EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32016R0137
Commission Implementing Regulation (EU) 2016/137 of 26 January 2016 concerning the classification of certain goods in the Combined Nomenclature
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/137 tas-26 ta' Jannar 2016 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/137 tas-26 ta' Jannar 2016 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda
ĠU L 27, 3.2.2016, p. 1–4
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
3.2.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 27/1 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/137
tas-26 ta' Jannar 2016
dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,
Billi:
(1) |
Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa meħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament. |
(2) |
Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata fuqha b'mod parzjali jew bis-sħiħ, jew li żżid kwalunkwe sottodiviżjoni magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati t-tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti. |
(3) |
Skont dawn ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella mogħtija fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna (2), għar-raġunijiet stipulati fil-kolonna (3) tal-istess tabella. |
(4) |
Huwa xieraq li jiġi previst li l-informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa fir-rigward tal-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tkun tista' tibqa' tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (2). Dak il-perjodu għandu jkun ta' tliet xhur. |
(5) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella mogħtija fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.
Artikolu 2
L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tkunx konformi ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Jannar 2016.
Għall-Kummissjoni,
F'isem il-President,
Stephen QUEST
Direttur Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).
ANNESS
Deskrizzjoni tal-prodotti |
Klassifikazzjoni (Kodiċi NM) |
Raġunijiet |
(1) |
(2) |
(3) |
Oġġett li jikkonsisti minn biċċa materjal tessili rettangolari trasparenti magħmula minn drapp ta' fibri sintetiċi u minsuġa bil-labar b'mod magħluq, minn virga tal-plastik u minn mekkaniżmu ta' romblu magħmul mill-plastik u mill-metall. Fuq naħa waħda, id-drapp huwa mwaħħal mal-mekkaniżmu ta' romblu ddisinjat biex jeħel b'mod permanenti mal-panil tal-bieba ta' mudell speċifiku ta' vettura bil-mutur. Fuq in-naħa l-oħra, id-drapp huwa mwaħħal mal-virga tal-plastik, li għandha mekkaniżmu għat-twaħħil li tippermetti li din titwaħħal mal-qafas tat-tieqa tal-vettura bil-mutur meta d-drapp irrumblat jinfetaħ biex jipprovdi protezzjoni kontra x-xemx. Dan l-oġġett ma jgħattix il-ħġieġa kollha tat-tieqa. (Ara l-istampi) (*) |
6303 12 00 |
Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda (GIR), in-Nota 7(f) tas-Sezzjoni XI u mit-test tal-kodiċijiet NM 6303 , 6303 12 u 6303 12 00 . Il-klassifikazzjoni taħt il-kodiċi NM 8708 29 90 bħala parti jew aċċessorju ta' karrozzeriji ta' vetturi bil-mutur tal-intestatura 8703 hija eskluża, minħabba li l-oġġett mhuwiex indispensabbli għall-funzjonament tal-vettura bil-mutur u lanqas ma jadatta l-vettura għal operazzjoni partikolari, jew iżid il-firxa tagħha ta' operazzjonijiet, u lanqas ma jippermetti li din twettaq servizz partikolari b'rabta mal-funzjoni prinċipali tagħha (ara l-Kawża C-152/10, Unomedical, ECLI:EU:C:2011:402, il-paragrafi 29 u 36). Minħabba l-fatt li l-oġġett huwa ddisinjat biex jitwaħħal b'mod permanenti mal-panil tal-bieba ta' vettura speċifika bil-mutur (hemm inċiżjoni fil-panil tal-bieba), u minħabba li ma jistax jitneħħa u jitwaħħal mal-ħġieġ ta' twieqi oħra, dan huwa blind ta' ġewwa tal-intestatura 6303 . Barra minn hekk, oġġetti komparabbli bħal blinds tat-twieqi tal-vaguni tal-ferroviji huma wkoll koperti mill-intestatura 6303 (ara wkoll in-Noti ta' Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata għall-intestatura 6303 , l-ewwel paragrafu, punt (2)). Dan l-oġġett huwa blind magħmul minn materjal tessili tas-Sezzjoni XI u mhux blind tal-plastik tas-subintestatura 3925 30 00 għax il-materjali tal-plastik iservu biss għal finijiet ta' twaħħil. Dan l-oġġett huwa magħmul minn partijiet ta' materjal tessili, tal-plastik u tal-metall. Għalhekk huwa oġġett maħdum. Għaldaqstant l-oġġett għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 6303 12 00 bħala blind ta' ġewwa minsuġ magħmul minn fibri sintetiċi. |
|
|
|
|
(*) L-istampi huma biss għal finijiet ta' informazzjoni.