EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D2265

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/2265 tas-6 ta' Diċembru 2016 li temenda d-Deċiżjoni 2007/884/KE li tawtorizza lir-Renju Unit sabiex ikompli japplika miżura ta' deroga mill-Artikoli 26(1)(a), 168 u 169 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

ĠU L 342, 16.12.2016, p. 28–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2019

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2016/2265/oj

16.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 342/28


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/2265

tas-6 ta' Diċembru 2016

li temenda d-Deċiżjoni 2007/884/KE li tawtorizza lir-Renju Unit sabiex ikompli japplika miżura ta' deroga mill-Artikoli 26(1)(a), 168 u 169 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 395 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Permezz tad-Deċiżjoni 2007/884/KE (2), ir-Renju Unit ġie awtorizzat biex, sal-31 ta' Diċembru 2010, jirrestrinġi sal-50 % d-dritt tal-kerrej jew tal-lessee biex inaqqas it-taxxa fuq il-valur miżjud (“VAT”) fuq il-ħlas tal-kiri jew il-lease ta' karozza fejn dik il-karozza ma ntużatx esklussivament għall-finijiet ta' negozju. Ir-Renju Unit kien awtorizzat ukoll biex ma jittrattax bħala provvista ta' servizzi bi ħlas l-użu privat ta' karozza mikrija jew leased minn persuna taxxabbli għall-finijiet ta' negozju tiegħu stess. Dawk il-miżuri ('il-miżuri ta' deroga') eliminaw il-ħtieġa li l-kerrej jew il-lessee jżomm reġistru tal-kilometri korsi b'finijiet privati f'karozzi użati għall-finijiet ta' negozju u li jieħu kont fil-kontabbiltà tat-taxxa fuq il-kilometri effettivament korsi b'finijiet privati ta' tali karozzi.

(2)

Id-Deċiżjoni 2007/884/KE ġiet sussegwentement emendata mid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/37/UE (3) u mid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/681/UE (4) li estendiet id-data ta' skadenza tal-miżuri ta' deroga sal-31 ta' Diċembru 2016.

(3)

Permezz ta' ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fl-14 ta' Marzu 2016, ir-Renju Unit talab l-awtorizzazzjoni biex jestendi l-miżuri ta' deroga.

(4)

F'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħrajn, permezz ta' ittra ddatata t-28 ta' Ġunju 2016, bit-talba tar-Renju Unit. Permezz ta' ittra tat-28 ta' Ġunju 2016, il-Kummissjoni għarrfet lir-Renju Unit li hija kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

(5)

F'konformità mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2007/884/KE, ir-Renju Unit issottometta rapport lill-Kummissjoni li jkopri l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni, li inkluda reviżjoni tal-persentaġġ ta' restrizzjoni. L-informazzjoni pprovduta mir-Renju Unit turi li restrizzjoni tad-dritt għal tnaqqis għal 50 % għadha tirrifletti ċ-ċirkostanzi attwali fir-rigward tal-proporzjon ta' użu kummerċjali u użu mhux kummerċjali tal-vetturi kkonċernati.

(6)

Għalhekk ir-Renju Unit għandu jkun awtorizzat ikompli japplika l-miżuri ta' deroga għal perjodu limitat ieħor, sal-31 ta' Diċembru 2019.

(7)

Fil-każ li r-Renju Unit jikkunsidra li tkun meħtieġa estensjoni ulterjuri lil hinn mill-2019, huwa għandu jissottometti rapport lill-Kummissjoni, li jinkludi reviżjoni tal-persentaġġ applikat flimkien ma' talba ta' estensjoni, sa mhux aktar tard mill-1 ta' April 2019.

(8)

L-estensjoni tal-miżuri ta' deroga se jkollha biss effett negliġibbli fuq l-ammont globali ta' dħul ta' taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali u ma jkollha ebda effett negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni derivanti mill-VAT.

(9)

Id-Deċiżjoni 2007/884/KE għandha għalhekk tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2007/884/KE huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2019.

Kwalunkwe talba għal estensjoni tal-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni għandha tkun akkumpanjata minn rapport, imressaq lill-Kummissjoni sal-1 ta' April 2019, li jinkludi reviżjoni tal-persentaġġ tar-restrizzjoni applikata fuq id-dritt għal tnaqqis tal-VAT fuq il-kiri jew il-lease ta' karozzi li ma jintużawx esklussivament għall-finijiet ta' negozju.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tapplika mill-1 ta' Jannar 2017.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Diċembru 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

P. KAŽIMÍR


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/884/KE tal-20 ta' Diċembru 2007 li tawtorizza lir-Renju Unit ikompli japplika miżura ta' deroga mill-Artikoli 26(1)(a), 168 u 169 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 346, 29.12.2007, p. 21).

(3)  Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/37/UE tat-18 ta' Jannar 2011 li temenda d-Deċiżjoni 2007/884/KE li tawtorizza lir-Renju Unit biex ikompli japplika miżura ta' deroga mill-Artikoli 26(1)(a), 168 u 169 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 19, 22.1.2011, p. 11).

(4)  Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/681/UE tal-15 ta' Novembru 2013 li temenda d-Deċiżjoni 2007/884/KE li tawtorizza lir-Renju Unit ikompli japplika miżura ta' deroga mill-Artikoli 26(1)(a), 168 u 169 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il- valur miżjud (ĠU L 316, 27.11.2013, p. 41).


Top