EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D1202

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1202 tat-18 ta' Lulju 2016 li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar it-talba tal-Istati Uniti għal eżenzjoni tad-WTO biex testendi s-sistema ta' trattament preferenzjali mogħtija lill-eks-Territorju Tutelat tal-Gżejjer tal-Paċifiku

ĠU L 198, 23.7.2016, p. 43–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/1202/oj

23.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 198/43


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/1202

tat-18 ta' Lulju 2016

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar it-talba tal-Istati Uniti għal eżenzjoni tad-WTO biex testendi s-sistema ta' trattament preferenzjali mogħtija lill-eks-Territorju Tutelat tal-Gżejjer tal-Paċifiku

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu IX tal-Ftehim ta' Marrakesh li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“il-Ftehim tad-WTO”) jistipulaw il-proċeduri għal eżenzjoni minn obbligu impost fuq Membru permezz tal-Ftehim tad-WTO jew ta' kwalunkwe Ftehim Multilaterali dwar il-Kummerċ.

(2)

L-Istati Uniti ngħataw eżenzjoni mill-obbligi taħt il-paragrafu 1 tal-Artikolu I tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994 (“GATT 1994”) li ġie estiż l-aktar reċentement fl-1 ta' Awwissu 2007 biex ikopri l-perjodu sal-31 ta' Diċembru 2016.

(3)

Skont il-paragrafu 3 tal-Artikolu IX tal-Ftehim tad-WTO, l-Istati Uniti ppreżentaw talba għal eżenzjoni sal-31 ta' Diċembru 2026 mill-obbligi tagħhom taħt il-paragrafu 1 tal-Artikolu I tal-GATT 1994 sa fejn hu neċessarju biex l-Istati Uniti jkunu jistgħu ikomplu jipprovdu trattament preferenzjali għall-prodotti eliġibbli tal-Eks-Territorju Tutelat tal-Gżejjer tal-Paċifiku (ir-Repubblika tal-Gżejjer Marshall, l-Istati Federali tal-Mikroneżja, il-Commonwealth tal-Ġżejjer tal-Marjanas tat-Tramuntata, u r-Repubblika ta' Palau) importati fit-territorju doganali tal-Istati Uniti.

(4)

L-aċċettazzjoni tat-talba tal-Istati Uniti għal eżenzjoni mid-WTO ma taffettwax negattivament la l-ekonomija tal-Unjoni u lanqas ir-relazzjonijiet kummerċjali mal-benefiċjarji tal-eżenzjoni.

(5)

Għaldaqstant, huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-Kunsill Ġenerali tad-WTO biex tkun appoġġata t-talba għal eżenzjoni mill-Istati Uniti,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ għandha tkun li tappoġġa t-talba tal-Istati Uniti biex ikunu eżentati mill-obbligi taħt il-paragrafu 1 tal-Artikolu I tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994 sal-31 ta' Diċembru 2026 skont it-termini tat-talba għal eżenzjoni mill-Istati Uniti.

Din il-pożizzjoni għandha tiġi espressa mill-Kummissjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Lulju 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

G. MATEČNÁ


Top