This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32016H0136
Commission Recommendation (EU) 2016/136 of 28 January 2016 on the implementation of measures against tax treaty abuse (notified under document C(2016) 271)
Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/136 tat-28 ta' Jannar 2016 dwar l-implimentazzjoni ta' miżuri kontra l-abbuż ta' trattat dwar it-taxxa (notifikata bid-dokument C(2016) 271)
Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/136 tat-28 ta' Jannar 2016 dwar l-implimentazzjoni ta' miżuri kontra l-abbuż ta' trattat dwar it-taxxa (notifikata bid-dokument C(2016) 271)
ĠU L 25, 2.2.2016, pp. 67–68
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
2.2.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 25/67 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/136
tat-28 ta' Jannar 2016
dwar l-implimentazzjoni ta' miżuri kontra l-abbuż ta' trattat dwar it-taxxa
(notifikata bid-dokument C(2016) 271)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
It-trattati dwar it-taxxa għandhom rwol importanti biex iħeġġu l-effiċjenza tal-kummerċ transfruntier billi jtejbu ċ-ċertezza għall-kontribwenti tat-taxxa fir-rigward tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom. Meta l-Istati Kontraenti jidħlu fi trattat dwar it-taxxa, dawn ikunu qed jaqblu li jattribwixxu d-drittijiet tal-intaxxar bejniethom bil-ħsieb li jeliminaw it-tassazzjoni doppja u b'hekk irawmu l-attività ekonomika u t-tkabbir. It-trattati dwar it-taxxa ma għandhomx joħolqu opportunitajiet ta' nontassazzjoni jew ta' tnaqqis fit-tassazzjoni permezz ta' għażla opportunistika tat-trattat jew strateġiji abbużivi oħra li jħarbtu l-iskop ta' dawn il-konvenzjonijiet u jxekklu d-dħul mit-taxxa tal-Istati Kontraenti. Il-Kummissjoni Ewropea tagħti l-appoġġ sħiħ tagħha għall-isforzi biex jiġi indirizzat l-abbuż ta' trattat dwar it-taxxa. |
|
(2) |
Wara l-ħruġ tar-rapport “Nindirizzaw l-Erożjoni tal-Bażi u Trasferiment tal-Profitt” (BEPS) fi Frar 2013, l-OECD u l-pajjiżi tal-G20 f'Settembru 2013 adottaw Pjan ta' Azzjoni bi 15-il punt biex tiġi indirizzata l-BEPS. Bħala riżultat tal-azzjoni konġunta, ġew ippubblikati r-rapporti finali dwar l-Azzjoni 6 (il-prevenzjoni tal-għoti ta' benefiċċji fit-Trattat f'ċirkostanzi mhux xierqa) u l-Azzjoni 7 (il-prevenzjoni tal-evitar artifiċjali tal-istatus ta' stabbiliment permananenti) f'Ottubru 2015. Iż-żewġ rapporti jipproponu tibdiliet fil-Mudell ta' Konvenzjoni Fiskali tal-OECD u tibdiliet biex jiġu inklużi fl-istrument multilaterali li jimplimenta r-riżultati tal-ħidma dwar il-kwistjonijiet marbuta mat-trattat sal-aħħar tal-2016, skont il-mandat tal-Proġett OECD-G20. Meħudin flimkien, il-bidliet proposti fiż-żewġ rapporti huma intiżi li jippermettu lill-pajjiżi jindirizzaw it-tħassib dwar il-BEPS marbuta mat-trattati tagħhom dwar it-taxxa. |
|
(3) |
Ir-rapport finali dwar l-Azzjoni 6 jidentifika l-abbuż ta' trattat dwar it-taxxa, u b'mod partikolari, l-abbuż b'għażla opportunistika tat-trattat, bħala sors importanti ta' tħassib tal-BEPS u jipproponi approċċ ibbażat fuq tipi differenti ta' salvagwardji kontra tali abbuż tad-dispożizzjonijiet tat-trattat u ċertu grad ta' flessibbiltà dwar kif jistgħu jintużaw. Minbarra li jissuġġerixxi kjarifika li t-trattati dwar it-taxxa mhumiex intiżi biex joħolqu opportunitajiet għal nontassazzjoni doppja, ir-rapport jirrakkomanda, fost affarijiet oħra, l-inklużjoni ta' strument multilaterali ta' regola ġenerali kontra l-abbużi bbażata fuq “test tal-għan prinċipali” (PPT) tat-tranżazzjonijiet jew tal-arranġamenti. |
|
(4) |
B'mod partikolari r-rapport finali dwar l-Azzjoni 7 jiddistingwi l-arranġamenti kummissjonjarji u l-isfruttament tal-eċċezzjonijiet speċifiċi tad-definizzjoni ta' stabbiliment permanenti (PE) bħala l-aktar tip komuni ta' strateġiji biex tiġi evitata b'mod artifiċjali l-preżenza taxxabbli fil-forma ta' PE. L-arranġamenti kummissjonjarji tipikament jieħdu vantaġġ tal-approċċ relattivament formali tal-Artikolu 5(5) attwali tal-Mudell ta' Konvenzjoni Fiskali tal-OECD rigward il-konklużjoni ta' kuntratti ta' bejgħ. L-eċċezzjonijiet speċifiċi tad-definizzjoni ta' PE applikabbli għal attivitajiet ta' natura preparatorja jew awżiljari, minbarra li huma vulnerabbli għall-abbuż permezz ta' strateġiji bbażati fuq attivitajiet frammentati, mhumiex attrezzati tajjeb biex jittrattaw mudelli ta' negozju tal-ekonomija diġitali. Għalhekk ir-rapport jipproponi tibdiliet fl-Artikolu 5 tal-Mudell ta' Konvenzjoni Fiskali tal-OECD biex issir aktar b'saħħitha kontra strutturi artifiċjali li jevitaw l-applikazzjoni tagħha. |
|
(5) |
Huwa essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern li l-Istati Membri jkunu kapaċi joperaw sistemi ta' taxxa effikaċi u ma jħallux li l-bażijiet tat-taxxa tagħhom jiddeterjoraw bla bżonn minħabba n-nontassazzjoni involontarja u l-abbuż, u li s-soluzzjonijiet li jipproteġu l-bażijiet tat-taxxa tagħhom ma joħolqux diskrepanzi bla bżonn u distorsjonijiet tas-suq. |
|
(6) |
Bl-istess mod huwa importanti li l-miżuri li l-Istati Membri jużaw biex jimplimentaw l-impenji li jkunu ħadu skont il-BEPS ikunu konformi mal-istandards miftiehma mal-Unjoni sabiex jipprovdu ċertezza legali kemm għall-kontribwenti kif ukoll għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa. |
|
(7) |
Skont kif issuġġerixxa r-rapport finali dwar l-Azzjoni 6, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-konformità mal-liġi tal-UE, ir-regola ġenerali kontra l-abbuż, ibbażata fuq it-test tal-għan prinċipali, teħtieġ li tiġi allinjata mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-abbuż tad-dritt, |
ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:
1. SUĠĠETT U KAMP TA' APPLIKAZZJONI
Din ir-Rakkomandazzjoni tindirizza l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea tal-miżuri kontra l-abbuż ta' trattat dwar it-taxxa.
2. REGOLA ĠENERALI KONTRA L-EVITAR TAT-TAXXA BBAŻATA FUQ TEST TAL-GĦAN PRINĊIPALI (PPT)
Meta l-Istati Membri, fit-trattati dwar it-taxxa li jikkonkludu bejniethom jew ma' pajjiżi terzi, jinkludu regola ġenerali kontra l-evitar tat-taxxa bbażata fuq test tal-għan prinċipali skont il-mudell previst fil-Mudell ta' Konvenzjoni Fiskali tal-OECD, l-Istati Membri huma mħeġġa li jdaħħlu fihom il-modifika li ġejja:
“Minkejja d-dispożizzjonijiet l-oħra ta' din il-Konvenzjoni, ma għandux jingħata benefiċċju skont din il-Konvenzjoni fir-rigward ta' element ta' introjtu jew kapital jekk ikun raġonevolment konkluż, wara li jkunu tqiesu l-fatti u ċ-ċirkostanzi kollha rilevanti, li l-ksib ta' dan il-benefiċċju kien wieħed mill-iskopijiet prinċipali ta' xi arranġament jew tranżazzjoni li tirriżulta direttament jew indirettament f'dan il-benefiċċju, sakemm ma jiġix stabbilit li dan jirrifletti attività ekonomika ġenwina jew li l-għoti ta' dak il-benefiċċju f'dawn iċ-ċirkostanzi ikun f'konformità mal-għan u l-fini tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta' din il-Konvenzjoni.”
3. DEFINIZZJONI TA' STABBILIMENT PERMANENTI (PE)
L-Istati Membri huma mħeġġa, fi trattati dwar it-taxxa li jikkonkludu bejniethom jew ma' pajjiżi terzi, biex jimplimentaw u jużaw id-dispożizzjonijiet ġodda proposti għall-Artikolu 5 tal-Mudell ta' Konvenzjoni Fiskali tal-OECD biex jindirizzaw l-evitar artifiċjali tal-istatus ta' stabbiliment permanenti kif stabbilit fir-rapport finali dwar l-Azzjoni 7 tal-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u t-Trasferiment tal-Profitti (BEPS).
4. SEGWITU
L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda sabiex jikkonformaw ma' din ir-Rakkomandazzjoni, kif ukoll dwar kwalunkwe bidliet li jsiru f'dawn il-miżuri.
Il-Kummissjoni se tippubblika rapport dwar l-applikazzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni fi żmien tliet snin mill-adozzjoni tagħha.
5. INDIRIZZATI
Din ir-rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Jannar 2016.
Għall-Kummissjoni
Pierre MOSCOVICI
Membru tal-Kummissjoni