Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D1856

    Deċiżjoni (UE) 2016/1856 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Ottubru 2016 dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea sabiex tingħata assistenza lill-Greċja

    ĠU L 284, 20.10.2016, p. 21–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/1856/oj

    20.10.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 284/21


    DEĊIŻJONI (UE) 2016/1856 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-11 ta' Ottubru 2016

    dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea sabiex tingħata assistenza lill-Greċja

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidraw ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (2), u b'mod partikolari l-punt 11 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (“il-Fond”) għandu l-għan li jippermetti lill-Unjoni tirrispondi b'mod rapidu, effiċjenti u flessibbli għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza sabiex tintwera solidarjetà mal-popolazzjonijiet ta' reġjuni milquta minn diżastri naturali.

    (2)

    Il-Fond ma għandux jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 500 000 000 (bil-prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (3).

    (3)

    Fil-5 ta' Frar 2016, il-Greċja ssottomettiet applikazzjoni biex timmobilizza l-Fond, wara terremot li laqat il-Gżejjer Joniċi f'Novembru 2015.

    (4)

    L-applikazzjoni tal-Greċja tissodisfa l-kundizzjonjiet sabiex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond, kif stabbilit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 2012/2002.

    (5)

    Il-Fond għandu, għalhekk, jiġi mobilizzat biex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja lill-Greċja.

    (6)

    Permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2016/252 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea ġie mobilizzat sabiex jipprovdi s-somma ta' EUR 50 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament għall-ħlas ta' avvanzi għas-sena finanzjarja 2016. Dawn l-approprjazzjonijiet intużaw biss b'mod limitat ħafna. Għaldaqstant, hemm lok għall-finanzjament tal-ammont kollu għall-mobilizzazzjoni attwali permezz tar-riallokazzjoni tal-approprjazzjonijiet disponibbli għall-ħlasijiet tal-avvanzi fil-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2016.

    (7)

    Sabiex jitnaqqas kemm jista' jkun il-ħin li jieħu l-Fond biex jiġi mobilizzat, din id-Deċiżjoni għandha tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,

    ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2016, il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea għandu jkun mobilizzat sabiex jipprovdi l-ammont ta' EUR 1 651 834 lill-Greċja, f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.

    L-ammont tal-mobilizzazzjoni msemmi fl-ewwel paragrafu għandu jiġi ffinanzjat mill-approprjazzjonijiet immobilizzati għall-pagament ta' avvanzi fil-baġit tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2016. L-approprjazzjonijiet disponibbli għall-pagament ta' avvanzi għandu jitnaqqas kif meħtieġ.

    Artikolu 2

    Din id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Din id-deċiżjoni tapplika mill-11 ta' Ottubru 2016.

    Magħmul fi Brussel, il-11 ta' Ottubru 2016.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    M. SCHULZ

    Għall-Kunsill

    Il-President

    I. KORČOK


    (1)  ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3.

    (2)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

    (3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).

    (4)  Id-Deċiżjoni (UE) 2016/252 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea għall-ħlas ta' pagamenti bil-quddiem (ĠU L 47, 24.2.2016, p. 5).


    Top