This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32016L1065
Council Directive (EU) 2016/1065 of 27 June 2016 amending Directive 2006/112/EC as regards the treatment of vouchers
Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/1065 tas-27 ta' Ġunju 2016 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tat-trattament tal-vawċers
Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/1065 tas-27 ta' Ġunju 2016 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tat-trattament tal-vawċers
ĠU L 177, 1.7.2016, pp. 9–12
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
1.7.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 177/9 |
DIRETTIVA TAL-KUNSILL (UE) 2016/1065
tas-27 ta' Ġunju 2016
li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tat-trattament tal-vawċers
IL-KUNSILL TAL UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),
Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,
Billi:
|
(1) |
Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (3) tistabbilixxi r-regoli dwar il-ħin u l-post tal-forniment ta' oġġetti u servizzi, l-ammont taxxabbli, l-imponibilità tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u d-dritt għal tnaqqis. Madankollu, dawk ir-regoli mhumiex ċari jew kompluti biżżejjed sabiex jiżguraw il-konsistenza fit-trattament tat-taxxa ta' tranżazzjonijiet li jinvolvu vawċers, sa punt li għandu konsegwenzi mhux mixtieqa għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern. |
|
(2) |
Biex jiġi żgurat trattament ċert u uniformi, sabiex ikun konsistenti mal-prinċipji ta' taxxa ġenerali fuq il-konsum li tkun eżattament proporzjonata mal-prezz tal-oġġetti u s-servizzi, biex jiġu evitati l-inkonsistenzi, id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, it-tassazzjoni doppja jew in-nontassazzjoni u biex jitnaqqas ir-riskju tal-evażjoni tat-taxxa, hemm il-ħtieġa għal regoli speċifiċi li japplikaw għat-trattament tal-vawċers għall-finijiet tal-VAT. |
|
(3) |
Fid-dawl tar-regoli l-ġodda dwar il-post tal-forniment ta' servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir u servizzi pprovduti elettronikament li huma applikabbli mill-1 ta' Jannar 2015, soluzzjoni komuni għal vawċers hija meħtieġa biex jiġi żgurat li ma jseħħux diskrepanzi fir-rigward ta' vawċers fornuti bejn Stati Membri. Għal dan l-għan, huwa essenzjali li jiġu stabbiliti regoli li jiċċaraw it-trattament tal-vawċers għall-finijiet tal-VAT. |
|
(4) |
Huma biss dawk il-vawċers li jistgħu jintużaw biex jissarrfu f'oġġetti jew servizzi li għandhom ikunu fil-mira ta' dawn ir-regoli. Madanakollu, strumenti li jintitolaw lit-titolar għal skont fuq xiri ta' oġġetti jew servizzi iżda li ma jagħtu l-ebda dritt li wieħed jirċievi tali oġġetti jew servizzi, m'għandhomx ikunu fil-mira ta' dawn ir-regoli. |
|
(5) |
Id-dispożizzjonijiet dwar il-vawċers ma għandhom iwasslu għal ebda bidla fit-trattament għall-finijiet tal-VAT ta' biljetti tat-trasport, biljetti tad-dħul f'ċinemas u mużewijiet, bolol tal-posta jew affarijiet simili. |
|
(6) |
Sabiex jiġi identifikat b'mod ċar x'jikkostittwixxi vawċer għall-finijiet tal-VAT u biex issir distinzjoni bejn il-vawċers u l-istrumenti tal-ħlas, huwa meħtieġ li l-vawċers, li jista' jkollhom forma fiżika jew elettronika, jiġu definiti, b'mod li jiġu rikonoxxuti l-attributi essenzjali tagħhom, partikolarment in-natura tad-dritt marbut ma' vawċer u l-obbligu li jiġi aċċettat bħala korrispettiv għall-forniment tal-oġġetti jew servizzi. |
|
(7) |
It-trattament għall-finijiet tal-VAT tat-tranżazzjonijiet assoċjati mal-vawċers huwa dipendenti fuq il-karatteristiċi speċifiċi tal-vawċer. Għalhekk, huwa neċessarju li wieħed jiddistingwi bejn it-tipi differenti ta' vawċers u d-distinzjonijiet jinħtieġ li jiġu stipulati fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. |
|
(8) |
Fejn it-trattament għall-finijiet tal-VAT attribwibbli għall-forniment sottostanti ta' oġġetti jew servizzi jista' diġà jiġi determinat b'ċertezza meta jinħareġ vawċer b'użu uniku, il-VAT għandha tiġi imposta fuq kull trasferiment, inkluż fuq il-ħruġ tal-vawċer b'użu uniku. L-għoti nnifsu tal-oġġetti jew il-forniment innifsu tas-servizzi bi skambju għal vawċer b'użu uniku m'għandux jitqies bħala tranżazzjoni independenti. Għal vawċers b'użi multipli, huwa meħtieġ li jiġi ċċarat li l-VAT għandha tiġi imposta meta l-oġġetti jew is-servizzi li jirreferi għalihom il-vawċer jiġu fornuti. F'dan l-isfond, l-ebda trasferiment minn qabel ta' vawċers b'użi multipli m'għandu jkun soġġett għall-VAT. |
|
(9) |
Għall-vawċers b'użu uniku suxxettibbli li jiġu intaxxati mat-trasferiment, inkluż fuq il-ħruġ tal-vawċer b'użu uniku, minn persuna taxxabbli li taġixxi f'isimha stess, kull trasferiment, inkluż fuq il-ħruġ ta' dak il-vawċer, jiġi meqjus li huwa l-forniment tal-oġġetti jew tas-servizzi li jirreferi għalihom il-vawċer b'użu uniku. Tali persuna taxxabbli f'dak il-każ teħtieġ li tikkontabilizza l-VAT fuq il-korrispettiv riċevut għal vawċer b'użu uniku skont l-Artikolu 73 tad-Direttiva2006/112/KE. Fejn, min-naħa l-oħra, il-vawċers b'użu uniku jinħarġu jew jitqassmu minn persuna taxxabbli li taġixxi f'isem persuna oħra, dik il-persuna taxxabbli ma titqiesx li hija parteċipanti fil-forniment sottostanti. |
|
(10) |
Huma biss is-servizzi tal-intermedjarju jew il-forniment separat ta' servizzi, bħas-servizzi ta' distribuzzjoni jew promozzjoni, li jkunu soġġetti għall-VAT. Għaldaqstant, fejn persuna taxxabbli li mhijiex qed taġixxi f'isimha stess tirċievi kwalunkwe korrispettiv separat fuq it-trasferiment ta' vawċer, dak il-korrispettiv għandu jkun taxxabbli skont l-arranġamenti normali tal-VAT. |
|
(11) |
Fil-każ ta' vawċers b'użi multipli, sabiex jiġi żgurat li l-ammont tal-VAT imħallas, fir-rigward ta' vawċers b'użi multipli fejn il-VAT fuq il-forniment sottostanti ta' oġġetti jew servizzi hija imposta biss malli l-vawċer jissarraf ikun preċiż, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 73 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-fornitur tal-oġġetti jew is-servizzi għandu jikkontabilizza l-VAT abbażi tal-korrispettiv imħallas tal-vawċer b'użi multipli. Fin-nuqqas ta' tali informazzjoni, l-ammont taxxabbli għandu jkun daqs il-valur monetarju indikat fuq il-vawċer b'użi multipli nnifsu jew f'dokumentazzjoni relatata, li minnu jitnaqqas l-ammont tal-VAT relatat mal-oġġetti jew is-servizzi fornuti. Fejn vawċer b'użi multipli jintuża parzjalment fir-rigward tal-forniment ta' oġġetti jew servizzi, l-ammont taxxabbli għandu jkun daqs il-parti korrispondenti tal-korrispettiv jew il-valur monetarju, li minnu jitnaqqas l-ammont tal-VAT relatat mal-oġġetti jew is-servizzi fornuti. |
|
(12) |
Din id-Direttiva ma għandhiex fil-mira s-sitwazzjonijiet fejn vawċer b'użi multipli ma jiġix imsarraf mill-konsumatur finali matul il-perijodu tal-validità tiegħu, u l-korrispettiv riċevut għal dan il-vawċer jinżamm mill-bejjiegħ. |
|
(13) |
Peress li l-objettivi ta' din id-Direttiva, jiġifieri s-simplifikazzjoni, il-modernizzar u l-armonizzazzjoni tar-regoli dwar il-VAT ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u, għalhekk, jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi. |
|
(14) |
F'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni, l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jakkumpanjaw, f'każijiet iġġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom b'dokument wieħed jew aktar li jispjega r-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti nazzjonali ta' traspożizzjoni. Rigward din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trasmissjoni ta' dawn id-dokumenti hija ġustifikata. |
|
(15) |
Id-dispożizzjonijiet dwar it-trattament tal-vawċers għall-finijiet tal-VAT għandhom japplikaw biss għall-vawċers maħruġin wara l-31 ta' Diċembru 2018 u huma mingħajr preġudizzju għall-validità tal-leġiżlazzjoni u l-interpretazzjoni adottati qabel mill-Istati Membri. |
|
(16) |
Għaldaqstant id-Direttiva 2006/112/KE għandha tiġi emendata skont dan, |
ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Id-Direttiva 2006/112/KE hija emendata kif ġej:
|
(1) |
Fit-Titolu IV, jiddaħħal il-Kapitolu li ġej: “KAPITOLU 5 Dispożizzjonijiet komuni għall-Kapitoli 1 u 3 Artikolu 30a Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
Artikolu 30b 1. Kull trasferiment ta' vawċer b'użu uniku magħmul minn persuna taxxabbli li taġixxi f'isimha stess għandu jitqies bħala forniment tal-oġġetti jew is-servizzi li għalihom jirreferi l-vawċer. L-għoti nnifsu tal-oġġetti jew il-forniment innifsu tas-servizzi bi skambju għal vawċer b'użu uniku aċċettat bħala korrispettiv jew parzjalment korrispettiv mill-fornitur ma għandux jitqies bħala tranżazzjoni independenti. Fejn trasferiment ta' vawċer b'użu uniku jsir minn persuna taxxabbli li taġixxi f'isem persuna taxxabbli oħra, dak it-trasferiment għandu jitqies bħala forniment tal-' oġġetti jew is-servizzi li għalihom jirreferi l-vawċer magħmul mill-persuna t-taxxabbli l-oħra li l-persuna taxxabbli qed taġixxi f'isimha. Fejn il-fornitur ta' oġġetti jew servizzi ma jkunx il-persuna taxxabbli li, waqt li tkun qed taġixxi f'isimha stess, tkun ħarġet il-vawċer b'użu uniku, dak il-fornitur għandu madankollu jitqies li jkun ipprovda l-oġġetti jew is-servizzi relatati ma' dak il-vawċer lil dik il-persuna taxxabbli. 2. L-għoti nnifsu tal-oġġetti jew il-forniment innifsu tas-servizzi bi skambju għal vawċer b'użi multipli aċċettat bħala korrispettiv jew parzjalment korrispettiv mill-fornitur għandu jkun soġġett għall-VAT bis-saħħa tal-Artikolu 2, filwaqt li kull trasferiment preċedenti ta' dak il-vawċer b'użi multipli ma għandux ikun soġġett għall-VAT. Meta trasferiment ta' vawċer b'użi multipli isir minn persuna taxxabbli li ma tkunx il-persuna taxxabbli li twettaq it-tranżazzjoni soġġetta għall-VAT skont l-ewwel subparagrafu, kull forniment ta' servizzi li jista' jiġi identifikat, bħal servizzi ta' distribuzzjoni jew promozzjoni, għandu jkun soġġett għall-VAT.”. |
|
(2) |
Jiddaħħal l-Artikolu li ġej: “Artikolu 73a Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 73, l-ammont taxxabbli tal-provvista tal-oġġetti jew is-servizzi pprovduti fir-rigward ta' vawċer b'użi multipli għandu jkun daqs il-korrispettiv imħallas għall-vawċer jew, meta ma jkunx hemm informazzjoni dwar dak il-korrispettiv, il-valur monetarju indikat fuq il-vawċer b'użi multipli nnifsu jew fid-dokumentazzjoni relatata, li minnu jitnaqqas l-ammont tal-VAT relatat mal-oġġetti jew is-servizzi fornuti.”. |
|
(3) |
Fit-Titolu XV, għandu jiddaħħal il-Kapitolu li ġej: “KAPITOLU 2a Miżuri tranżizzjonali għall-applikazzjoni ta' leġiżlazzjoni ġdida Artikolu 410a L-Artikoli 30a, 30b u 73a għandhom japplikaw biss għal vawċers maħruġa wara l-31 ta' Diċembru 2018. Artikolu 410b Sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2022, il-Kummissjoni għandha, abbażi ta' informazzjoni miksuba mill-Istati Membri, tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta' valutazzjoni dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva fir-rigward tat-trattament tal-vawċers għall-finijiet tal-VAT, b'mod partikolari fir-rigward tad-definizzjoni ta' vawċers, ir-regoli tal-VAT rigward it-tassazzjoni tal-vawċers fil-katina tad-distribuzzjoni u l-vawċers li ma jkunux issarfu, akkumpanjat fejn meħtieġ bi proposta adatta biex jiġu emendati r-regoli rilevanti.”. |
Artikolu 2
1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2018, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.
Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill- 1 ta' Jannar 2019.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 3
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fil-Lussemburgu, is-27 ta' Ġunju 2016.
Għall-Kunsill
Il-President
M.H.P. VAN DAM
(1) ĠU C 45, 5.2.2016, p. 173.
(2) ĠU C 11, 15.1.2013, p. 27.
(3) Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).