Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R0190

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/190 tat-12 ta' Frar 2016 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1164 li jiffissa l-limitu kwantitattiv għall-esportazzjonijiet taz-zokkor barra mill-kwota sa tmiem is-sena tas-suq 2015/2016 u li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1803

    ĠU L 38, 13.2.2016, p. 3–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/09/2016

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/190/oj

    13.2.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 38/3


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/190

    tat-12 ta' Frar 2016

    li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1164 li jiffissa l-limitu kwantitattiv għall-esportazzjonijiet taz-zokkor barra mill-kwota sa tmiem is-sena tas-suq 2015/2016 u li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1803

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 139(2) u l-punt (g) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 144 tiegħu,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 951/2006 tat-30 ta' Ġunju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 dwar il-kummerċ ma' pajjiżi terzi fis-settur taz-zokkor (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 7e flimkien mal-Artikolu 9(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 139(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, iz-zokkor jew l-isoglukożju prodott matul sena tas-suq li jaqbeż il-kwota msemmija fl-Artikolu 136 ta' dak ir-Regolament jista' jiġi esportat biss fil-limitu kwantitattiv li jrid jiġi stabbilit mill-Kummissjoni.

    (2)

    Ir-Regolament (KE) Nru 951/2006 jistabbilixxi r-regoli dettaljati tal-implimentazzjoni għall-esportazzjonijiet barra mill-kwota.

    (3)

    Għas-sena tas-suq 2015/2016, inizjalment ġie stmat li jekk il-limitu kwantitattiv għall-esportazzjonijiet taz-zokkor barra mill-kwota jiġi ffissat għal 650 000 tunnellata, f'ekwivalent ta' zokkor abjad, dan ikun jikkorrispondi għad-domanda tas-suq. Dan il-limitu kien iffissat bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1164 (3). Madankollu, skont l-aħħar stimi, il-produzzjoni taz-zokkor barra mill-kwota hija mistennija tilħaq l-4 150 000 tunnellata. Għaldaqstant, għandhom jiġu żgurati swieq disponibbli addizzjonali għaz-zokkor barra mill-kwota.

    (4)

    B'kunsiderazzjoni li l-livell massimu tad-WTO għall-esportazzjonijiet għas-sena tas-suq 2015/2016 ma ntużax kollu, huwa xieraq li jiżdied il-limitu kwantitattiv tal-esportazzjoni għaz-zokkor barra mill-kwota b'700 000 tunnellata, sabiex jiġu pprovduti opportunitajiet kummerċjali addizzjonali għall-produtturi taz-zokkor tal-Unjoni.

    (5)

    Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1164 għandu jiġi emendat skont dan.

    (6)

    Biex ikunu jistgħu jitressqu l-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-esportazzjoni li jikkonċernaw il-kwantità addizzjonali taz-zokkor barra mill-kwota, għandha titneħħa s-sospensjoni tat-tressiq tal-applikazzjonijiet stipulata fl-Artikolu 1(3) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1803 (4).

    (7)

    Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1803 għandu jiġi emendat skont dan.

    (8)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fl-Artikolu 1 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1164, il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

    “1.   Għas-sena tas-suq 2015/2016, il-limitu kwantitattiv imsemmi fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 139(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandu jkun ta' 1 350 000 tunnellata għall-esportazzjonijiet mingħajr rifużjoni ta' zokkor abjad barra mill-kwota kklassifikat fil-kodici NM 1701 99.”

    Artikolu 2

    Fl-Artikolu 1 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1803, jitħassar il-paragrafu 3.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fi jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha..

    Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Frar 2016.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

    (2)  ĠU L 178, 1.7.2006, p. 24.

    (3)  Ir- Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1164 tal-15 ta' Lulju 2015 li jiffissal-limitu kwantitattiv għall-esportazzjonijiet taz-zokkor u l-isoglukożju barra mill-kwota sa tmiem is-sena tas-suq 2015/2016 (ĠU L 188, 16.7.2015, p. 28).

    (4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1803 tas-7 ta' Ottubru 2015 li jistabbilixxi perċentwali ta' aċċettazzjoni għall-ħruġ tal-liċenzji tal-esportazzjoni, li jirrifjuta l-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-esportazzjoni u li jissospendi t-tressiq tal-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-esportazzjoni għal zokkor barra mill-kwota (ĠU L 263, 8.10.2015, p. 31).


    Top