Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R0479

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/479 tal-1 ta' April 2016 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b'rabta mal-użu tal-glikosidi tal-istevjol (E 960) bħala sustanza li żżid il-ħlewwa f'ċertu xarbiet b'enerġija mnaqqsa jew mingħajr zokkor miżjud (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2016/1794

    ĠU L 87, 2.4.2016, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/479/oj

    2.4.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 87/1


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/479

    tal-1 ta' April 2016

    li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b'rabta mal-użu tal-glikosidi tal-istevjol (E 960) bħala sustanza li żżid il-ħlewwa f'ċertu xarbiet b'enerġija mnaqqsa jew mingħajr zokkor miżjud

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

    (2)

    Din il-lista tista' tiġi aġġornata skont il-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), jew bl-inizjattiva tal-Kummissjoni jew inkella wara talba.

    (3)

    Fil-25 ta' Marzu 2013 tressqet talba għall-awtorizzazzjoni tal-użu tal-glikosidi tal-istevjol (E 960) bħala sustanza li żżid il-ħlewwa f'ċertu xarbiet b'enerġija mnaqqsa jew mingħajr zokkor miżjud, jiġifieri xarbiet fil-kategorija tal-ikel “Oħrajn” 14.1.5.2 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008. Sussegwentement l-applikazzjoni saret disponibbli għall-Istati Membri skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008.

    (4)

    Il-glikosidi tal-istevjol huma kostitwenti b'togħma ħelwa mingħajr kaloriji u jistgħu jintużaw biex jieħdu post iz-zokkor kaloriku f'ċertu xarbiet, biex b'hekk jitnaqqas il-kontenut kaloriku ta' dawk il-prodotti. Konsegwentement, il-glikosidi tal-istevjol jagħtu ħlewwa li dawn ix-xarbiet mingħajr ma jżidu kaloriji mal-prodott finali, u b'hekk il-konsumaturi jistgħu jiġu offruti prodotti b'enerġija mnaqqsa jew mingħajr zokkor miżjud, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008.

    (5)

    Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-Kummissjoni għandha titlob l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (l-“Awtorità”) sabiex taġġorna l-lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel imniżżla fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008.

    (6)

    Fl-2010, l-Awtorità adottat opinjoni xjentifika (3) dwar is-sikurezza tal-glikosidi tal-istevjol għall-użi proposti bħala addittiv tal-ikel (E 960) u stabbiliet Doża Aċċettabbli ta' Kuljum (ADI) ta' 4 mg/kg ta' piż tal-ġisem/jum, espressa bħala ekwivalenti tal-istevjol. Fid-dawl tal-estensjoni proposta ta' użi bħala addittiv tal-ikel, l-Awtorità rrevediet il-valutazzjoni tal-esponiment għall-glikosidi tal-istevjol u esprimiet l-opinjonijiet tagħha fit-2 ta' Mejju 2014 (4) u fit-30 ta' Ġunju 2015 (5). Fir-rigward ta' dawk l-estensjonijiet ta' użi, l-Awtorità kkonkludiet li l-istimi tal-esponiment huma inqas mill-ADI għall-gruppi tal-età kollha, ħlief għat-trabi li jkunu telqu jimxu tal-ogħla firxa tal-istimi ta' livell għoli (il-95 perċentil), f'pajjiż wieħed. Il-kalkoli tal-esponiment, li saru minn Rijksinstituut voor Volksgezondheid en Milieu, urew li l-estensjoni proposta tal-użu ma taffettwax il-95 perċentil ta' esponiment fit-tfal żgħar ta' bejn is-sentejn u s-sitt snin fin-Netherlands u li xorb mhux alkoħoliku u prodotti tal-ħalib iffermentat b'togħmiet miżjuda baqgħu l-kontributuri ewlenin għall-esponiment għall-glikosidi tal-istevjol f'dak il-grupp ta' età.

    (7)

    Meta wieħed iqis li s-sottokategorija tal-ikel 14.1.5.2 tkopri prodotti li m'humiex maħsuba biex jiġu kkunsmati minn tfal żgħar (minn 12-il xahar sa 35 xahar), l-użi proposti u l-livelli tal-użu tal-glikosidi tal-istevjol (E 960) bħala sustanza li tagħti l-ħlewwa mhumiex ta' tħassib għas-siġurtà.

    (8)

    Għalhekk, huwa xieraq li jkun awtorizzat l-użu tal-glikosidi tal-istevjol (E 960) bħala sustanza li żżid il-ħlewwa fix-xorb b'valuri enerġetiċi mnaqqsa jew mingħajr zokkor miżjud fis-subkategorija tal-ikel 14.1.5.2 “Oħrajn”: kafè, te u xarbiet magħmula minn infużjonijiet erbali (b'livell massimu ta' 30 mg/l), kafè istantanju bit-togħma u prodotti tal-kappuċċino istantanju (b'livell massimu ta' 30 mg/l) u xarbiet ibbażati fuq ix-xgħir (malt) u bit-togħma taċ-ċikkulata/kappuċċino (b'livell massimu ta' 20 mg/l).

    (9)

    Għaldaqstant, l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

    (10)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-1 ta' April 2016.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

    (2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1).

    (3)  EFSA Journal 2010;8(4):1537.

    (4)  EFSA Journal 2014;12(5):3639.

    (5)  EFSA Journal 2015;13(6):4146.


    ANNESS

    Il-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 hija emendata kif ġej:

    (1)

    Fis-sottokategorija tal-ikel 14.1.5.2 “Oħrajn”, l-annotazzjonijiet li ġejjin għal E 960 jiddaħħlu wara l-entrata għal E 491-495: esteri tas-Sorbitan:

     

    “E 960

    Il-glikosidi tal-istevjol

    30

    (60) (93)

    kafè, te u xarbiet magħmula minn infużjonijiet erbali, bl-enerġija mnaqqsa jew mingħajr zokkor miżjud

     

    E 960

    Il-glikosidi tal-istevjol

    30

    (60) (93)

    kafè istantanju bit-togħma u prodotti ta' kappuċċino instantanju biss, b'enerġija mnaqqsa jew mingħajr zokkor miżjud

     

    E 960

    Il-glikosidi tal-istevjol

    20

    (60) (93)

    xarbiet ibbażati fuq ix-xgħir u bit-togħma taċ-ċikkulata/kappuċċino, b'valuri enerġetiċi mnaqqsa jew mingħajr zokkor miżjud”

    (2)

    Fis-sottokategorija tal-ikel 14.1.5.2 “Oħrajn”, jiżdiedu n-noti ta' qiegħ il-paġna li ġejjin:

    “(60):

    espressi bħala ekwivalenti tal-istevjol

    (93):

    Il-livell massimu japplika għal prodotti lesti għax-xorb (eż. fil-bottijiet) u t-taħlitiet u l-konċentrati tagħhom wara l-preparazzjoni u lesti għall-konsum.”


    Top