suq;

(c)

id-dettalji ta' kuntatt tal-persuni li jirċievu s-sondaġġ tas-suq użati għall-finijiet tas-sondaġġ tas-suq.

2.   Parteċipant fis-suq li jagħmel divulgazzjoni għandu jfassal lista ta' kull investitur potenzjali li infurmah li ma jixtieqx li jirċievi sondaġġi tas-suq, jew fir-rigward tat-tranżazzjonijiet potenzjali kollha jew fir-rigward ta' tipi partikolari ta' tranżazzjonijiet potenzjali. Il-parteċipant fis-suq li jagħmel divulgazzjoni għandu jżomm lura milli jikkomunika informazzjoni għal skopijiet ta' sondaġġi tas-suq lil dawn l-investituri potenzjali.

Artikolu 5

Proċedura għan-notifika meta l-informazzjoni ma tkunx għada informazzjoni privileġġata

Meta l-parteċipanti tas-suq li jagħmlu divulgazzjoni jevalwaw kif imsemmi fl-Artikolu 11(6) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, li l-informazzjoni privileġġata divulgata matul sondaġġ tas-suq ma tkunx għadha informazzjoni privileġġata, għandhom jipprovdu lill-persuna li tkun irċeviet is-sondaġġ tas-suq bl-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-identità tal-parteċipant fis-suq li jagħmel id-divulgazzjoni;

(b)

identifikazzjoni tat-tranżazzjoni suġġetta għas-sondaġġ tas-suq;

(c)

id-data u l-ħin tas-sondaġġ tas-suq;

(d)

il-fatt li l-informazzjoni divulgata ma kenitx għadha aktar informazzjoni privileġġata;

(e)

id-data li fiha l-informazzjoni ma baqgħetx aktar informazzjoni privileġġata.

Artikolu 6

Rekwiżiti ta' żamma tar-rekords

1.   Parteċipant fis-suq li jagħmel divulgazzjoni għandu jiżgura li rekords ta' dan li ġej jinżammu fuq mezz li jservi fit-tul li jiżgura l-aċċessibbiltà u l-leġġibbiltà tagħhom matul il-perjodu ta' żamma stipulat fl-Artikolu 11(8) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014:

(a)

il-proċedura li hemm referenza għaliha fl-Artikoli 1 u 2;

(b)

is-sett standard ta' informazzjoni stabbilit għal kull sondaġġ tas-suq f'konformità mal-Artikolu 3;

(c)

id-dejta dwar persuni li jirċievu s-sondaġġ tas-suq imsemmi fl-Artikolu 4;

(d)

il-komunikazzjonijiet kollha ta' informazzjoni li saru bejn il-parteċipant fis-suq li jagħmel id-divulgazzjoni u l-persuni kollha li jirċievu s-sondaġġ tas-suq għall-finijiet tas-sondaġġ tas-suq, inkluż kull dokument ipprovdut mill-parteċipant fis-suq li jagħmel id-divulgazzjoni lill-persuni li jirċievu s-sondaġġ tas-suq;

(e)

l-informazzjoni li tkun wasslet għall-valutazzjoni li l-informazzjoni kkomunikata matul is-sondaġġ tas-suq ma tkunx għadha informazzjoni privileġġata u n-notifiki rilevanti msemmija fl-Artikolu 5.

2.   Għall-finijiet tal-Artikolu 6(1)(d), il-parteċipant fis-suq li jagħmel id-divulgazzjoni għandu jżomm:

(a)

fejn il-komunikazzjoni ta' informazzjoni tkun saret bit-telefon fuq linji rreġistrati, reġistrazzjonijiet ta' konverżazzjonijiet telefoniċi sakemm il-persuni li lilhom tiġi kkomunikata l-informazzjoni jkunu taw il-kunsens tagħhom għal tali reġistrazzjoni;

(b)

fejn il-komunikazzjoni ta' informazzjoni tkun saret bil-miktub, kopja tal-korrispondenza;

(c)

fejn il-komunikazzjoni ta' informazzjoni tkun saret matul laqgħat irreġistrati bil-vidjow jew bl-awdjo, ir-reġistrazzjonijiet ta' dawk il-laqgħat sakemm il-persuni li lilhom tiġi kkomunikata l-informazzjoni jkunu taw il-kunsens tagħhom għal tali reġistrazzjoni;

(d)

fejn il-komunikazzjoni ta' informazzjoni tkun saret matul laqgħat jew konverżazzjonijiet telefoniċi mhux irrekordjati, il-minuti jew in-noti bil-miktub tal-imsemmija laqgħat jew konverżazzjonijiet telefoniċi.

3.   Il-minuti jew noti bil-miktub imsemmija fil-paragrafu 2(d), għandhom jitfasslu mill-parteċipant fis-suq li jagħmel id-divulgazzjoni u jkunu debitament iffirmati kemm mill-parteċipant fis-suq li jagħmel id-divulgazzjoni kif ukoll mill-persuna li tirċievi s-sondaġġ tas-suq u għandhom jinkludu:

(a)

id-data u l-ħin tal-laqgħa jew konverżazzjoni telefonika u l-identità tal-parteċipanti;

(b)

id-dettalji tal-informazzjoni relatata mas-sondaġġ tas-suq li ġew skambjati bejn il-parteċipant fis-suq li jagħmel id-divulgazzjoni u l-persuna li tirċievi s-sondaġġ tas-suq matul is-sondaġġ tas-suq, inkluża l-informazzjoni mogħtija lill-persuna li tirċievi s-sondaġġ tas-suq u mitluba mingħand il-persuna li tirċievi s-sondaġġ tas-suq skont is-sett standard ta' informazzjoni msemmi fl-Artikolu 3;

(c)

kull dokument u materjal ipprovdut mill-parteċipant fis-suq li li jagħmel id-divulgazzjoni lill-persuna li tirċievi s-sondaġġ tas-suq matul is-sondaġġ tas-suq.

Meta l-parteċipant fis-suq li jagħmel id-divulgazzjoni u l-persuna li tirċievi s-sondaġġ tas-suq ma jkunux qablu fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol wara s-sondaġġ tas-suq dwar il-kontenut tal-minuti jew noti bil-miktub, il-parteċipant fis-suq li jagħmel id-divulgazzjoni għandu jirreġistra kemm verżjoni tal-minuti jew noti bil-miktub iffirmata mill-parteċipant fis-suq li jagħmel id-divulgazzjoni kif ukoll verżjoni tagħhom iffirmata mill-persuna li tkun irċeviet is-sondaġġ tas-suq.

Meta l-persuna li tirċievi s-sondaġġ tas-suq ma tkunx ipprovdiet lill-parteċipant fis-suq li jagħmel id-divulgazzjoni b'verżjoni ffirmata tal-minuti jew noti bil-miktub fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol wara s-sondaġġ tas-suq, il-parteċipant fis-suq li jagħmel id-divulgazzjoni għandu jżomm kopja tal-verżjoni bil-miktub tal-minuti jew in-noti ffirmati mill-parteċipant fis-suq li jagħmel id-divulgazzjoni.

4.   Ir-rekords imsemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-awtorità kompetenti fuq talba tagħha.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Jibda japplika mit-3 ta' Lulju 2016.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmula fi Brussell, is-17 ta' Mejju 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).


Top