Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D1838

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1838 tat-13 ta' Ottubru 2016 dwar il-linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri għall-2016

    ĠU L 280, 18.10.2016, p. 30–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/1838/oj

    18.10.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 280/30


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/1838

    tat-13 ta' Ottubru 2016

    dwar il-linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri għall-2016

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 148(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

    Wara li kkonsulta l-Kumitat tar-Reġjuni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi (3),

    Billi:

    (1)

    It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistipula li l-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw strateġija kkoordinata għall-impjiegi u b'mod partikolari għall-promozzjoni ta' forza tax-xogħol kompetenti, imħarrġa u li adattabbli, kif ukoll swieq tax-xogħol li jirreaġixxu għat-tibdil ekonomiku bl-għan li jinkisbu l-objettivi definiti fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

    (2)

    L-Istrateġija Ewropa 2020 għat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv (l-“Istrateġija Ewropa 2020”) proposta mill-Kummissjoni tippermetti lill-Unjoni torjenta l-ekonomija tagħha lejn tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, akkumpanjat minn livelli għola ta' impjiegi, produttività u koeżjoni soċjali. Ħames miri ewlenin jikkostitwixxu objettivi kondiviżi li jiggwidaw l-azzjoni tal-Istati Membri, u jikkunsidraw il-pożizzjonijiet inizjali u ċ-ċirkustanzi nazzjonali rispettivi tagħhom, kif ukoll il-pożizzjonijiet u ċ-ċirkustanzi tal-Unjoni. Fl-14 ta' Lulju 2015, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni (UE) 2015/1184 (4) dwar linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni. Barra minn hekk, fil-5 ta' Ottubru 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2015/1848 (5) dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri għall-2015 (“linji gwida dwar l-impjiegi”). Dawk iż-żewġ settijiet ta' linji gwida jifformaw il-linji gwida integrati għall-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020 (“linji gwida integrati ta' Ewropa 2020”). L-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi għandha r-rwol primarju fl-implimentazzjoni tal-objettivi marbutin mal-impjiegi u mas-suq tax-xogħol tal-istrateġija ta' Ewropa 2020.

    (3)

    Dawn il-linji gwida integrati ta' Ewropa 2020 huma allinjati mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 u t-18 ta' Marzu 2016 u mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Huma jagħtu gwida preċiża lill-Istati Membri fid-definizzjoni tal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma tagħhom u fl-implimentazzjoni tar-riformi, filwaqt li jirriflettu l-interdipendenza. Il-linji gwida dwar l-impjiegi għandhom jiffurmaw il-bażi għal kwalunkwe rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż li l-Kunsill jista' jindirizza lill-Istati Membri taħt l-Artikolu 148(4) TFUE, b'mod parallel mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż indirizzati lill-Istati Membri taħt l-Artikolu 121(2) TFUE. Il-linji gwida dwar l-impjiegi għandhom ukoll jifformaw il-bażi għall-istabbiliment tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi li jintbagħat kull sena mill-Kunsill u mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew.

    (4)

    L-eżami ta' Programmi Nazzjonali ta' Riforma tal-Istati Membri li jinsab fir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi juri li l-Istati Membri għandhom jagħmlu kull sforz biex tingħata spinta lid-domanda għax-xogħol, tissaħħaħ il-provvista tax-xogħol, il-kompetenzi u l-kompetenzi, jissaħħaħ il-funzjonament tas-suq tax-xogħol, tiġi promossa l-inklużjoni soċjali, il-ġlieda kontra l-faqar u l-promozzjoni ta' opportunitajiet indaqs.

    (5)

    L-Istati Membri għandhom jesploraw l-użu tal-Fond Soċjali Ewropew fl-implimentazzjoni tal-linji gwida dwar l-impjiegi.

    (6)

    Il-linji gwida dwar l-impjiegi għandhom jibqgħu stabbli sabiex jiġi żgurat fokus fuq l-implimentazzjoni tagħhom. Kwalunkwe aġġornament tal-linji gwida dwar l-impjiegi għandu għalhekk jibqa' strettament limitat. Fid-dawl ta' valutazzjoni tal-iżviluppi tas-swieq tax-xogħol u tas-sitwazzjoni soċjali mill-adozzjoni tal-linji gwida dwar l-impjiegi fl-2015, mhuwiex neċessarju aġġornament. Ir-raġunijiet għall-adozzjoni tagħhom fl-2015 għadhom validi, għalhekk dawk il-linji gwida għandhom jinżammu,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri, kif indikat fl-Anness għad-Deċiżjoni (UE) 2015/1848, jinżammu għall-2016 u għandhom ikunu kkunsidrati mill-Istati Membri fil-linji politiċi tagħhom dwar l-impjiegi.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fil-Lussemburgu, it-13 ta' Ottubru 2016.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. RICHTER


    (1)  Opinjoni tal-15 ta' Settembru 2016 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  ĠU C 264, 20.7.2016, p. 134.

    (3)  Opinjoni tas-16 ta' Frar 2016.

    (4)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1184 tal-14 ta' Lulju 2015 dwar linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 192, 18.7.2015, p. 27).

    (5)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1848 tal-5 ta' Ottubru 2015 dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri għall-2015 (ĠU L 268, 15.10.2015, p. 28).


    Top