Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D2311

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/2311 tat-8 ta' Diċembru 2016 li tawtorizza lil ċerti Stati Membri li jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni tal-Każakistan mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri

ĠU L 345, 20.12.2016, pp. 53–55 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/2311/oj

20.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 345/53


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/2311

tat-8 ta' Diċembru 2016

li tawtorizza lil ċerti Stati Membri li jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni tal-Każakistan mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 81(3), flimkien mal-Artikolu 218 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

L-Unjoni Ewropea stabbiliet bħala wieħed mill-għanijiet tagħha l-promozzjoni tal-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, kif iddikjarat fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Miżuri għall-protezzjoni tat-tfal kontra t-teħid jew iż-żamma b'mod illeċitu huma parti essenzjali minn dik il-politika.

(2)

Il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 2201/2003 (2) (“ir-Regolament Brussell IIa”), li għandu l-għan li jħares it-tfal mill-effetti dannużi tat-teħid jew taż-żamma illegali u li jistabbilixxi proċeduri biex jiżgura r-ritorn rapidu tagħhom lejn l-istat tar-residenza abitwali tagħhom, kif ukoll li jiżgura l-ħarsien tad-drittijiet tal-aċċess u d-drittijiet tal-kustodja.

(3)

Ir-Regolament Brussell IIa jikkumplimenta u jirrinforza l-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri (“il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980”) li tistabbilixxi, fil-livell internazzjonali, sistema ta' obbligi u kooperazzjoni fost l-istati kontraenti u bejn l-awtoritajiet ċentrali u għandha l-għan li tiżgura r-ritorn minnufih ta' tfal li jittieħdu jew jinżammu b'mod illeċitu.

(4)

L-Istati Membri kollha tal-Unjoni huma parti għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980.

(5)

L-Unjoni tinkoraġġixxi lil stati terzi biex jaċċedu għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 u tappoġġa l-implimentazzjoni korretta tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 billi tieħu sehem, flimkien mal-Istati Membri, fost oħrajn, fil-kummissjonijiet speċjali organizzati fuq bażi regolari mill-Konferenza tal-Aja dwar id-dritt internazzjonali privat.

(6)

Qafas legali komuni applikabbli bejn l-Istati Membri tal-Unjoni u stati terzi jista' jkun l-aħjar soluzzjoni għal każijiet sensittivi ta' ħtif internazzjonali ta' minuri.

(7)

Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 tistipula li hija tapplika bejn l-istat aderenti u tali stati kontraenti li jkunu ddikjaraw li aċċettaw l-adeżjoni.

(8)

Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 ma tippermettix li organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika bħall-Unjoni jsiru parti għaliha. Għalhekk, l-Unjoni la tista' taderixxi mal-Konvenzjoni, u lanqas ma tista' tressaq dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni ta' stat aderenti.

(9)

Skont l-Opinjoni 1/13 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, id-dikjarazzjonijiet ta' aċċettazzjoni skont il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 huma parti mill-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni.

(10)

Il-Każakistan iddepożita l-istrument tal-adeżjoni tiegħu mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 fit-3 ta' Ġunju 2013. Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 daħlet fis-seħħ għall-Każakistan fl-1 ta' Settembru 2013.

(11)

Ir-Renju tan-Netherlands biss diġà aċċetta l-adeżjoni tal-Każakistan mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980. Valutazzjoni tas-sitwazzjoni fil-Każakistan wasslet għall-konklużjoni li dawk l-Istati Membri li għadhom ma aċċettawx l-adeżjoni tal-Każakistan, jinsabu f'pożizzjoni li jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni, l-adeżjoni tal-Każakistan skont it-termini tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980.

(12)

L-Istati Membri li għadhom ma aċċettawx l-adeżjoni tal-Każakistan għalhekk jenħtieġ li jkunu awtorizzati li jiddepożitaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni tal-Każakistan fl-interess tal-Unjoni skont it-termini stipulati f'din id-Deċiżjoni. Ir-Renju tan-Netherlands li diġà aċċetta l-adeżjoni tal-Każakistan mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 ma għandux jiddepożita dikjarazzjoni ġdida ta' aċċettazzjoni billi d-dikjarazzjoni eżistenti tibqa' valida skont il-liġi internazzjonali pubblika.

(13)

Ir-Renju Unit u l-Irlanda huma marbutin bir-Regolament Brussell IIa u qed jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

(14)

B'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan huma b'dan awtorizzati li jaċċettaw l-adeżjoni tal-Każakistan mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri (“il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980”) fl-interess tal-Unjoni.

2.   L-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom, mhux aktar tard mid-9 ta' Diċembru 2017, jiddepożitaw dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni tal-Każakistan mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 fl-interess tal-Unjoni fformulata kif ġej:

“[L-isem sħiħ tal-ISTAT MEMBRU] jiddikjara li jaċċetta l-adeżjoni tal-Każakistan mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/2311”.

3.   Kull Stat Membru għandu jinforma lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bid-depożitu tad-dikjarazzjoni tiegħu ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni tal-Każakistan u jikkomunika lill-Kummissjoni t-test tad-dikjarazzjoni fi żmien xahrejn minn meta jiddepożitaha.

Artikolu 2

L-Istat Membru li ddepożita d-dikjarazzjonijiet tiegħu ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni tal-Każakistan mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 qabel id-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, ma għandux jiddepożita dikjarazzjoni ġdida.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri kollha bl-eċċezzjoni tar-Renju tan-Netherlands u r-Renju tad-Danimarka.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Diċembru 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

L. ŽITŇANSKÁ


(1)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ottubru 2016 (għadha mhix ippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU L 338, 23.12.2003, p. 1).


Top