Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D2239

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/2239 tat-12 ta' Diċembru 2016 li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2010/96/PESK dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-forzi tas-sigurtà tas-Somalja

ĠU L 337, 13.12.2016, p. 16–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/2239/oj

13.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 337/16


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2016/2239

tat-12 ta' Diċembru 2016

li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2010/96/PESK dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-forzi tas-sigurtà tas-Somalja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-15 ta' Frar 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/96/PESK (1) li tistabbilixxi missjoni militari tal-UE biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi tas-Sigurtà tas-Somalja.

(2)

Fis-16 ta' Marzu 2015, id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/441 (2) emendat id-Deċiżjoni 2010/96/PESK u estendiet il-missjoni militari tal-UE sal-31 ta' Diċembru 2016.

(3)

B'segwitu għall-Analiżi Strateġika tal-2016, il-mandat tal-missjoni militari tal-UE għandu jiġi estiż sal-31 ta' Diċembru 2018.

(4)

Skont l-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru. 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka annessa mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma tipparteċipax fl-elaborazzjoni u l-implementazzjoni ta' deċiżjonijiet u azzjonijiet tal-Unjoni li għandhom implikazzjonijiet ta' difiża. Id-Danimarka ma tipparteċipax fl-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u għalhekk ma tipparteċipax fil-finanzjament ta' din il-missjoni.

(5)

Id-Deċiżjoni 2010/96/PESK għandha għalhekk tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Deċiżjoni 2010/96/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 10, jinżied il-paragrafu li ġej:

“6.   L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-ispejjeż komuni tal-missjoni militari tal-UE għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2017 sal-31 ta' Diċembru 2018 għandu jkun ta' EUR 22 948 000. Il-persentaġġ tal-ammont ta' referenza msemmi fl-Artikolu 25(1) tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (*1) għandu jkun ta' 0 %.

(*1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/528 tas-27 ta' Marzu 2015 li tistabbilixxi mekkaniżmu sabiex jiġi amministrat il-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża (Athena) u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/871/PESK (ĠU L 84, 28.3.2015, p. 39).”;"

(2)

Fl-Artikolu 12, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Il-mandat tal-missjoni militari tal-UE għandu jintemm fil-31 ta' Diċembru 2018.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Diċembru 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/96/PESK tal-15 ta' Frar 2010 dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi tas-Sigurtà tas-Somalja (ĠU L 44, 19.2.2010, p. 16).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/441 tas-16 ta' Marzu 2015 li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2010/96/PESK dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi tas-Sigurtà tas-Somalja (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 37).


Top