Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016L0856

Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/856 tal-25 ta' Mejju 2016 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud, fir-rigward tal-perjodu tal-obbligu li tkun rispettata rata standard minima

ĠU L 142, 31.5.2016, p. 12–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2016/856/oj

31.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 142/12


DIRETTIVA TAL-KUNSILL (UE) 2016/856

tal-25 ta' Mejju 2016

li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud, fir-rigward tal-perjodu tal-obbligu li tkun rispettata rata standard minima

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)

L-Artikolu 97 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (3) jipprevedi li mill-1 ta' Jannar 2011 sal-31 ta' Diċembru 2015 ir-rata standard ta' taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) ma tistax tkun inqas minn 15 %.

(2)

Ir-rata standard ta' VAT fis-seħħ bħalissa fl-Istati Membri, flimkien mal-mekkaniżmu tas-sistema tranżizzjonali, żgurat li s-sistema tal-VAT iffunzjonat b'mod aċċettabbli. B'regoli ġodda dwar il-post tal-forniment tas-servizzi li jiffavorixxu t-tassazzjoni fil-post tal-konsum, il-possibbiltajiet li jiġu sfruttati d-differenzi fir-rati tal-VAT permezz tar-rilokazzjoni ġew limitati aktar u tnaqqsu wkoll id-distorsjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni.

(3)

Sabiex id-diverġenzi eċċessivi fir-rati standard tal-VAT applikati mill-Istati Membri ma jwasslux għal żbilanċi strutturali fl-Unjoni u għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni f'xi setturi ta' attività, fil-qasam tat-taxxi indiretti hija prattika komuni li jiġu stabbiliti rati minimi. Ikun għadu prudenti li dan isir għall-VAT.

(4)

Fid-dawl tad-diskussjoni attwali dwar il-fattezzi tar-reġim definittiv tal-VAT għall-kummerċ intra-Unjoni, ikun prematur li tiġi stabbilita rata standard ta' VAT jew li jitqies li tinbidel ir-rata minima tal-VAT.

(5)

Għalhekk jixraq li tinzamm ir-rata standard minima attwali ta' 15 % għal perjodu li jkun twil biżżejjed biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, filwaqt li tiġi permessa r-reviżjoni ulterjuri.

(6)

Iż-żamma tar-rata standard minima attwali ma tipprekludix li ssir reviżjoni ulterjuri tal-leġiżlazzjoni tal-VAT qabel il-31 ta' Diċembru 2017 biex tindirizza l-introduzzjoni ta' reġim definittiv tal-VAT għall-kummerċ intra-Unjoni.

(7)

Sabiex ikun żgurat li l-applikazzjoni tar-rata standard minima stabbilita mid-Direttiva 2006/112/KE ma tiġix interrotta, jeħtieġ li din id-Direttiva tapplika mill-1 ta' Jannar 2016.

(8)

Għalhekk, id-Direttiva 2006/112/KE għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Artikolu 97 tad-Direttiva 2006/112/KE huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 97

Mill-1 ta' Jannar 2016 sal-31 ta' Diċembru 2017, ir-rata standard ma tistax tkun inqas minn 15 %.”

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sal-1 ta' Awwissu 2016. Huma għandhom jinformaw lill-Kummissjoni minnufih dwarhom.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ghandhom ikunu akkumpanjati b'tali referenza fil-mument tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Mejju 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

J.R.V.A. DIJSSELBLOEM


(1)  Opinjoni tat-12 ta' April 2016 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tas-17 ta' Frar 2016 (ĠU C 133, 14.4.2016, p. 23).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).


Top