EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R0892

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/892 tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar l-estensjoni tal-perjodi tranżizzjonali relatati ma' rekwiżiti ta' fondi proprji għal skoperturi għal kontropartijiet ċentrali stipulati fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

C/2016/3354

ĠU L 151, 8.6.2016, p. 4–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/892/oj

8.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 151/4


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/892

tas-7 ta' Ġunju 2016

dwar l-estensjoni tal-perjodi tranżizzjonali relatati ma' rekwiżiti ta' fondi proprji għal skoperturi għal kontropartijiet ċentrali stipulati fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 497(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex jiġi evitat tfixkil fis-swieq finanzjarji internazzjonali u sabiex ma jitħalliex li l-istituzzjonijiet ikunu ppenalizzati billi jiġu soġġetti għal rekwiżiti ogħla ta' fondi proprji waqt il-proċessi ta' awtorizzazzjoni u rikonoxximent ta' kontropartijiet ċentrali eżistenti (“CCPs”), il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 497 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 stabbilixxew perjodu tranżizzjonali li matulu l-kontropartijiet ċentrali kollha li istituzzjonijiet stabbiliti fl-Unjoni jikklerjaw it-tranżazzjonijiet magħhom jistgħu jitqiesu mill-istituzzjonijiet bħala kontropartijiet ċentrali kwalifikanti.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 emenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (2) fir-rigward ta' ċerti inputs għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta' fondi proprji ta' istituzzjonijiet għal skoperturi għal CCPs. Għaldaqstant, l-Artikolu 89(5a) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jobbliga ċerti CCPs jirrappurtaw, għal perjodu ta' żmien limitat, l-ammont totali tal-marġni inizjali li huma jkunu rċevew mill-membri tal-ikklerjar tagħhom. Dan il-perjodu tranżizzjonali jirrifletti l-perjodu stabbilit fl-Artikolu 497 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

(3)

Iż-żewġ perjodi ta' tranżizzjoni kienu previsti li jiskadu fil-15 ta' Ġunju 2014.

(4)

L-Artikolu 497(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex f'ċirkostanzi eċċezzjonali tadotta att ta' implimentazzjoni sabiex il-perjodu tranżizzjonali għar-rekwiżiti ta' fondi proprji jiġi estiż b'sitt xhur. Din l-estensjoni għandha tapplika wkoll fir-rigward tal-limiti ta' żmien stabbiliti fl-Artikolu 89(5a) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Dawk il-perjodi tranżizzjonali ġew estiżi sal-15 ta' Ġunju 2016 bir-Regolamenti ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 591/2014 (3), (UE) Nru 1317/2014 (4), (UE) 2015/880 (5) u (UE) 2015/2326 (6).

(5)

Il-proċess ta' awtorizzazzjoni għall-kontropartijiet ċentrali eżistenti stabbiliti fl-Unjoni jinsab għaddej iżda mhux se jitlesta sal-15 ta' Ġunju 2016. Għad fadal żewġ CCPs stabbiliti fl-Unjoni li għad iridu jiġu awtorizzati. Jekk il-perjodu tranżizzjonali ma jiġix estiż, istituzzjonijiet stabbiliti fl-Unjoni li għandhom skoperturi għal dawn iż-żewġ CCPs jaraw żidiet sinifikanti fir-rekwiżiti ta' fondi proprji għal dawk l-iskoperturi. Filwaqt li dawn iż-żidiet jistgħu jkunu biss temporanji, dawn jistgħu potenzjalment iwasslu għall-irtirar ta' dawk l-istituzzjonijiet bħala parteċipanti diretti f'dawk is-CCPs jew għall-waqfien, mill-inqas temporanju, tal-provvediment ta' servizzi ta' kklerjar lill-klijenti ta' dawk l-istituzzjonijiet u b'hekk jinħoloq tfixkil fis-swieq li fihom joperaw dawk is-CCPs, u potenzjalment is-swieq tal-Unjoni inġenerali.

(6)

Fir-rigward ta' CCPs stabbiliti f'pajjiżi terzi li s'issa applikaw għar-rikonoxximent, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) diġà rrikonoxxiet 17-il CCP. Minn dawn, sitt CCPs mill-Kanada, il-Messiku, l-Afrika t'Isfel u l-Iżvizzera ġew rikonoxxuti wara l-adozzjoni tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2326. Barra minn hekk, CCPs mill-Korea t'Isfel u l-Istati Uniti tal-Amerka jistgħu jiġu rikonoxxuti abbażi tad-Deċiżjonijiet ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2038 (7) u (UE) 2016/377 (8), rispettivament. Madankollu, is-CCPs ta' pajjiżi terzi li fadal għadhom qegħdin jistennew ir-rikonoxximent u l-proċess ta' rikonoxximent mhuwiex se jkun lest sal-15 ta' Ġunju 2016. Is-swieq serviti mis-CCPs li fadal jistgħu jkunu wkoll imfixkla severament fil-każ li l-perjodu tranżizzjonali għall-istituzzjonijiet li għandhom skoperturi għal dawk is-CCPs ma jiġix estiż, għall-istess raġunijiet li jeżistu fil-każ li ma jiġux estiżi l-perjodi tranżizzjonali għas-CCPs stabbiliti fl-Unjoni.

(7)

Għaldaqstant, wara li l-estensjoni tal-perjodu tranżizzjonali stabbilita fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2326 tiskadi, tibqa' l-ħtieġa li jiġi evitat it-tfixkil fi swieq ġewwa u barra l-Unjoni li preċedentement wasslet għall-estensjoni tal-perjodu tranżizzjonali stabbilit fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 497 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Estensjoni ulterjuri tal-perjodu tranżizzjonali għandha tippermetti lill-istituzzjonijiet stabbiliti fl-Unjoni (jew lis-sussidjarji tagħhom stabbiliti lil hinn mill-Unjoni) biex jevitaw żieda sinifikanti fir-rekwiżiti ta' fondi proprji minħabba li ma jkunux tlestew il-proċessi ta' awtorizzazzjoni jew rikonoxximent għal CCPs li jipprovdu, b'mod vijabbli u aċċessibli, it-tip ta' servizzi ta' kklerjar li istituzzjonijiet stabbiliti fl-Unjoni (jew is-sussidjarji tagħhom stabbiliti barra l-Unjoni) jeħtieġu. Għalhekk jixraq li l-perjodi tranżizzjonali jittawlu b'sitt xhur oħra.

(8)

Il-miżuri stabbiliti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Banek Ewropej,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-perjodi ta' 15-il xahar imsemmijin paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 497 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u fl-ewwel u fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 5a tal-Artikolu 89 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, rispettivament, kif diġà estiżi skont l-Artikolu 1 tar-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 591/2014, (UE) Nru 1317/2014, (UE) 2015/880 u (UE) 2015/2326, jittawlu b'sitt xhur oħra sal-15 ta' Diċembru 2016.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Ġunju 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 591/2014 tat-3 ta' Ġunju 2014 dwar l-estensjoni tal-perjodi tranżizzjonali relatati ma' rekwiżiti ta' fondi proprji għal skoperturi għal kontropartijiet ċentrali fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 165, 4.6.2014, p. 31).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1317/2014 tal-11 ta' Diċembru 2014 dwar l-estensjoni tal-perjodi tranżizzjonali relatati ma' rekwiżiti ta' fondi proprji għal skoperturi għal kontropartijiet ċentrali fir-Regolamenti (UE) Nru 575/2013 u (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 355, 12.12.2014, p. 6).

(5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/880 tal-4 ta' Ġunju 2015 dwar l-estensjoni tal-perjodi tranżizzjonali relatati ma' rekwiżiti ta' fondi proprji għal skoperturi għal kontropartijiet ċentrali fir-Regolamenti (UE) Nru 575/2013 u (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 143, 9.6.2015, p. 7).

(6)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2326 tal-11 ta' Diċembru 2015 dwar l-estensjoni tal-perjodi tranżizzjonali relatati ma' rekwiżiti ta' fondi proprji għal skoperturi għal kontropartijiet ċentrali stipulati fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 12.12.2015, p. 108).

(7)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2038 tat-13 ta' Novembru 2015 dwar l-ekwivalenza bejn il-qafas regolatorju tar-Repubblika tal-Korea għal kontropartijiet ċentrali u r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivattivi OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet (ĠU L 298, 14.11.2015, p. 25).

(8)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/377 tal-15 ta' Marzu 2016 dwar l-ekwivalenza tal-qafas regolatorju tal-Istati Uniti tal-Amerka għall-kontropartijiet ċentrali li huma awtorizzati u li ssirilhom superviżjoni mill-Commodity Futures Trading Commission mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 70, 16.3.2016, p. 32).


Top