Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R0558

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/558 tal-11 ta' April 2016 li jawtorizzaw ftehimiet u deċiżjonijiet ta' kooperattivi u ta' tipi oħra ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib dwar l-ippjanar tal-produzzjoni

    C/2016/2122

    ĠU L 96, 12.4.2016, p. 18–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2016/558/oj

    12.4.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 96/18


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/558

    tal-11 ta' April 2016

    li jawtorizzaw ftehimiet u deċiżjonijiet ta' kooperattivi u ta' tipi oħra ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib dwar l-ippjanar tal-produzzjoni

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 219(1) flimkien mal-Artikolu 228 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Is-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib qed jesperjenza perjodu mtawwal ta' żbilanċ serju fis-suq. Il-prezzijiet tal-ħalib mal-ħruġ mill-azjenda agrikola ilhom taħt pressjoni għal dawn l-aħħar 18-il xahar minħabba żbilanċ bejn iż-żieda fil-produzzjoni u t-tnaqqis fir-ritmu fit-tkabbir tad-domanda fis-suq dinji.

    (2)

    Minkejja l-effettività tal-miżuri li diġà ttieħdu mill-Kummissjoni, is-sitwazzjoni qed tkompli sejra għall-agħar minħabba l-fatt li l-għeluq tas-suq Russu u d-domanda baxxa miċ-Ċina laqtu s-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib fi żmien fejn laħqu saru investimenti fil-produzzjoni fid-dawl tal-iskadenza tal-kwota tal-ħalib fil-31 ta' Marzu 2015 u ta' prospetti pożittivi fis-suq dinji. Abbażi tal-analiżi tas-suq disponibbli, fis-sentejn li ġejjin mhux mistenni li jkun hemm xi tnaqqis sinifikanti fil-volumi tal-produzzjoni.

    (3)

    Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/559 (2) jawtorizza lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, l-assoċjazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib tagħhom li jikkonkludu ftehimiet konġunti volontarji u jieħdu deċiżjonijiet komuni dwar l-ippjanar tal-produzzjoni tal-ħalib fuq bażi temporanja għal perjodu ta' sitt xhur. Minħabba li s-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib huwa fil-biċċa l-kbira kkaratterizzat minn strutturi kooperattivi, huwa xieraq li dik l-awtorizzazzjoni, inklużi l-obbligi tan-notifika relatati, jiġu estiżi għal dawk l-entitajiet stabbiliti mill-produtturi tal-ħalib. L-istess japplika għal tipi oħra ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi li ġew stabbiliti mill-produtturi tal-ħalib f'konformità mal-liġi nazzjonali u huma attivi fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib, bil-għan li tiġi mkabbra l-kopertura tal-miżura.

    (4)

    Sabiex tkun żgurata l-effettività ta' dan ir-Regolament, dan għandu jiġi applikat minnufih b'mod parallel mar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/559. Għalhekk, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 209(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/559 għandu japplika mutatis mutandis għal kooperattivi u tipi oħra ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi li ġew stabbiliti mill-produtturi tal-ħalib f'konformità mal-liġi nazzjonali u huma attivi fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-11 ta' April 2016.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

    (2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/559 tal-11 ta' April 2016 li jawtorizza ftehimiet u deċiżjonijiet dwar l-ippjanar tal-produzzjoni fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (ara l-paġna 20 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).


    Top