EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D1353

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1353 tal-4 ta' Awwissu 2016 dwar ir-regoli finanzjarji tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u li tħassar id-Deċiżjoni 2007/643/PESK

ĠU L 219, 12.8.2016, p. 98–119 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/1353/oj

12.8.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 219/98


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/1353

tal-4 ta' Awwissu 2016

dwar ir-regoli finanzjarji tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u li tħassar id-Deċiżjoni 2007/643/PESK

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1835 tat-12 ta' Ottubru 2015 li tiddefinixxi l-istatut, is-sede u r-regoli operazzjonali tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 18 tagħha,

Billi:

(1)

Fit-18 ta' Settembru 2007, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2007/643/PESK (2) dwar ir-regoli finanzjarji tal-Aġenzija tad-Difiża Ewropea u dwar ir-regoli dwar l-akkwist u r-regoli dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-baġit operattiv tal-Aġenzija tad-Difiża Ewropea.

(2)

Wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2015/1835, huwa neċessarju li d-Deċiżjoni 2007/643/PESK titħassar u jiġu stabbiliti regoli finanzjarji ġodda għall-Aġenzija Ewropea għad-Difiża,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

TITOLU I

SUĠĠETT U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett

Din id-deċiżjoni tistabbilixxi r-regoli finanzjarji essenzjali tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Aġenzija”).

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“Stat Membru parteċipanti” tfisser Stat Membru li jipparteċipa fl-Aġenzija;

(b)

“Stati membri kontributuri” tfisser l-Istati Membri parteċipanti li jikkontribwixxu għal proġett jew programm partikolari tal-Aġenzija;

(c)

“baġit ġenerali” tfisser il-baġit ġenerali stabbilit skont l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1835;

(d)

“dħul addizzjonali” tirreferi għal dħul addizzjonali, li l-kontenut tiegħu huwa stabbilit fl-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni(PESK) 2015/1835;

(e)

“Uffiċjal Awtorizzanti” huwa l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija li jeżerċita s-setgħat iddefiniti fl-Artikolu 10(5) tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1835;

(f)

“baġit” tfisser l-istrument li, għal kull sena finanzjarja, ibassar u jawtorizza d-dħul u l-infiq kollu meqjus neċessarju għall-Aġenzija;

(g)

“kontroll” tfisser kwalunkwe miżura meħuda biex tingħata garanzija raġonevoli rigward l-effikaċja, l-effiċjenza u l-ekonomija tal-operazzjonijiet, l-affidabilità tar-rappurtar, is-salvagwardja tal-assi u tal-informazzjoni, il-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-korrezzjoni ta' frodi u irregolaritajiet u s-segwitu tagħhom, u l-ġestjoni adegwata tar-riskji relatati mal-legalità u mar-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti, b'kont meħud tan-natura pluriennali tal-programmi kif ukoll tan-natura tal-ħlasijiet ikkonċernati. Il-kontrolli jistgħu jinvolvu diversi verifiki, kif ukoll l-implimentazzjoni ta' kwalunkwe politika u proċedura għall-kisba tal-objettivi deskritti fl-ewwel sentenza;

(h)

“verifika” tfisser il-verifika ta' aspett speċifiku ta' operazzjoni ta' dħul jew ta' nfiq.

TITOLU II

BAĠIT TAL-AĠENZIJA

Artikolu 3

Baġit tal-aġenzija

Il-baġit tal-Aġenzija għandu jinkludi l-baġit ġenerali, il-baġits assoċjati mal-attivitajiet relatati ma' proġetti jew programmi ad hoc kif previst fil-Kapitolu IV tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1835 u kwalunkwe baġit li jirriżulta minn dħul addizzjonali.

KAPITOLU 1

Prinċipji baġitarji

Artikolu 4

Rispett għall-prinċipji baġitarji

F'konformità mal-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1835, il-baġit tal-Aġenzija għandu jiġi stabbilit u implimentat skont il-prinċipji baġitarji stabbiliti f'din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

Prinċipji tal-unità u tal-preċiżjoni baġitarja

1.   Ma għandu jinġabar ebda dħul u ma għandha ssir ebda nefqa jekk ma jkunux reġistrati f'intestatura fil-baġit tal-Aġenzija.

2.   Ma tista' tiġi impenjata jew awtorizzata ebda nefqa li tkun ogħla mill-approprjazzjonijiet awtorizzati mill-baġit tal-Aġenzija.

3.   Approprjazzjoni tista' tiddaħħal fil-baġit tal-Aġenzija biss jekk din tkun għal element ta' nefqa meqjus bħala meħtieġ.

4.   L-imgħax iġġenerat mill-ħlasijiet ta' prefinanzjament magħmula mill-baġit tal-Aġenzija ma jkunx dovut lill-Aġenzija.

Artikolu 6

Prinċipju tal-annwalità

1.   L-approprjazzjonijiet imdaħħla fil-baġit tal-Aġenzija għandhom jiġu awtorizzati għal sena finanzjarja li għandha tkun mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru.

2.   L-approprjazzjonijiet ta' impenn għandhom ikopru l-ispiża totali tal-impenji legali li jsiru matul is-sena finanzjarja jew sal-31 ta' Marzu tas-sena ta' wara għal dawk l-impenji legali li l-parti l-kbira tal-istadji ta' tħejjija tagħhom jkunu twettqu sal-31 ta' Diċembru.

3.   L-approprjazzjonijiet ta' pagament għadhom ikopru l-pagamenti mwettqa biex jiġu rispettati l-impenji legali li jsiru matul is-sena finanzjarja jew fis-snin finanzjarji preċedenti.

4.   Minħabba l-ħtiġijiet tal-Aġenzija u soġġett għall-approvazzjoni mill-Bord ta' Tmexxija skont l-Artikolu 15, l-approprjazzjonijiet mhux użati jistgħu jiddaħħlu fl-estimi tad-dħul u l-infiq tas-sena finanzjarja ta' wara. Dawk l-approprjazzjonijiet għandhom jintużaw l-ewwel.

5.   Il-paragrafi 1 sa 4 ma għandhomx jimpedixxu lil impenji baġitarji għal azzjonijiet estiżi għal aktar minn sena finanzjarja waħda milli jitqassmu fuq diversi snin fi ħlasijiet annwali.

Artikolu 7

Prinċipju tal-ekwilibriju

1.   Id-dħul u l-approprjazzjonijiet ta' pagament għandhom jibbilanċjaw lil xulxin.

2.   L-Aġenzija ma tistax tissellef fil-qafas tal-baġit tal-Aġenzija.

3.   Kwalunkwe bilanċ baġitarju favorevoli li jirriżulta mill-baġit ġenerali tal-Aġenzija f'sena finanzjarja partikolari għandu jitqies bħala kreditu disponibbli għall-Istati Membri parteċipanti u jintradd lilhom bħala tnaqqis mit-tielet kontribuzzjoni tas-sena finanzjarja li jkun imiss.

Artikolu 8

Prinċipju tal-unità tal-kontijiet

Il-baġit tal-Aġenzija għandu jitħejja u jiġi implimentat f'euro u l-kontijiet għandhom jiġu ppreżentati f'euro. Madankollu, minħabba raġunijiet ta' likwidità, l-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jiġi awtorizzat iwettaq operazzjonijiet f'valuti oħrajn.

Artikolu 9

Prinċipju tal-universalità

Id-dħul totali għandu jkopri l-approprjazzjonijiet ta' pagament totali. Kull dħul u infiq għandu jkun irreġistrat b'mod sħiħ mingħajr l-ebda aġġustament kontra xulxin.

Artikolu 10

Prinċipju tal-ispeċifikazzjoni

1.   L-approprjazzjonijiet għandhom jiġu assenjati għal skopijiet speċifiċi tal-anqas skont it-titolu u l-kapitolu.

2.   L-Uffiċjal Awtorizzanti jista' jittrasferixxi approprjazzjonijiet minn kapitolu għal ieħor mingħajr limitu u minn titolu għal ieħor sa massimu ta' 10 % tal-approprjazzjonijiet għas-sena murija fil-linja li minnha jsir it-trasferiment.

Lil hinn mil-limitu msemmi fl-ewwel subparagrafu, l-Uffiċjal Awtorizzanti jista' jipproponi lill-Bord ta' Tmexxija trasferimenti ta' approprjazzjonijiet minn titolu għal ieħor. Il-Bord ta' Tmexxija għandu jkollu żmien ta' tliet ġimgħat biex jopponi dawn it-trasferimenti. Wara dan il-limitu ta' żmien, it-trasferimenti għandhom jitqiesu bħala adottati.

L-Uffiċjal Awtorizzanti għandu jinforma lill-Bord ta' Tmexxija bit-trasferimenti kollha mwettqa taħt l-ewwel subparagrafu. Proposti għal trasferimenti u trasferimenti mwettqa għandhom jiġu akkumpanjati minn dokumenti ġustifikattivi xierqa u dettaljati li juru l-implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet u l-estimi tar-rekwiżiti sat-tmiem tas-sena finanzjarja, kemm għall-intestaturi li għandhom jiġu kkreditati kif ukoll għal dawk li minnhom jittieħdu l-approprjazzjonijiet.

Artikolu 11

Prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba

1.   L-approprjazzjonijiet għandhom jintużaw f'konformità mal-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba, jiġifieri f'konformità mal-prinċipji tal-ekonomija, l-effiċjenza u l-effikaċja.

2.   Il-prinċipju tal-ekonomija jirrikjedi li r-riżorsi użati mill-Aġenzija fit-twettiq tal-attivitajiet tagħha jsiru disponibbli fi żmien dovut, fi kwantitajiet u kwalità xierqa u bl-aħjar prezz.

Il-prinċipju tal-effiċjenza jikkonċerna l-aqwa relazzjoni bejn ir-riżorsi użati u r-riżultati miksuba.

Il-prinċipju tal-effikaċja jikkonċerna l-kisba tal-objettivi speċifiċi stabbiliti u li jintlaħqu r-riżultati ppjanati.

Artikolu 12

Kontroll intern tal-implimentazzjoni tal-baġit

1.   Il-baġit tal-Aġenzija għandu jiġi implimentat taħt kontroll intern effettiv u effiċjenti.

2.   Għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija, il-kontroll intern huwa definit bħala proċess applikabbli fil-livelli kollha tal-ġestjoni u mfassal biex jipprovdi garanzija raġonevoli għall-kisba tal-objettivi li ġejjin:

(a)

l-effikaċja, l-effiċjenza u l-ekonomija tal-operazzjonijiet;

(b)

l-affidabbiltà tar-rappurtar;

(c)

is-salvagwardja tal-assi u tal-informazzjoni;

(d)

il-prevenzjoni, id-detezzjoni, il-korrezzjoni u s-segwitu għall-frodi u l-irregolaritajiet;

(e)

ġestjoni xierqa tar-riskji relatati mal-legalità u r-regolarità tat-transazzjonijiet sottostanti.

3.   Kontroll intern effettiv u effiċjenti għandu jkun ibbażat fuq l-aħjar prattiki internazzjonali u jinkludi b'mod partikolari, l-elementi stabbiliti fl-Artikolu 32(3) u (4) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), b'kont meħud tal-istruttura u d-daqs tal-Aġenzija, in-natura tal-kompiti fdati lilha u l-ammonti u r-riskji finanzjarji u operazzjonali involuti.

Artikolu 13

Prinċipju tat-trasparenza

1.   Il-baġit tal-Aġenzija għandu jiġi stabbilit u implimentat u l-kontijiet ippreżentati b'konformità mal-prinċipju tat-trasparenza.

2.   Skont l-Artikolu 35(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, il-baġit tal-Aġenzija, inkluż il-pjan ta' stabbiliment tal-persunal u l-baġits emendatorji, kif adottati, għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit tal-Internet tal-Aġenzija fi żmien erba' ġimgħat minn meta jiġu addottati.

TITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET APPLIKABBLI GĦALL-BAĠIT ĠENERALI

KAPITOLU 1

Pjanifikazzjoni finanzjarja

Artikolu 14

Il-baġit ġenerali

1.   Sal-31 ta' Marzu ta' kull sena, il-Kap tal-Aġenzija għandu jipprovdi lill-Bord ta' Tmexxija stima preliminari tal-abbozz tal-baġit ġenerali għas-sena ta' wara.

2.   Sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena, il-Kap tal-Aġenzija għandu jipproponi stima preliminari riveduta tal-abbozz tal-baġit ġenerali għas-sena ta' wara, flimkien mal-abbozz tal-Qafas ta' Ppjanar ta' tliet snin lill-Bord ta' Tmexxija.

3.   Sat-30 ta' Settembru ta' kull sena, il-Kap tal-Aġenzija għandu jipproponi l-abbozz tal-baġit ġenerali flimkien mal-abbozz tal-Qafas ta' Ppjanar ta' tliet snin lill-Bord ta' Tmexxija. L-abbozz għandu jinkludi:

(a)

l-approprjazzjonijiet meqjusa bħala meħtieġa:

(i)

biex ikopru l-ispejjeż tal-operat, il-persunal u l-laqgħat tal-Aġenzija;

(ii)

biex tagħti parir estern, b'mod partikolari analiżi operazzjonali, essenzjali għall-Aġenzija biex twettaq il-kompiti tagħha, u għal attivitajiet speċifiċi għall-benefiċċju komuni tal-Istati Membri parteċipanti kollha;

(b)

tbassir tad-dħul meħtieġ biex jiġi kopert l-infiq.

4.   Il-Bord ta' Tmexxija għandu jimmira biex jiżgura li l-approprjazzjonijiet imsemmija fil-punt (a)(ii) tal-paragrafu 3 jirrappreżentaw sehem sinifikanti tal-approprjazzjonijiet totali msemmija fil-paragrafu 3. Dawk l-approprjazzjonijiet għandhom jirriflettu ħtiġijiet reali u għandhom jippermettu rwol operazzjonali għall-Aġenzija.

5.   L-abbozz tal-baġit ġenerali għandu jkun sostnut minn ġustifikazzjonijiet dettaljati u pjan ta' stabbiliment tal-persunal.

6.   Il-Bord ta' Tmexxija, li jaġixxi b'unanimità, jista' jiddeċiedi li l-abbozz tal-baġit ġenerali għandu jkopri wkoll proġett jew programm partikolari fejn ikun ċar li dan hu għall-benefiċċju komuni tal-Istati Membri parteċipanti kollha.

7.   L-approprjazzjonijiet għandhom ikunu kklassifikati taħt titoli u kapitoli li jirraggruppaw l-infiq skont it-tip jew il-fini, suddiviżi f'artikoli skont il-ħtieġa.

8.   Kull titolu jista' jinkludi kapitolu intitolat “approprjazzjonijiet proviżorji”. Dawk l-approprjazzjonijiet jistgħu jiddaħħlu f'każijiet ta' inċertezza, minħabba raġunijiet serji, dwar l-ammont ta' approprjazzjonijiet meħtieġa jew dwar l-ambitu għall-implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet imdaħħla.

9.   Id-dħul għandu jikkonsisti minn:

(a)

kontribuzzjonijiet li għandhom jitħallsu mill-Istati Membri parteċipanti abbażi tal-iskala tad-dħul nazzjonali gross (DNG);

(b)

dħul ieħor, inkluż it-tnaqqis mir-remunerazzjoni tal-persunal u l-imgħax miksub mill-kontijiet bankarji tal-Aġenzija.

L-abbozz tal-baġit ġenerali għandu jinkludi linji li jakkomodaw id-dħul assenjat u kull fejn ikun possibbli għandu jindika l-ammont previst.

10.   Il-Bord ta' Tmexxija, filwaqt li jaġixxi b'unanimità, għandu jadotta l-abbozz tal-baġit ġenerali sal-31 ta' Diċembru ta' kull sena. Meta jagħmel dan, il-Bord ta' Tmexxija għandu jkun ippresedut mill-Kap tal-Aġenzija, jew minn rappreżentant maħtur mill-Kap tal-Aġenzija, jew minn membru tal-Bord ta' Tmexxija mistieden mill-Kap tal-Aġenzija biex jagħmel dan. Il-Kap Eżekuttiv għandu jiddikjara li l-baġit ikun ġie adottat u jinnotifika lill-Istati Membri parteċipanti.

11.   Jekk, fil-bidu ta' sena finanzjarja, l-abbozz tal-baġit ġenerali ma jkunx għadu ġie adottat, tista' ssir nefqa kull xahar ta' somma ekwivalenti għal mhux aktar minn wieħed minn kull tnax tal-approprjazzjonijiet tal-baġit għas-sena finanzjarja preċedenti fir-rigward ta' kwalunkwe kapitolu jew suddiviżjoni oħra tal-baġit. Madankollu, dak l-arranġament ma għandux ikollu l-effett li jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Aġenzija approprjazzjonijiet li jeċċedu wieħed minn kull tnax ta' dawk previsti fl-abbozz tal-baġit ġenerali li jkun qed jitħejja. Il-Bord ta' Tmexxija, filwaqt li jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kap Eżekuttiv, jista' jawtorizza nefqa ta' iżjed minn wieħed minn kull tnax, sakemm l-approprjazzjonijiet għal dik is-sena finanzjarja ma jeċċedux dawk tas-sena finanzjarja preċedenti. Il-Kap Eżekuttiv jista' jagħmel sejħa għall-kontribuzzjonijiet meħtieġa biex ikopru l-approprjazzjonijiet awtorizzati taħt din id-dispożizzjoni, li għandhom jitħallsu fi żmien 30 jum minn meta tintbagħat is-sejħa għal kontribuzzjonijiet.

Artikolu 15

Baġit emendatorju

1.   F'każ ta' ċirkostanzi inevitabbli jew imprevisti, il-Kap Eżekuttiv jista' jipproponi abbozz ta' baġit emendatorju lill-Bord ta' Tmexxija.

2.   L-abbozz ta' baġit emendatorju għandu jiġi mfassal, propost, approvat u adottat u tingħata notifika tiegħu f'konformità mal-istess proċedura tal-baġit ġenerali. Il-Bord ta' Tmexxija għandu jaġixxi billi jqis l-urġenza dovuta f'dawk iċ-ċirkostanzi.

KAPITOLU 2

Atturi finanzjarji u implimentazzjoni tal-baġit f'konformità mal-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja tajba

Artikolu 16

Setgħat u dmirijiet tal-uffiċjal awtorizzanti

1.   Il-Kap Eżekuttiv għandu jwettaq id-dmirijiet tal-Uffiċjal Awtorizzanti. L-Uffiċjal Awtorizzanti għandu jimplimenta l-baġit ġenerali f'konformità ma' dawn ir-regoli finanzjarji u l-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba, taħt ir-responsabbiltà proprja tiegħu u fil-limiti tal-approprjazzjonijiet awtorizzati. L-Uffiċjal Awtorizzanti għandu jkun responsabbli biex jiżgura li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti ta' legalità u regolarità.

2.   Il-Kap Eżekuttiv jista' jiddelega s-setgħat tal-implimentazzjoni tal-baġit lil persunal tal-Aġenzija, kopert bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1351 (4) (minn hawn 'il quddiem imsejħa r-“Regolamenti tal-Persunal tal-Aġenzija”), f'konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti f'dawn ir-regoli finanzjarji. Dawk hekk inkarigati jistgħu jaġixxu biss fil-limiti tas-setgħat mogħtija espressament lilhom.

3.   Kompiti ta' esperjenza teknika u kompiti amministrattivi, preparatorji jew anċillari li la jinvolvu l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika u lanqas l-użu tal-poteri diskrezzjonali ta' ġudizzju jistgħu jiġu fdati permezz ta' kuntratt lil entitajiet jew korpi esterni.

4.   Il-Kap Eżekuttiv, b'kont dovut meħud tar-riskji assoċjati mal-ambjent amministrattiv u man-natura tal-azzjonijiet finanzjati, għandu jipproponi lill-Bord ta' Tmexxija u jistabbilixxi l-istruttura organizzattiva u s-sistemi ta' kontroll intern adatti għat-twettiq tad-dmirijiet tiegħu. L-istabbiliment ta' tali struttura u sistemi għandu jkun ġġustifikat b'analiżi tar-riskju li tieħu kont tal-kosteffettività tagħhom.

Il-Bord ta' Tmexxija għandu jagħti l-kunsens tiegħu għal deċiżjonijiet marbuta mal-istruttura organizzazzjonali tal-Aġenzija.

Il-Kap Eżekuttiv jista' jistabbilixxi funzjoni ta' kompetenza u konsulenza maħsuba biex tgħinu jikkontrolla r-riskji involuti fl-attivitajiet tiegħu.

5.   L-Uffiċjal Awtorizzanti għandu jżomm id-dokumenti ġustifikattivi b'rabta mal-operazzjonijiet imwettqa għal perijodu ta' ħames snin mid-data tad-deċiżjoni li tat il-kwittanza lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali għas-sena kkonċernata.

6.   L-Artikolu 31 tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1835 għandu japplika għat-trattament ta' data personali.

Artikolu 17

Kontrolli ex ante

1.   Kull operazzjoni għandha tiġi soġġetta mill-anqas għal kontroll ex ante ibbażat fuq eżami dokumentarju u fuq ir-riżultati disponibbli tal-kontrolli diġà mwettqa fir-rigward tal-aspetti operazzjonali u finanzjarji tal-operazzjoni.

Il-kontrolli ex ante għandhom jinkludu l-inizjazzjoni u l-verifika tal-operazzjoni.

L-inizjazzjoni u l-verifika ta' operazzjoni għadhom ikunu funzjonijiet separati.

2.   L-inizjazzjoni ta' operazzjoni għandha tinftiehem bħala l-operazzjonijiet kollha bi tħejjija għall-adozzjoni tal-atti li jimplimentaw il-baġit tal-Aġenzija.

3.   Verifika ex ante ta' operazzjoni għandha tinftiehem bħala l-kontrolli ex ante kollha li jagħmel l-Uffiċjal Awtorizzanti sabiex jivverifika l-aspetti operazzjonali u finanzjarji. Għal transazzjoni speċifika, il-verifika għandha issir minn persunal għajr dak li ta bidu għall-operazzjoni.

4.   Il-kontrolli ex ante għandhom jivverifikaw il-koerenza fost id-dokumenti ġustifikattivi mitluba u kwalunkwe informazzjoni oħra disponibbli.

Il-firxa f'termini tal-frekwenza u l-intensità tal-kontrolli ex ante għandha tiġi ddeterminata mill-Uffiċjal Awtorizzanti filwaqt li jittieħed kont ta' konsiderazzjonijiet ibbażati fuq ir-riskji u l-kosteffettività. F'każ ta' dubju, l-Uffiċjal Awtorizzanti responsabbli għall-validazzjoni tal-ħlas rilevanti għandu jitlob informazzjoni komplementari jew iwettaq kontroll fuq il-post sabiex jikseb garanzija raġonevoli bħala parti mill-kontroll ex ante.

L-għan tal-kontrolli ex ante huwa li jaċċertaw li:

(a)

l-infiq u d-dħul ikunu skont ir-regoli u konformi mad-dispożizzjonijiet applikabbli;

(b)

il-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja tajba stabbilit fl-Artikolu 11 ikun ġie applikat.

Għall-iskop tal-kontrolli, serje ta' tranżazzjonijiet individwali simili relatati man-nefqa ta' rutina fuq is-salarji, il-pensjonijiet, ir-rimborż tal-ispejjeż tal-missjonijiet u tal-ispejjeż mediċi jistgħu jiġu kkunsidrati mill-Uffiċjal Awtorizzanti bħala li jagħmlu parti minn operazzjoni waħda.

Artikolu 18

Kontrolli ex post

1.   L-Uffiċjal Awtorizzanti jista' jistabbilixxi kontrolli ex post biex jivverifika operazzjonijiet li jkunu diġà approvati wara l-kontrolli ex ante. Dawn il-kontrolli jistgħu jkunu organizzati fuq bażi ta' kampjun skont ir-riskji.

Il-kontrolli ex post jistgħu jitwettqu abbażi ta' dokumenti u, fejn ikun xieraq, fuq il-post.

2.   Il-kontrolli ex post għandhom jitwettqu minn membri tal-persunal għajr dawk responsabbli għall-kontrolli ex ante. Il-persunal responsabbli għall-kontrolli ex post ma għandhomx ikunux subordinati għall-membri tal-persunal responsabbli għall-kontrolli ex ante.

Il-persunal responsabbli għall-kontroll tal-ġestjoni tal-operazzjonijiet finanzjarji għandu jkollu l-kapaċitajiet professjonali meħtieġa.

Artikolu 19

Rappurtar annwali

Il-Kap Eżekuttiv għandu jagħti rapport kull sena lill-Bord ta' Tmexxija dwar il-qadi tad-dmirijiet tiegħu. Għal dan l-għan, il-Kap Eżekuttiv għadu jippreżenta l-kontijiet annwali tal-Aġenzija waqt li jirrispetta l-limiti ta' żmien stabbiliti fl-Artikolu 44.

Il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għandu jkun fihom taqsimiet differenti, b'mod partikolari:

(a)

ir-rapport dwar l-attività, li għandu jiddeskrivi l-aspetti prinċipali tas-sena finanzjarja;

(b)

ir-rendikonti finanzjarji;

(c)

ir-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-baġit.

Il-kontijiet finali għandhom ikollhom magħhom nota mfassla mill-uffiċjal tal-kontabbiltà li fiha dan jiddikjara li l-kontijiet annwali tħejjew skont il-prinċipji, ir-regoli u l-metodi tal-kontabbiltà applikabbli.

Il-kontijiet finali għandu jkun fihom informazzjoni finanzjarja u rigward il-ġestjoni, inklużi r-riżultati tal-kontrolli, li jiddikjaraw li, għajr kif speċifikat mod ieħor f'xi riżerva relatata ma' oqsma definiti ta' dħul u nfiq, l-Kap Eżekuttiv għandu garanzija raġonevoli li:

(a)

l-informazzjoni li hemm fir-rapport tippreżenta stampa vera u ġusta;

(b)

ir-riżorsi assenjati lill-attivitajiet deskritti fir-rapport intużaw għall-għanijiet maħsuba tagħhom u f'konformità mal-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja tajba;

(c)

il-proċeduri ta' kontroll stabbiliti jagħtu l-garanziji neċessarji fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-transazzjonijiet sottostanti. Ir-rapport tal-attività għandu jindika r-riżultati tal-operazzjonijiet b'referenza għall-objettivi stabbiliti, ir-riskji assoċjati ma' dawn l-operazzjonijiet, l-użu li jkun sar mir-riżorsi pprovduti u l-effiċjenza u l-effettività tas-sistemi ta' kontroll intern, fosthom valutazzjoni ġenerali tal-ispejjeż u l-benefiċċji tal-kontrolli.

Artikolu 20

Rendikont finanzjarju

1.   Ir-rendikonti finanzjarji għandhom jiġu ppreżentati f'euro u għandhom jinkludu:

(a)

il-karta tal-bilanċ u r-rendikont tal-prestazzjoni finanzjarja, li jirrappreżentaw l-assi u l-obbligazzjonijiet kollha, is-sitwazzjoni finanzjarja u r-riżultat ekonomiku fil-31 ta' Diċembru tas-sena preċedenti; dawn għandhom jiġu ppreżentati f'konformità mar-regoli tal-kontabbiltà msemmijin fl-Artikolu 39;

(b)

ir-rendikont tal-fluss tal-flus li juri l-ammonti miġbura u żborżati matul is-sena u l-pożizzjoni finali tal-finanzi;

(c)

ir-rendikont tal-bidliet fl-assi netti li jippreżenta ħarsa ġenerali taċ-ċaqliq matul is-sena fir-riżervi u r-riżultati akkumulati.

2.   In-noti mehmużin mar-rendikonti finanzjarji għandhom jissuplimentaw u jikkummentaw dwar l-informazzjoni ppreżentata fir-rendikonti msemmijin fil-paragrafu 1 u għandhom jagħtu l-informazzjoni addizzjonali kollha preskritta minn prattika kontabilistika aċċettata internazzjonalment meta tali informazzjoni tkun rilevanti għall-attivitajiet tal-Aġenzija.

Artikolu 21

Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-baġit

Ir-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għandu jinkludi l-baġit ġenerali, u baġits assoċjati ma' attivitajiet ad hoc u dħul addizzjonali; u għandu jiġi ppreżentat f'euro. L-istruttura tar-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għandha tkun l-istess bħal dik tal-baġit innifsu.

Din għandha tikkonsisti minn:

(a)

rapport li jiġbor flimkien l-operazzjonijiet baġitarji kollha għas-sena f'termini ta' dħul u nfiq;

(b)

noti ta' spjegazzjoni, li għandhom jissupplimentaw u jikkummentaw dwar l-informazzjoni mogħtija fir-rapporti.

Artikolu 22

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Aġenzija

1.   Jekk membru tal-persunal, involut fil-ġestjoni finanzjarja u fil-kontroll tat-tranżazzjonijiet iqis li deċiżjoni li s-superjur tiegħu jitolbu japplika jew li jaqbel magħha tkun irregolari jew tmur kontra l-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba jew kontra r-regoli professjonali li dak il-membru tal-persunal huwa mitlub josserva, dan għandu jinforma lill-Kap Eżekuttiv bil-miktub li għandu wkoll iwieġeb bil-miktub. Jekk il-Kap Eżekuttiv jonqos milli jieħu azzjoni jew jikkonferma d-deċiżjoni jew l-istruzzjoni inizjali u l-membru tal-persunal iqis li tali konferma ma tikkostitwixxix tweġiba raġonevoli għat-tħassib tiegħu, il-membru tal-persunal għandu jinforma lill-Kap tal-Aġenzija.

2.   Fil-każ ta' kwalunkwe attività illegali, frodi jew korruzzjoni li tista' tippreġudika l-interessi tal-Aġenzija jew tal-membri tagħha, il-membru tal-persunal għandu jinforma lill-awtoritajiet u lill-korpi maħtura skont il-leġislazzjoni applikabbli. Il-Kulleġġ tal-Awdituri kif ukoll kwalunkwe awditur estern li jwettaq l-awditi finanzjarji tal-Aġenzija għandhom jinformaw lill-Uffiċjal Awtorizzanti bi kwalunkwe suspett ta' attività illegali, frodi jew korruzzjoni li tista' tippreġudika l-interessi tal-Aġenzija jew il-membri tagħha.

Artikolu 23

Uffiċjal tal-kontabbiltà

1.   Il-Bord ta' Tmexxija għandu jaħtar uffiċjal tal-kontabbiltà, kopert bir-Regolamenti tal-Persunal tal-Aġenzija, li għandu jkun totalment indipendenti fil-qadi ta' dmirijietu fi ħdan l-Aġenzija u responsabbli quddiem il-Bord ta' Tmexxija. Fl-Aġenzija, l-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jkun responsabbli minn:

(a)

l-implimentazzjoni adegwata tal-ħlasijiet, il-ġbir tad-dħul u l-irkupru tal-ammonti stabbiliti bħala riċevibbli;

(b)

iż-żamma, it-tħejjija u l-preżentazzjoni tal-kontijiet f'konformità mal-Kapitolu 6 ta' dan it-Titolu u mal-Artikoli 19, 20 u 21;

(c)

l-implimentazzjoni, f'konformità mal-Kapitolu 6 ta' dan it-Titolu, ir-regoli tal-kontabbiltà u tat-tabella tal-kontijiet;

(d)

il-valutazzjoni ta' sistemi stabbiliti mill-Uffiċjal Awtorizzanti biex tingħata jew tiġi ġustifikata informazzjoni dwar il-kontijiet; f'dan ir-rigward, l-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jingħata s-setgħa jivverifika l-konformità mal-kriterji ta' validazzjoni fi kwalunkwe ħin;

(e)

l-amministrazzjoni tal-finanzi.

2.   L-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jikseb mingħand l-Uffiċjali Awtorizzanti l-informazzjoni kollha neċessarja għall-produzzjoni ta' kontijiet li jagħtu stampa vera u ġusta tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-Aġenzija u tal-implimentazzjoni tal-baġit. L-Uffiċjali Awtorizzanti għandu jiggarantixxi l-affidabbiltà ta' dik l-informazzjoni.

3.   Qabel l-adozzjoni tal-kontijiet mill-Kap Eżekuttiv, l-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jiffirmahom, biex b'hekk jiċċertifika li għandu garanzija raġonevoli li l-kontijiet jippreżentaw stampa vera u ġusta tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-Aġenzija.

Għall-fini tal-ewwel subparagrafu, l-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jivverifika li l-kontijiet tħejjew f'konformità mar-regoli tal-kontabbiltà msemmija fl-Artikolu 39 u li d-dħul u l-infiq kollu jkunu ddaħħlu fil-kontijiet.

L-uffiċjal awtorizzanti jew id-delegati tiegħu għandhom jibqgħu totalment responsabbli għall-użu xieraq tal-fondi li jamministraw, il-legalità u r-regolarità tan-nefqa taħt il-kontroll tagħhom u l-kompletezza u l-preċiżjoni tal-informazzjoni mgħoddija lill-uffiċjal tal-kontabbiltà.

L-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jingħata s-setgħa jikkontrolla l-informazzjoni li jirċievi kif ukoll li jwettaq kwalunkwe kontroll ieħor li jqis neċessarju sabiex jiffirma l-kontijiet.

L-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jagħmel riżervi, jekk ikun meħtieġ, u jispjega eżattament in-natura u l-ambitu ta' tali riżervi.

Soġġett għall-paragrafu 4, l-uffiċjal tal-kontabbiltà biss għandu jkollu s-setgħa jamministra l-flus kontanti u l-ekwivalenti għall-flus kontanti. L-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jkun responsabbli għall-kustodja tagħhom.

4.   L-uffiċjal tal-kontabbiltà jista', fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu, jiddelega ċerti kompiti lil membri tal-persunal soġġetti għar-Regolamenti tal-Persunal tal-Aġenzija fejn dan ikun indispensabbli għall-qadi ta' dmirijietu f'konformità mar-regoli finanzjarji tal-Aġenzija.

5.   Mingħajr preġudizzju għal xi azzjoni dixxiplinari, l-uffiċjali tal-kontabbiltà jista' fi kwalunkwe ħin jiġi sospiż b'mod temporanju jew għal kollox milli jaqdi dmirijietu mill-Bord ta' Tmexxija. F'każ bħal dan, il-Bord ta' Tmexxija għandu jaħtar uffiċjal interim tal-kontabbiltà.

Artikolu 24

Responsabbiltà tal-atturi finanzjarji

1.   L-Artikoli 16 sa 26 huma mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe responsabbiltà taħt il-liġi kriminali, li l-atturi finanzjarji jistgħu iġorru kif previst fid-dritt nazzjonali applikabbli u fid-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Aġenzija u dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Unjoni jew uffiċjali tal-Istati Membri.

2.   Kull Uffiċjal Awtorizzanti u uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jkun espost għal azzjoni dixxiplinarja u għall-ħlas ta' kumpens kif previst fir-Regolamenti tal-Persunal tal-Aġenzija. Fil-każ ta' xi attività illegali, frodi jew korruzzjoni li tista' tagħmel ħsara lill-interessi tal-Aġenzija jew tal-membri tagħha, il-kwistjoni għandha tiġi riferita lill-awtoritajiet u l-korpi indikati mil-leġislazzjoni applikabbli, b'mod partikolari l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF).

3.   Kull membru tal-persunal jista' jiġi mitlub jagħmel tajjeb, kompletament jew parzjalment, għal kwalunkwe dannu mġarrab mill-Aġenzija bħala riżultat ta' mġieba ħażina serja min-naħa tiegħu matul jew b'rabta mal-eżekuzzjoni tad-dmirijiet tiegħu. L-awtorità tal-ħatra għandha tieħu deċiżjoni motivata wara li twettaq il-formalitajiet preskritti mil-leġislazzjoni applikabbli rigward kwistjonijiet dixxiplinari.

4.   Fir-rigward tar-responsabbiltà tal-uffiċjali awtorizzanti, għandu japplika l-Artikolu 73(1) u (2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

Artikolu 25

Konflitti ta' interessi

1.   L-atturi finanzjarji fit-tifsira tal-Kapitolu 2 tat-Titolu III u persuni oħra involuti fl-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-baġit, inklużi l-atti preparatorji tagħhom, l-awditu jew il-kontroll ma għandhom jieħdu l-ebda azzjoni li tista' ġġib l-interessi tagħhom f'konflitt ma' dawk tal-Aġenzija.

Fejn jeżisti tali riskju, il-persuna inkwistjoni għandha tieqaf minn tali azzjonijiet u tirreferi l-kwistjoni lill-Kap Eżekuttiv li għandu jikkonferma bil-miktub jekk jeżistix konflitt ta' interess. Il-persuna inkwistjoni għandha tinforma wkoll lis-superjur immedjat tagħha. Jekk l-attur ikun il-Kap Eżekuttiv, dan għandu jirreferi l-kwistjoni lill-Kap tal-Aġenzija.

Meta jinstab li jeżisti konflitt ta' interess, il-persuna inkwistjoni għandha twaqqaf l-attivitajiet kollha fil-kwistjoni. Il-Kap Eżekuttiv, jew il-Kap tal-Aġenzija fil-każ li l-konflitt ta' interessi jikkonċerna lill-Kap Eżekuttiv, għandu jieħu kwalunkwe azzjoni xierqa oħra.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, konflitt ta' interess ikun jeżisti fejn l-eżerċizzju imparzjali u oġġettiv tal-funzjonijiet ta' attur finanzjarju jew ta' persuna oħra, kif jissemma fil-paragrafu 1, ikun kompromess għal raġunijiet li jinvolvu l-familja, il-ħajja emozzjonali, l-affinità politika jew nazzjonali, l-interess ekonomiku jew kwalunkwe interess ieħor kondiviż ma' benefiċjarju.

Artikolu 26

Segregazzjoni tad-dmirijiet

Id-dmirijiet tal-Uffiċjal Awtorizzanti u tal-uffiċjal tal-kontabbiltà għandhom ikunu segregati u reċiprokament esklussivi.

KAPITOLU 3

Awditjar intern

Artikolu 27

Ħatra, poteri u dmirijiet tal-awditur intern

1.   L-Aġenzija għandu jkollha funzjoni ta' awditjar intern li għandha titwettaq skont l-istandards internazzjonali rilevanti.

2.   L-awditur intern la jista' jkun l-Uffiċjal Awtorizzanti u lanqas l-uffiċjal tal-kontabbiltà.

3.   L-awdituri interni għandhom jagħtu parir lill-Aġenzija kif tiffaċċja r-riskji, billi joħorġu opinjonijiet indipendenti dwar il-kwalità tas-sistemi ta' amministrazzjoni u kontroll u billi joħorġu rakkomandazzjonijiet li jtejbu l-kondizzjonijiet tal-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet u jippromwovu amministrazzjoni finanzjarja soda.

L-awditur intern għandu jkun responsabbli b'mod partikolari għall-:

(a)

valutazzjoni tal-idoneità u l-effikaċja tas-sistemi ta' amministrazzjoni interni u l-prestazzjoni tad-dipartimenti fl-implimentazzjoni ta' programmi u azzjonijiet b'referenza għar-riskji assoċjati magħhom;

(b)

valutazzjoni tal-effiċjenza u l-effikaċja tas-sistemi interni ta' kontroll u ta' awditjar applikabbli għal kull operazzjoni ta' implimentazzjoni tal-baġit.

4.   L-awditur intern għandu jwettaq id-dmirijiet tiegħu fir-rigward tal-attivitajiet u d-dipartimenti kollha tal-Aġenzija. L-awditur intern għandu jgawdi minn aċċess sħiħ u mingħajr limitu għall-informazzjoni kollha meħtieġa biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu. L-awditur intern għandu jieħu nota tar-rapport annwali tal-Kap Eżekuttiv u ta' kwalunkwe biċċa informazzjoni oħra identifikata.

5.   L-awditur intern għandu jfassal pjan tal-awditu annwali u jippreżentah lill-Kap Eżekuttiv.

6.   L-awditur intern għandu jieħu nota tar-rapport tal-Uffiċjal Awtorizzanti skont l-Artikolu 19 u ta' kwalunkwe biċċa informazzjoni oħra identifikata.

7.   L-awditur intern għandu jirrapporta lill-Kap Eżekuttiv dwar ir-riżultati u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu.

L-awditur intern għandu jirrapporta wkoll fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

riskji u rakkomandazzjonijiet kritiċi ma ġewx indirizzati,

hemm dewmien sinifikanti fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet magħmula fis-snin ta' qabel.

Il-Kap Eżekuttiv għandu jiżgura s-sorveljanza regolari tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-awditu.

Kull sena l-Kap Eżekuttiv għandu jippreżenta rapport lill-Bord ta' Tmexxija b'sommarju tal-għadd u t-tip ta' awditi interni mwettqa, ir-rakkomandazzjonijiet magħmula u l-azzjoni meħuda fuq dawk ir-rakkomandazzjonijiet. Il-Bord ta' Tmexxija għandu jeżamina l-informazzjoni u jekk ir-rakkomandazzjonijiet ġewx implimentati b'mod sħiħ u fil-ħin.

8.   L-Aġenzija għandha tagħmel disponibbli d-dettalji ta' kuntatt tal-awditur intern għal kull persuna fiżika jew ġuridika involuta f'operazzjonijiet ta' nfiq, għall-iskopijiet ta' kuntatt kunfidenzjali mal-awditur intern.

9.   Ir-rapporti u r-riżultati tal-awditur intern għandhom ikunu aċċessibbli għall-pubbliku biss wara validazzjoni mill-awditur intern tal-azzjoni meħuda għall-implimentazzjoni tagħhom.

Artikolu 28

Indipendenza tal-awditur intern

L-indipendenza tal-awditur intern, ir-responsabbiltà tal-awditur intern għall-azzjoni meħuda fit-twettiq ta' dmirijietu u d-dritt tal-awditur intern li jressaq azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi stabbilita skont l-Artikolu 100 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

KAPITOLU 4

Operazzjonijiet ta' dħul u nfiq

Artikolu 29

Implimentazzjoni tad-dħul

1.   L-implimentazzjoni tad-dħul għandha tinkludi l-preparazzjoni tal-estimi tal-ammonti riċevibbli, l-istabbiliment tal-intitolamenti li għandhom jiġu rkuprati u l-irkupru ta' ammonti mhux dovuti. Għandha tinkludi wkoll il-possibilità ta' rinunzja għal intitolamenti stabbiliti, fejn xieraq.

2.   L-ammonti li jitħallsu bi żball għandhom jiġu rkuprati.

Jekk l-irkupru effettiv ma jseħħx fl-iskadenza prevista fin-nota ta' debitu, l-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jgħarraf lill-Uffiċjal Awtorizzanti u jniedi minnufih il-proċedura tal-irkupru bi kwalunkwe mezz legali, inkluż, jekk ikun il-każ, permezz ta' kumpens, u jekk dan ma jkunx jistax isir, permezz ta' rkupru nfurzat.

Fejn l-Uffiċjal Awtorizzanti jkun qiegħed jippjana li jirrinunzja għal irkupru sħiħ jew parzjali ta' xi ammont riċevibbli stabbilit, għandu jiżgura li r-rinunzja ssir sewwa u li tkun konformi mal-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja tajba u tal-proporzjonalità. Id-deċiżjoni ta' rinunzja għandha tiġi ssostanzjata. Id-deċiżjoni ta' rinunzja għandha tiddikjara li ttieħdet azzjoni biex isir l-irkupru u l-punti ta' dritt u ta' fatt li fuqhom tkun ibbażata.

L-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jżomm lista ta' ammonti li għandhom ikunu rkuprati. L-intitolamenti tal-Aġenzija għandhom jinġabru flimkien fil-lista skont id-data tal-ħruġ tal-ordni ta' rkupru. L-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jindika wkoll id-deċiżjonijiet li jirrinunzja għall-irkupru sħiħ jew parzjali ta' ammonti stabbiliti. Il-lista għandha tiġi miżjuda mal-kontijiet annwali tal-Aġenzija.

3.   Kwalunkwe debitu mhux mħallas lura sad-data stipulata fin-nota ta' debitu jeħel imgħax skont l-Artikolu 83 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 (5).

4.   L-intitolamenti tal-Aġenzija fir-rigward ta' partijiet terzi u l-intitolamenti ta' partijiet terzi fir-rigward tal-Aġenzija għandhom ikunu soġġetti għal terminu ta' limitazzjoni ta' ħames snin.

Artikolu 30

Kontribuzzjoni tal-Istati Membri għall-baġit ġenerali tal-aġenzija

1.   Id-determinazzjoni ta' kontribuzzjonijiet fejn hija applikabbli l-iskala tad-DNG għandha tkun kif ġej:

(a)

fejn tkun applikabbli l-iskala tad-DNG, it-tqassim tal-kontribuzzjonijiet bejn l-Istati Membri li mingħandhom hija dovuta kontribuzzjoni għandu jiġi ddeterminat b'konformità mal-iskala tal-prodott nazzjonali gross kif speċifikat fl-Artikolu 41(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom (6) jew kwalunkwe deċiżjoni oħra li tista' tieħu postha;

(b)

id-data għall-kalkolu ta' kull kontribuzzjoni għandhom ikunu dawk stabbiliti fil-kolonna tar-'Riżorsi proprji tad-DNG' fit-tabella tas-'Sommarju tal-finanzjament tal-baġit ġenerali skont it-tip tar-riżorsa proprja u skont l-Istat Membru' li hija mehmuża mal-aħħar baġit tal-Unjoni. Il-kontribuzzjoni ta' kull Stat Membru li mingħandu hija dovuta kontribuzzjoni għandha tkun proporzjonali mas-sehem tad-DNG ta' dak l-Istat Membru fit-total tad-DNG aggregat tal-Istati Membri li mingħandhom hija dovuta kontribuzzjoni.

2.   Is-skeda għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet għandha tkun kif ġej:

(a)

il-kontribuzzjonijiet maħsuba biex jiffinanzjaw il-baġit ġenerali tal-Aġenzija għandhom jitħallsu mill-Istati Membri parteċipanti fi tliet pagamenti ndaqs, sal-15 ta' Marzu, il-15 ta' Ġunju u l-15 ta' Ottubru tas-sena finanzjarja kkonċernata. L-Aġenzija għandha tibgħat ittri ta' sejħa għal kontribuzzjonijiet lill-Istati Membri parteċipanti mill-inqas 60 ġurnata qabel id-dati tal-pagament;

(b)

meta jiġi adottat baġit emendatorju, il-kontribuzzjonijiet meħtieġa għandhom jitħallsu mill-Istati Membri parteċipanti fi żmien 60 jum minn meta tintbagħat is-sejħa għall-kontribuzzjonijiet;

(c)

kull Stat Membru għandu jħallas l-ispejjeż bankarji marbuta mal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tiegħu;

(d)

jekk il-baġit annwali ma jiġix approvat sat-30 ta' Novembru, l-Aġenzija, fuq talba ta' Stat Membru, tista' toħroġ sejħa proviżorja individwali għall-kontribuzzjonijiet għal dak l-Istat Membru, bil-ħlas irid isir sa 60 jum minn meta tintbagħat is-sejħa għall-kontribuzzjoni.

Meta l-ħlas isir qabel l-iskadenza u jasal għand l-Aġenzija sa mhux aktar tard minn 10 jum li jaqbżu l-iskadenza, ma jkun dovut ebda mgħax lill-Aġenzija kif stipulat fl-Artikolu 29.3. Meta l-ħlas isir iżjed minn għaxart ijiem tard, għandhom jiġu imposti mgħaxijiet għad-dewmien kollu.

Artikolu 31

Implimentazzjoni tan-nefqa

1.   Biex in-nefqa tiġi implimentata, l-Uffiċjal Awtorizzanti għandu jagħmel impenji baġitarji u impenji legali, jivvalida n-nefqa u jawtorizza l-ħlasijiet, u jieħu l-passi preliminari għall-implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet.

2.   Impenn baġitarju huwa l-operazzjoni li biha tiġi rriżervata l-approprjazzjoni meħtieġa sabiex tkopri l-ħlasijiet sussegwenti biex jiġu onorati l-impenji legali. Impenn legali huwa l-att li bih l-Uffiċjal Awtorizzanti jidħol fi, jew jistabbilixxi, obbligu li jirriżulta fi spiża. Impenji baġitarji u impenji legali għandhom jiġu adottati mill-istess Uffiċjal Awtorizzanti, ħlief f'każijiet iġġustifikati kif xieraq.

Impenji baġitarji għandhom jidħlu f'waħda minn dawn il-kategoriji li ġejjin:

(a)

individwali: l-impenn baġitarju huwa individwali meta l-benefiċjarju u l-ammont tan-nefqa huma magħrufa;

(b)

globali: l-impenn baġitarju huwa globali meta għall-anqas wieħed mill-elementi meħtieġa biex ikun identifikat l-impenn individwali jkun għadu mhux magħruf;

(c)

proviżorju: l-impenn baġitarju huwa proviżorju meta jkun maħsub biex ikopri nefqa amministrattiva ta' rutina u jew l-ammont jew il-benefiċjarji finali ma jkunux magħrufa b'mod definittiv.

L-impenji baġitarji għal azzjonijiet li jestendu għal aktar minn sena finanzjarja jistgħu jitqassmu f'pagamenti annwali fuq diversi snin biss meta l-att bażiku jipprevedi dan jew meta jkunu għan-nefqa amministrattiva.

3.   Kull element tan-nefqa għandu jiġi impenjat, validat, awtorizzat u mħallas.

Il-validazzjoni tan-nefqa hi l-att li bih l-Uffiċjal Awtorizzanti:

(a)

jivverifika l-eżistenza tal-intitolament tal-kreditur;

(b)

jiddetermina jew jivverifika r-realtà u l-ammont tal-pretensjoni;

(c)

jivverifika l-kondizzjonijiet li bihom ikun dovut il-ħlas.

L-awtorizzazzjoni tan-nefqa hija l-att li bih l-Uffiċjal Awtorizzanti, wara li jkun ivverifika li l-approprjazzjonijiet ikunu disponibbli, jagħti struzzjoni lill-uffiċjal tal-kontabbiltà sabiex iħallas in-nefqa vvalidata.

4.   Fir-rigward ta' kwalunkwe miżura li tista' tistabbilixxi nefqa addebitabbli lill-baġit tal-Aġenzija, l-Uffiċjal Awtorizzanti għandu jagħmel impenn baġitarju qabel jidħol għal impenn legali ma' partijiet terzi.

5.   L-ewwel sena tal-Qafas ta' Ppjanar għal tliet Snin tal-Aġenzija għandha tipprovdi l-awtorizzazzjoni mill-Bord ta' Tmexxija għan-nefqa operazzjonali tal-Aġenzija fuq l-attivitajiet li tkopri, sakemm l-elementi stipulati f'dan il-paragrafu huma identifikati b'mod ċar.

Il-Qafas ta' Ppjanar għandu jkun magħmul minn għanijiet fid-dettall u r-riżultati mistennija. Għandu jinkludi wkoll deskrizzjoni tal-azzjoni(jiet) li jridu jiġu ffinanzjati u indikazzjoni tal-ammont allokat għal kull azzjoni.

Kwalunkwe emenda sostanzjali għall-ewwel sena tal-Qafas ta' Ppjanar għal tliet Snin tal-Aġenzija għandha tiġi adottata bl-istess proċedura bħall-Qafas ta' Ppjanar inizjali.

Il-Bord ta' Tmexxija jista' jiddelega s-setgħa li jagħmel emendi mhux sostanzjali għall-Qafas ta' Ppjanar lill-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Aġenzija.

Artikolu 32

limiti ta' żmien

Il-ħlas tan-nefqa jrid jsir fil-limiti ta' żmien speċifikati fl-Artikolu 92 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u l-Artikolu 111 tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1268/2012 u f'konformità magħhom.

KAPITOLU 5

Implimentazzjoni tal-baġit

Artikolu 33

Akkwist pubbliku

1.   Fir-rigward tal-akkwist pubbliku, it-Titolu V tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u r-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1268/2012 għandhom japplikaw soġġetti għall-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu.

2.   Għal kuntratti b'valur ta' bejn EUR 60,000 u l-limiti stabbiliti fl-Artikolu 118 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tista' tintuża l-proċedura stipulata fir-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1268/2012 għal kuntratti b'valur baxx li ma jaqbżux EUR 60,000.

3.   L-Aġenzija tista' tikkonkludi kuntratt, mingħajr ma tirrikorri għal proċedura ta' akkwist pubbliku, mal-Kummissjoni Ewropea, l-uffiċċji interistituzzjonali, iċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2965/94 (7) u ma' korpi oħra tal-Unjoni għall-provvista ta' oġġetti jew servizzi jew għat-twettiq ta' xogħol li jipprovdu dawn tal-aħħar.

Artikolu 34

Akkwist konġunt

1.   L-Aġenzija tista' tkun assoċjata, fuq talba tagħha, bħala awtorità kontraenti, fl-għoti ta' kuntratti tal-Kummissjoni jew kuntratti interistituzzjonali u fl-għoti ta' kuntratti ta' korpi jew aġenziji oħra tal-Unjoni.

2.   Fil-kuntest ta' attivitajiet ta' kollaborazzjoni mal-Istati Membri, bħal dawn imsemmija fil-Kapitolu IV tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1835, l-Aġenzija tista' tuża proċeduri ta' akkwist pubbliku konġunt.

3.   Fil-każ ta' proċedura ta' akkwist konġunt bejn l-Aġenzija u l-awtorità kontraenti minn Stat Membru, wieħed jew aktar, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet proċedurali applikabbli għall-Aġenzija.

Fejn is-sehem li jappartjeni lil jew huwa ġestit mill-awtorità kontraenti ta' Stat Membru, wieħed jew aktar, ikun daqs jew aktar minn 50 % tal-istima tal-valur totali tal-kuntratt, jew f'każijiet oħra ġġustifikati kif xieraq, għandhom japplikaw ir-regoli proċedurali tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), tad-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), jew ta' kwalunkwe att legali ieħor tal-UE li jista' jkun applikabbli fid-dawl tas-suġġett inkwistjoni.

4.   L-Aġenzija tista' tuża l-proċeduri ta' akkwist konġunt mal-awtoritajiet kontraenti tal-Istat Membru ospitanti sabiex tkopri l-ħtiġijiet amministrattivi tagħha. F'tali każ, l-Artikolu 133 tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1268/2012 għandu japplika mutatis mutandis.

Artikolu 35

Esperti

Għall-għażla ta' esperti, l-Aġenzija tista' tapplika d-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 287 tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1268/2012, soġġetta għal kwalunkwe proċedura speċifika stipulata fl-att bażiku tal-programm li l-implimentazzjoni tiegħu hija fdata lill-Aġenzija. Tali esperti għandhom jitħallsu fuq il-bażi ta' ammont fiss imħabbar minn qabel u għandhom jintgħażlu fuq il-bażi tal-kapaċità professjonali tagħhom.

L-esperti esterni għandhom jintgħażlu abbażi tal-ħiliet, l-esperjenza u l-għarfien xierqa biex iwettqu l-kompiti assenjati lilhom u skont il-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni, it-trattament indaqs u l-assenza ta' konflitt ta' interessi.

Artikolu 36

Għotjiet

Fir-rigward ta' għotjiet, it-Titolu VI tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u r-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1268/2012 għandhom japplikaw soġġetti għal kwalunkwe dispożizzjoni speċifika tal-istrument kostitwenti.

Artikolu 37

Premjijiet

1.   Fir-rigward ta' premjijiet, it-Titolu VII tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u r-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1268/2012 għandhom japplikaw soġġetti għall-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

2.   Il-kompetizzjonijiet għall-premjijiet b'valur unitarju ta' EUR 10,000 jew aktar jistgħu jkunu ppubblikati biss jekk ikunu ġew previsti fil-Qafas ta' Ppjanar tal-Aġenzija.

Artikolu 38

Indikazzjoni tal-mezzi ta' rimedju

1.   Fejn att proċedurali ta' Uffiċjal Awtorizzanti jolqot b'mod negattiv id-drittijiet ta' applikant jew ta' offerent, benefiċjarju jew kuntrattur, huwa għandu jkun fih indikazzjoni tal-mezzi disponibbli ta' rimedju amministrattiv u/jew ġudizzjarju għall-kontestazzjoni ta' dan l-att.

2.   B'mod partikolari, in-natura tar-rimedju, l-entità jew l-entitajiet quddiem min jista' jitressaq kif ukoll il-limiti taż-żmien għall-eżerċizzju tagħhom għandhom ikunu indikati.

KAPITOLU 6

Kontabbiltà

Artikolu 39

Regoli dwar il-kontijiet

L-Aġenzija għandha tistabbilixxi sistema ta' kontabbiltà li tipprovdi informazzjoni preċiża, sħiħa u affidabbli f'waqtha.

L-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Aġenzija għandu jadotta regoli bbażati fuq standards tal-kontabbiltà aċċettati internazzjonalment għas-settur pubbliku. L-uffiċjal tal-kontabbiltà jista' jiddevja minn dawk l-istandards jekk iqis li dan ikun meħtieġ għal stampa vera u ġusta tal-assi u l-obbligazzjonijiet, l-ispejjeż, id-dħul u l-fluss tal-flus. Fejn l-uffiċjal tal-kontabbiltà jiddevja materjalment minn dawk l-istandards, in-noti għad-dikjarazzjonijiet finanzjarji għandhom jiżvelaw dan il-fatt u r-raġunijiet għalih.

Artikolu 40

Prinċipji tal-kontabbiltà

Id-dikjarazzjonijiet finanzjarji għandhom jippreżentaw l-informazzjoni, inkluża informazzjoni dwar il-politiki tal-kontabbiltà, b'mod li jiġi żgurat li tkun rilevanti, affidabbli, komparabbli u li tista' tinftiehem. Ir-rendikonti finanzjarji għandhom jitfasslu f'konformità mal-Artikolu 39.

Artikolu 41

Sistema ta' kontabbiltà

1.   Is-sistema tal-kontabbiltà għandha tikkonsisti fil-kontijiet ġenerali u l-kontijiet baġitarji. Il-kontijiet għandhom jinżammu f'euro fuq il-bażi tas-sena kalendarja.

2.   Il-kontijiet ġenerali għandhom iżommu f'ordni kronoloġika u bil-metodu tal-kontroentrati, l-eventi u l-operazzjonijiet kollha li jolqtu l-qagħda ekonomika u finanzjarja u l-assi u l-obbligazzjonijiet tal-Aġenzija.

3.   Il-kontijiet baġitarji għandhom jirreġistraw fid-dettall l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija. Huma għandhom jirreġistraw l-operazzjonijiet baġitarji kollha tad-dħul u n-nefqa.

Artikolu 42

Inventarji

L-Aġenzija għandha żżomm inventarji li juru l-kwantità u l-valur tal-assi kollha tanġibbli, intanġibbli u finanzjarji li jikkostitwixxu l-proprjetà tagħha. L-Aġenzija għandha tivverifika li l-entrati fl-inventarju jaqblu mas-sitwazzjoni attwali.

KAPITOLU 7

Awditjar estern u l-ġlieda kontra l-frodi

Artikolu 43

Awditjar estern

1.   Il-Bord ta' Tmexxija għandu jaħtar Kulleġġ tal-Awdituri biex iwettaq il-funzjoni tal-awditjar estern tal-baġits amministrattivi u operattivi, il-kontijiet finanzjarji u r-rendikonti finanzjarji tal-Aġenzija. L-awditu għandu jsir f'konformità mal-istandards internazzjonali aċċettati għall-awditjar u, bl-approvazzjoni ta-Bord ta' Tmexxija, skont termini ta' referenza addizzjonali.

Mill-anqas darba kull tliet snin, il-Kulleġġ għandu jipprovdi assigurazzjoni indipendenti u pariri lill-Bord ta' Tmexxija li l-attivitajiet tal-Aġenzija jkunu ġew imwettqa f'konformità mal-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba. Sabiex iwettaq dak il-kompitu, il-Kulleġġ jista' jirrikorri għal persunal addizzjonali temporanju, bi qbil mal-Kumitat ta' Tmexxija.

2.   Il-Kulleġġ tal-Awdituri għandu jkun magħmul minn mill-inqas tliet awdituri minn Stati Membri parteċipanti differenti, appoġġati minn persunal innominat mill-Kulleġġ. Dak il-membru tal-persunal jista' jibqa' sakemm il-membru tal-Kulleġġ tal-Awdituri li jkun innominah jibqa' fil-kariga.

3.   Il-membri tal-Kulleġġ tal-Awdituri għandhom jinħatru għal perijodu ta' tliet awditi sussegwenti. Għandha tkun żgurata rotazzjoni ġusta fost l-Istati Membri parteċipanti li jixtiequ jibagħtu awdituri.

4.   Il-Bord ta' Tmexxija għandu jaħtar il-Kulleġġ tal-Awdituri minn kandidati proposti mill-Istati Membri parteċipanti. Preferibbilment, il-kandidati għandhom ikunu membri tal-ogħla istituzzjoni tal-awditur nazzjonali tal-Istati Membri parteċipanti u joffru garanziji adegwati ta' sigurtà u indipendenza. Huma għandhom ikunu disponibbli biex iwettqu kompiti f'isem l-Aġenzija kif meħtieġ. Fit-twettiq ta' dawk il-kompiti:

(a)

il-membri tal-Kulleġġ u l-persunal li jassistihom għandhom jibqgħu jiġu mħallsa mill-istituzzjoni tal-awditur oriġinali tagħhom u għandhom jirċievu biss mill-Aġenzija rimborż tal-ispejjeż tal-missjoni tagħhom fuq l-istess bażi kif previst fir-regoli tal-Aġenzija;

(b)

huma la għandhom jitolbu u lanqas jirċievu istruzzjonijiet ħlief mill-Bord ta' Tmexxija; fil-mandat tiegħu ta' awditjar, il-Kulleġġ tal-Awdituri u l-membri tiegħu għandhom ikunu kompletament indipendenti u responsabbli biss għat-twettiq tal-awditjar estern;

(c)

huma għandhom jirrappurtaw dwar il-kompitu tagħhom lill-Bord ta' Tmexxija biss;

(d)

huma għandhom jivverifikaw li d-dħul u n-nefqa amministrati mill-Aġenzija ġew implimentati b'konformità mal-leġislazzjoni applikabbli u l-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba.

5.   Kull sena, il-Kulleġġ tal-Awdituri għandu jeleġġi l-president tiegħu għas-sena finanzjarja li tkun ġejja. Għandu jadotta r-regoli applikabbli għall-awditjar li jsir mill-membri tiegħu skont l-ogħla standards internazzjonali għall-awditjar. Il-Kulleġġ tal-Awdituri għandu japprova r-rapporti tal-awditu mfassla mill-membri tiegħu qabel ma jintbagħtu lill-Kap Eżekuttiv u lill-Bord ta' Tmexxija.

6.   L-awdituri għandhom jiżguraw li jirrispettaw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni u jipproteġu d-data li jsiru jafu biha matul il-kompitu tagħhom ta' awditjar, skont ir-regoli applikabbli għal dik l-informazzjoni u data.

7.   L-awdituri għandu jkollhom aċċess, mingħajr dewmien u mingħajr ma javżaw minn qabel għad-dokumenti u l-kontenut tad-data kollha ta' appoġġ relatati ma' dak id-dħul u n-nefqa u għall-bini fejn huma miżmuma dawk id-dokumenti u d-data ta' appoġġ. Jistgħu jagħmlu kopji. Il-persuni involuti fl-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa tal-Aġenzija għandhom jagħtu lill-Kap Eżekuttiv u lill-persuni responsabbli tal-awditjar ta' dik in-nefqa l-għajnuna meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħhom. Spejjeż relatati mal-awditu għandhom jiġu ddebitati lill-baġit ġenerali.

8.   Fuq il-proposta tal-Kap Eżekuttiv jew ta' Stat Membru, il-Bord ta' Tmexxija jista' jiddeċiedi skont il-każ li juża korpi esterni oħrajn għal reviżjonijiet speċjali f'koordinazzjoni mal-kompitu mogħti lill-Kulleġġ tal-Awdituri.

9.   F'każijiet speċifiċi, l-awtoritajiet tal-awditjar nazzjonali ta' Stati Membri parteċipanti, bi spiża għalihom u bi qbil mal-Bord ta' Tmexxija, jistgħu jiksbu kwalunkwe informazzjoni u jeżaminaw kwalunkwe dokument li jqisu meħtieġ għall-awditjar tas-sehem nazzjonali rispettiv jew għar-rapport lill-gvern u l-Parlament, mingħajr ma jiksru għall-Istati Membri parteċipanti l-oħra u għar-responsabbiltajiet tal-Kulleġġ tal-Awdituri u f'konformità mar-regoli tal-Aġenzija, speċjalment ir-regoli tal-protezzjoni tad-data.

Artikolu 44

Awditu annwali u kwittanza tal-baġit tal-aġenzija

1.   Sal-31 ta' Marzu wara tmiem is-sena finanzjarja, il-Kap Eżekuttiv għandu jippreżenta lill-Kulleġġ tal-Awdituri, għal eżami u opinjoni tagħhom, abbozz tal-kontijiet annwali tal-Aġenzija kif imsemmija fl-Artikolu 19.

2.   Sat-30 ta' Ġunju wara tmiem is-sena finanzjarja, il-Kulleġġ tal-Awdituri għandu jippreżenta lill-Kap Eżekuttiv ir-rapport tal-awditu annwali tiegħu li jkun fih l-opinjoni u l-osservazzjonijiet tal-Kulleġġ dwar l-abbozz tal-kontijiet annwali msemmi fil-paragrafu 1.

3.   Sal-15 ta' Lulju wara tmiem is-sena finanzjarja, il-Kap Eżekuttiv għandu jippreżenta lill-Bord ta' Tmexxija l-kontijiet annwali finali awditjati u r-rapport tal-awditu flimkien mat-tweġibiet mill-Aġenzija.

4.   Sat-30 ta' Ottubru wara tmiem is-sena finanzjarja, il-Bord ta' Tmexxija għandu japprova l-kontijiet annwali awditjati u jagħti l-kwittanza lill-Kap Eżekuttiv u lill-Uffiċjal tal-Kontabbiltà għas-sena finanzjarja.

5.   Ladarba approvati mill-Bord ta' Tmexxija, il-kontijiet annwali awditjati għandhom jiġu nnotifikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

6.   Il-kontijiet u l-inventarji kollha għandhom jinżammu mill-Uffiċjal tal-Kontabbiltà għal perijodu ta' ħames snin mid-data li fiha ġiet mogħtija l-kwittanza marbuta magħhom.

Artikolu 45

OLAF

1.   L-OLAF jista' jwettaq investigazzjonijiet, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, skont id-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (11) bil-għan li jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Aġenzija b'rabta ma' għotja jew kuntratt iffinanzjati mill-Aġenzija.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, kuntratti, ftehimiet u deċiżjonijiet tal-Aġenzija għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li espressament jagħtu s-setgħa lill-Kulleġġ tal-Awdituri u lill-OLAF biex iwettqu awditi u investigazzjonijiet, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

TITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI APPLIKABBLI GĦAL DĦUL ADDIZZJONALI

Artikolu 46

Dħul addizzjonali

1.   Fil-qafas tal-missjoni tagħha skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1835, l-Aġenzija tista' tirċievi Dħul Addizzjonali għal fini speċifika:

(a)

mill-baġit ġenerali tal-Unjoni skont il-każ, b'rispett sħiħ għar-regoli, il-proċeduri u l-proċessi ta' teħid ta' deċiżjoni applikabbli għalih;

(b)

minn Stati Membri, pajjiżi terzi jew partijiet terzi oħra, sakemm il-Bord ta' Tmexxija ma jiddeċidix mod ieħor fi żmien xahar mill-wasla ta' tali informazzjoni mingħand l-Aġenzija.

2.   Id-dħul imsemmi fil-paragrafu 1 jista' jintuża biss għall-għan speċifiku li għalih ikun assenjat.

3.   L-ispejjeż amministrattivi addizzjonali marbuta mal-ġestjoni tad-dħul addizzjonali għandhom ikunu koperti, fejn rilevanti, mill-baġit assoċjat mad-Dħul Addizzjonali nnifsu.

4.   Id-dispożizzjonijiet mill-Kapitolu 2 sa 7 tat-Titolu III huma applikabbli għad-dħul addizzjonali sakemm il-ftehim(iet) rilevanti ma jipprevedux regoli differenti, li fi kwalunkwe każ għandhom ikunu konformi mal-prinċipji baġitarji stabbiliti fit-Titolu II.

5.   Kwalunkwe bilanċ baġitarju pożittiv li jirriżulta mid-Dħul Addizzjonali fi tmiem il-perijodu ta' implimentazzjoni għandu jkun ikkunsidrat bħala kreditu disponibbli għall-entitajiet li kkontribwew għalih u jintradd lilhom. Jista' jintuża wkoll għal finijiet speċifiċi oħra kif stabbilit fil-ftehim(iet) rilevanti jew, sakemm il-Bord ta' Tmexxija ma jiddeċidix mod ieħor, fi żmien xahar minn meta tasal tali informazzjoni mill-Aġenzija, kif propost mill-entità kkonċernata.

6.   L-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jadotta l-miżuri xierqa sabiex jiżgura li l-użu tad-dħul addizzjonali u tal-approprjazzjonijiet korrispondenti jiġi ssorveljat separatament. Għalhekk, kontribuzzjonijiet li jirriżultaw minn dħul addizzjonali għandhom jiġu kkalkulati separatament u użati skont l-għan speċifiku li għalih kienu assenjati. Għal raġunijiet ta' trasparenza, huma jitqiegħdu wkoll f'kontijiet tal-bank separati. Barra minn hekk, ser ikunu murija separatament fir-rapport ta' implimentazzjoni baġitarja tal-Aġenzija kif stabbilit fl-Artikolu 21.

TITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI APPLIKABBLI GĦAL BAĠITS ASSOĊJATI MA' ATTIVITAJIET AD HOC

Artikolu 47

Ġestjoni mill-aġenzija ta' baġits assoċjati ma' attivitajiet ad hoc

1.   Il-Bord ta' Tmexxija, fuq proposta tal-Kap Eżekuttiv jew ta' Stat Membru, jista' jiddeċiedi li l-Aġenzija tista' tiġi fdata mill-Istati Membri bil-ġestjoni amministrattiva u finanzjarja ta' ċerti attivitajiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha skont il-Kapitolu IV tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1835.

2.   Il-Bord ta' Tmexxija, fil-kuntest ta' proġetti u programmi ad hoc tal-Aġenzija, jista' jawtorizza lill-Aġenzija, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f'arranġamenti li jirregolaw l-attivitajiet inkwistjoni, biex tidħol f'kuntratti u ftehimiet ta' għotja, u tiġbor il-kontribuzzjonijiet meħtieġa minn dawk l-Istati Membri minn qabel, waqt li tqis il-limiti baġitarji tal-Istati Membri, sabiex tonora tali kuntratti u ftehimiet ta' għotja.

3.   Id-dispożizzjonijiet mill-Kapitolu 2 sa 7 tat-Titolu III ta' din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw għall-attivitajiet ad hoc stabbiliti skont l-Artikolu 19 jew 20 tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1835, sakemm l-att(i) bażiku/bażiċi tal-programm jew tal-proġett ma jipprevedix/jipprevedux regoli differenti, li fi kwalunkwe każ għandhom ikunu konformi mal-prinċipji tal-baġit stabbiliti fit-Titolu II ta' din id-Deċiżjoni.

4.   Kwalunkwe bilanċ baġitarju pożittiv li jirriżulta minn xi proġett jew programm ad hoc għandu jitqies bħala kreditu disponibbli għall-Istati Membri jew għal kwalunkwe entità oħra li kkontribwiet għalih u jintradd lilhom fi tmiem il-perijodu ta' implimentazzjoni, jew jintuża għall-għanijiet speċifiċi oħra kif stabbilit fil-ftehim(iet) rilevanti jew kif deċiż mill-Istat Membru jew entità kkonċernata.

TITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 48

Emendi

Kwalunkwe referenza għar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 għandha tinftiehem ukoll li tinkludi l-emendi għalih.

Artikolu 49

Tħassir tad-Deċiżjoni 2007/643/PESK

Id-Deċiżjoni 2007/643/PESK titħassar.

Artikolu 50

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Awwissu 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

M. LAJČÁK


(1)  ĠU L 266, 13.10.2015, p. 55.

(2)  ĠU L 269, 12.10.2007, p. 1.

(3)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(4)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1351 tal-4 ta' Awwissu 2016 dwar ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u li tħassar id-Deċiżjoni 2004/676/KE (Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(5)  Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).

(6)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 163, 23.6.2007, p. 17).

(7)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2965/94 tat-28 ta' Novembru 1994 li jistabbilixxi ċentru tat-Traduzzjoni għall-entitajiet tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 314, 7.12.1994, p. 1).

(8)  Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).

(9)  Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta' ċerti kuntratti ta' xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE (ĠU L 216, 20.8.2009, p. 76).

(10)  Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(11)  Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).


Top