Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D2004

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2004 tal-14 ta' Novembru 2016 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/780/UE li tipprovdi deroga mill-Artikolu 13(1)(ii) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE fir-rigward tal-injam isserrat mingħajr qoxra ta' Quercus L., Platanus L. u Acer saccharum Marsh. li joriġina fl-Istati Uniti tal-Amerka (notifikata bid-dokument C(2016) 7181)

    C/2016/7181

    ĠU L 308, 16.11.2016, p. 62–63 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2016/2004/oj

    16.11.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 308/62


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2004

    tal-14 ta' Novembru 2016

    li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/780/UE li tipprovdi deroga mill-Artikolu 13(1)(ii) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE fir-rigward tal-injam isserrat mingħajr qoxra ta' Quercus L., Platanus L. u Acer saccharum Marsh. li joriġina fl-Istati Uniti tal-Amerka

    (notifikata bid-dokument C(2016) 7181)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 15(1) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 2000/29/KE tipprevedi miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ta' organiżmi li huma perikolużi għall-pjanti jew għall-prodotti tal-pjanti fl-Unjoni minn pajjiżi terzi. L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/780/UE (2) jipprevedi deroga mill-miżuri protettivi tad-Direttiva 2000/29/KE u jawtorizza lill-Istati Membri jippermettu l-introduzzjoni fit-territorju tagħhom ta' injam isserrat mingħajr qoxra tal-Quercus L., tal-Platanus L. u tal-Acer saccharum Marsh., li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerka, mingħajr ma jkollu miegħu ċertifikat fitosanitarju, sat-30 ta' Novembru 2016, dejjem jekk dan l-injam jikkonforma mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness ta' dik id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni.

    (2)

    Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/893 (3) tistipula r-rekwiżiti għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta' injam isserrat mingħajr qoxra tal-Platanus L. u tal-Acer spp. li joriġina minn pajjiżi terzi. Huwa meqjus li dawk ir-rekwiżiti huma meħtieġa għall-protezzjoni fitosanitarja tat-territorju tal-Unjoni mill-organiżmu Anoplophora glabripennis (Motschulsky) u ma jista' jkun hemm ebda deroga minn dan li tista' tiġi ġġustifikata. Għaldaqstant, dawk l-ispeċijiet ta' injam isserrat mingħajr qoxra ma għandhomx jibqgħu suġġetti tad-deroga prevista fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/780/UE.

    (3)

    Fid-dawl tal-informazzjoni li jibagħtu perjodikament l-Istati Membri lill-Kummissjoni, wieħed jista' jikkonkludi li l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet speċifiċi stipulati fl-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/780/UE hija biżżejjed biex timpedixxi l-introduzzjoni ta' organiżmi ta' ħsara fl-Unjoni. L-Istati Membri għandhom jibqgħu japplikaw dawk il-kundizzjonijiet rigward l-injam isserrat mingħajr qoxra tal-Quercus L. li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerka. Il-valutazzjoni tal-informazzjoni teknika li tressqet mill-Istati Uniti turi li l-Programm ta' Ċertifikazzjoni tat-Tnixxif fil-Fran ta' Injam Iebes Isserrat (Kiln Drying Hardwood Lumber Certificate (“Certificate of Kiln Drying”)), imsemmi fl-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/780/UE, qiegħed jaħdem b'mod effikaċi.

    (4)

    Għalhekk, l-awtorizzazzjoni tad-deroga dwar l-injam isserrat mingħajr qoxra tal-Quercus L. li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerka għandha tiġi estiża sal-31 ta' Diċembru 2026 biex ikun evitat kull tfixkil bla bżonn tan-negozju ta' dak l-injam.

    (5)

    Għalhekk, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/780/UE għandha tiġi emendata skont dan.

    (6)

    Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Emenda tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/780/UE

    Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/780/UE hija emendata kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 1 jinbidel b'dan li ġej:

    “B'deroga mill-Artikolu 13(1)(ii) tad-Direttiva 2000/29/KE, l-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati biex jippermettu l-introduzzjoni fit-territorju tagħhom tal-injam isserrat mingħajr qoxra ta' Quercus L. li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerka u li hu kopert mill-kodiċi NM u d-deskrizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsima I(6) tal-Parti B tal-Anness V ta' dik id-Direttiva, mingħajr ma jkollu miegħu ċertifikat fitosanitarju, dejjem jekk dan l-injam jikkonforma mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.”

    (2)

    Fl-Artikolu 3 id-data tat-“30 ta' Novembru 2016” hija sostitwita bil-“31 ta' Diċembru 2026”.

    Artikolu 2

    Indirizzati

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Novembru 2016.

    Għall-Kummissjoni

    Vytenis ANDRIUKAITIS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.

    (2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/780/UE tat-18 ta' Diċembru 2013 li tipprovdi deroga mill-Artikolu 13(1)(ii) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE fir-rigward tal-injam isserrat mingħajr qoxra ta' Quercus L., Platanus L. u Acer saccharum Marsh. li joriġina fl-Istati Uniti tal-Amerika (ĠU L 346, 20.12.2013, p. 61).

    (3)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/893 tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar miżuri biex l-Anoplophora glabripennis (Motschulsky) ma jiddaħħalx fl-Unjoni u ma jinxteridx fi ħdanha ĠU L 146, 11.6.2015, p. 16.


    Top