EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R0263

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/263 tal-25 ta' Frar 2016 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-titolu tal-kategorija tal-ikel 12.3 Ħall (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

C/2016/1085

ĠU L 50, 26.2.2016, p. 25–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/263/oj

26.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 50/25


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/263

tal-25 ta' Frar 2016

li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-titolu tal-kategorija tal-ikel 12.3 Ħall

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel, u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2)

Din il-lista tista' tiġi aġġornata skont il-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), jew b'inizjattiva tal-Kummissjoni jew inkella wara talba.

(3)

Il-lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel ġiet stabbilita abbażi tal-addittivi tal-ikel permessi għall-użu fl-ikel skont id-Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/35/KE (3), 94/36/KE (4) u 95/2/KE (5) u wara li ġiet analizzata l-konformità tagħhom mal-Artikoli 6, 7 u 8 tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008. Il-lista tal-Unjoni tinkludi l-addittivi tal-ikel abbażi tal-kategoriji tal-ikel li jistgħu jiżdiedu magħhom.

(4)

Fil-Parti D tal-lista tal-Unjoni, il-kategorija 12 tkopri mluħa, ħwawar, sopop, zlazi, insalati u prodotti tal-proteina u tinkludi s-sottokategorija 12.3 — Ħall. Il-Parti E tal-lista tal-Unjoni tistabbilixxi l-addittivi awtorizzati li ġejjin fil-kategorija tal-ikel 12.3: L-addittivi tal-Grupp I, karamelli (E 150a-d) u dijossidu tal-kubrit — sulfiti (E 220-228) fil-ħall iffermentat biss.

(5)

Aċidu aċetiku (użat ukoll bħala addittiv tal-ikel E 260) meta dilwit bl-ilma (4-30 % bil-volum) jista' jintuża bħala ikel jew ingredjent tal-ikel bl-istess mod bħal ħall minn oriġini agrikola.

(6)

F'xi Stati Membri, il-ħall li jinkiseb mill-fermentazzjoni ta' prodotti agrikoli biss għandu l-permess li jissejjaħ “ħall”. Fi Stati Membri oħra, madankollu, iż-żewġ prodotti miksuba wara li jiġu miżjuda bl-ilma ta' aċidu aċetiku u ħall miksuba mill-fermentazzjoni ta' prodotti agrikoli huma kkummerċjalizzati taħt id-denominazzjoni ta' “ħall”.

(7)

Minn diskussjonijiet mal-Istati Membri fil-Grupp ta' Ħidma ta' Esperti Governattivi dwar l-Addittivi ħareġ li hemm ħtieġa teknoloġika ekwivalenti għal addittivi tal-ikel u ta' aċidu aċetiku dilwit u għal ħall minn oriġini agrikola. Għalhekk, huwa xieraq li jiġi rivedut it-titolu tal-kategorija tal-ikel 12.3 “Ħall” biex jiġi speċifikat li dan jinkludi aċetiku dilwit (mħallat bl-ilma sa 4-30 % bil-volum) li huwa tajjeb għall-konsum mill-bniedem sabiex jiġi żgurat li jkun hemm trasparenza u ċertezza legali dwar l-użu ta' addittivi tal-ikel f'dan l-ikel.

(8)

Id-Database Ewropea Komprensiva dwar il-Konsum tal-Ikel (6) tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) tipprovdi informazzjoni dwar il-konsum tal-ikel madwar l-Unjoni Ewropea. L-istatistika tinkludi d-data dwar il-konsum tal-ikel ta' ħall ta' oriġini agrikola li jitqies meta l-Awtorità twettaq il-valutazzjoni tal-esponiment. Billi l-aċidu aċetiku dilwit jintuża fl-istess mod bħal ħall minn oriġini agrikola, mhuwiex mistenni li l-emenda proposta rigward it-titlu tal-kategorija tal-ikel 12.3 jkollha impatt fuq l-esponiment għal addittivi awtorizzati għall-użu f'dik il-kategorija tal-ikel.

(9)

Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-Kummissjoni trid tfittex li tikseb l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn 'il quddiem “l-Awtorità”) sabiex taġġorna l-lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel stipulata fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, għajr meta l-aġġornament inkwistjoni ma jkunx mistenni li jkollu effett fuq is-saħħa tal-bniedem. Peress li l-inklużjoni tal-użu tal-aċidu aċetiku dilwit fil-kategorija tal-ikel 12.3 fil-Parti E u fil-Parti D tal-lista tal-Unjoni tikkostitwixxi aġġornament ta' dik il-lista li mhux mistenni jħalli effett fuq saħħet il-bniedem, m'hemmx bżonn tintalab l-opinjoni tal-Awtorità.

(10)

Għaldaqstant l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

(11)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Frar 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1).

(3)  Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/35/KE tat-30 ta' Ġunju 1994 dwar is-sustanzi li jagħtu ħlewwa għall-użu f'oġġetti tal-ikel (ĠU L 237, 10.9.1994, p. 3).

(4)  Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/36/KE tat-30 ta' Ġunju 1994 dwar il-kuluri għall-użu fl-ikel (ĠU L 237, 10.9.1994, p. 13).

(5)  Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/2/KE tal-20 ta' Frar 1995 dwar l-addittivi tal-ikel għajr kuluri u sustanzi li jagħtu ħlewwa (ĠU L 61, 18.3.1995, p. 1).

(6)  http://www.efsa.europa.eu/en/datexfoodcdb/datexfooddb.htm


ANNESS

Fil-Parti D u E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 l-annotazzjoni dwar il-kategorija tal-ikel 12.3 tinbidel b'dan li ġejj:

“12.3

Ħall u aċidu aċetiku dilwit (mħallta bl-ilma sa 4-30 % skont il-volum)”


Top