EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R0664

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/664 tas-26 ta' April 2016 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

C/2016/2646

ĠU L 115, 29.4.2016, p. 19–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/664/oj

29.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 115/19


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/664

tas-26 ta' April 2016

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi, fuqha, jew li żżid xi subdiviżjoni addizzjonali magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

Skont dawn ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella mogħtija fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jiġi stipulat li l-informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa fir-rigward tal-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tkun tista' tibqa' tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (2). Dak il-perjodu għandu jkun ta' tliet xhur.

(5)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella mogħtija fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' April 2016.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Stephen QUEST

Direttur Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Apparat portabbli li jaħdem bil-batteriji li permezz tiegħu jistgħu jiġu rrekordjati stampi vidjow, b'dimensjonijiet ta' madwar 10 × 5 × 2 cm u piż ta' madwar 120 g, li jikkonsisti f'dawn li ġejjin:

lenti tal-kamera,

skrin LCD b'tul djagonali ta' madwar 5 cm (2 pulzieri),

mikrofonu,

lawdspiker,

proċessur,

batterija Li-ion interna,

memorja interna b'kapaċità massima ta' 8 GB,

konnettur integrat USB (tat-tip “flip out”),

ħruġ għal sinjali HDMI,

sensur tal-immaġini CMOS integrat.

L-apparat huwa mgħammar b'funzjoni ta' żum diġitali b'żewġ passi. Dan huwa kapaċi jirrekordja stampi vidjow b'riżoluzzjoni ta' 1 280 × 720 pixel bi 30 immaġni kull sekonda għal massimu ta' sagħtejn. L-apparat ma jistax jintuża għat-teħid ta' ritratti jew stampi fissi.

L-istampi vidjow irrekordjati permezz tal-apparat jistgħu jiġu trasferiti għal fuq magna għall-ipproċessar awtomatiku tad-dejta (ADP) permezz tal-interfaċċa USB integrata, jew għal fuq sett tat-televixin permezz ta' kejbil tat-tip mikro-HDMI.

Mal-preżentazzjoni, il-fajls f'format vidjow jistgħu jiġu trasferiti għal fuq l-apparat minn magna ADP, permezz tal-interfaċċa USB integrata. L-apparat jista' jintuża wkoll bħala apparat għall-ħżin li jista' jitneħħa.

8525 80 99

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u mill-kliem tal-kodiċijiet NM 8525 , 8525 80 u 8525 80 99 .

Minħabba li l-apparat jista' jirrekordja biss stampi vidjow, il-klassifikazzjoni bħala kamera diġitali taħt il-kodiċi NM 8525 80 30 hija eskluża. Il-fatt li l-apparat m'għandux funzjoni ta' żum ottiku ma jipprekludix il-klassifikazzjoni tiegħu bħala vidjowkamera li tirrekordja. (ara l-Kawża C — 178/14, Vario Tek, ECLI:EU:C:2015:152, il-paragrafi 17 sa 29). Minħabba l-karatteristiki oġġettivi tiegħu, l-apparat jitqies bħala vidjowkamera li tirrekordja.

Il-fajls vidjow jistgħu jiġu trasferiti għal fuq l-apparat minn magna ADP u jinħażnu fih, u l-apparat huwa kapaċi jwettaq din il-funzjoni b'mod awtonomu mingħajr ebda modifika. Għalhekk, l-apparat jitqies li hu kapaċi jirrekordja l-fajls vidjow minn sorsi oħra apparti mill-kamera tat-telekamera integrata. (ara l-Kawża C — 178/14, Vario Tek, ECLI:EU:C:2015:152, il-paragrafi 30 sa 39).

B'hekk, il-klassifikazzjoni tal-apparat taħt il-kodiċi NM 8525 80 91 bħala vidjowkameras li jistgħu jirreġistraw biss ħoss u immaġni meħudin b'telekamera hija eskluża.

Għaldaqstant, il-prodott għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 8525 80 99 bħala vidjowkameras li jirrekordjaw oħra.


Top