Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D0993

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/993 tal-20 ta' Ġunju 2016 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2015/778 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali (EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA)

    ĠU L 162, 21.6.2016, p. 18–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/03/2020; Impliċitament imħassar minn 32020D0471

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/993/oj

    21.6.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 162/18


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2016/993

    tal-20 ta' Ġunju 2016

    li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2015/778 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali (EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fit-18 ta' Mejju 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/778 (1).

    (2)

    Fit-23 ta' Mejju 2016, il-Kunsill, fil-konklużjonijiet tiegħu dwar l-EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA, laqa' r-rieda espressa mill-President tal-Kunsill Presidenzjali tal-Gvern Libjan ta' Kunsens Nazzjonali li jikkoopera mal-Unjoni abbażi ta' dawk il-konklużjonijiet, aċċetta li jestendi l-mandat tal-EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA b'sena u, filwaqt li jinżamm il-fokus fuq il-mandat prinċipali tagħha, li jżid żewġ kompiti ta' sostenn ulterjuri:

    tisħiħ tal-kapaċitajiet u taħriġ ta', u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni ma', il-Gwardja Kostali u l-Flotta Navali Libjani, abbażi ta' talba mill-awtoritajiet Libjani leġittimi filwaqt li jittieħed kont tal-ħtieġa għal sjieda Libjana;

    kontribut għall-kondiviżjoni ta' informazzjoni, kif ukoll l-implimentazzjoni tal-embargo tal-armi tan-NU fl-ibħra miftuħa 'l barra mill-kosta tal-Libja abbażi ta' Riżoluzzjoni ġdida tal-Kunsill tas-Sigutà tan-NU.

    (3)

    Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti impona, immodifika u afferma mill-ġdid embargo tal-armi fuq il-Libja permezz tar-Riżoluzzjonijiet tiegħu (UNSCR) 1970 (2011), 1973 (2011), 2009 (2011), 2040 (2012), 2095 (2013), 2144 (2014), 2174 (2014), 2213 (2015), 2214 (2015) u 2278 (2016).

    (4)

    Fl-14 ta' Ġunju 2016, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU adotta r-Riżoluzzjoni UNSCR 2292 (2016) dwar l-embargo tal-armi fuq il-Libja filwaqt li esprima b'mod partikolari t-tħassib tiegħu li s-sitwazzjoni fil-Libja qed tiħżien bil-kuntrabandu ta' armi illegali u materjal relatat.

    (5)

    Il-Kunsill jemfasizza l-urġenza għall-bidu tal-implimentazzjoni operazzjonali taż-żewġ kompiti ta' sostenn qabel it-tmiem tal-mandat inizjali tal-EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA.

    (6)

    Id-Deċiżjoni (PESK) 2015/778 għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni (PESK) 2015/778 hija emendata kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 1(1) huwa sostitwit minn dan li ġej:

    “1.   L-Unjoni għandha tmexxi operazzjoni militari ta' maniġġar ta' kriżi li tikkontribwixxi biex tisfratta l-mudell kummerċjali tan-netwerks ta' faċilitazzjoni ta' dħul klandestin u traffikar ta' bnedmin fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali (EUNAVFORMED operazzjoni SOPHIA), billi twettaq sforzi sistematiċi għall-identifikazzjoni, il-qbid u r-rimi ta' bastimenti u assi użati jew suspettati li qed jintużaw mill-faċilitaturi tad-dħul klandestin u mit-traffikanti, f'konformità mad-dritt internazzjonali applikabbli, inkluż l-UNCLOS u kwalunkwe Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU. Għal dak il-għan, l-EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA għandha tipprovdi wkoll taħriġ lill-Gwardja Kostali u l-Flotta Navali Libjani. Barra minn hekk, l-operazzjoni għandha tikkontribwixxi għall-prevenzjoni tat-traffikar tal-armi fiż-żona tal-operazzjoni miftiehma tagħha f'konformità mal-UNSCR 1970 (2011) u Riżoluzzjonijiet sussegwenti dwar l-embargo tal-armi fuq il-Libja, inkluż UNSCR 2292 (2016).”;

    (2)

    Fl-Artikolu 2(2), l-ewwel sentenza hija sostitwita minn dan li ġej:

    “Fir-rigward tal-kompiti prinċipali tagħha relattivament għall-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin u t-traffikar tal-bnedmin, l-EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA għandha titmexxa f'fażijiet sekwenzjali, u f'konformità mar-rekwiżiti tad-dritt internazzjonali.”;

    (3)

    Jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

    “Artikolu 2a

    Tisħiħ tal-kapaċitajiet u taħriġ tal-Gwardja Kostali u l-Flotta Navali Libjani

    1.   Bħala kompitu ta' sostenn, l-EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA għandha tassisti fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet u fit-taħriġ tal-Gwardja Kostali u l-Flotta Navali Libjani fil-kompiti ta' infurzar tal-liġi fuq il-baħar, b'mod partikolari biex jipprevjenu l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin u t-traffikar tal-bnedmin.

    2.   Meta l-KPS jiddeċiedi li jkunu saru t-tħejjijiet meħtieġa, partikolarment fir-rigward tal-ġenerazzjoni tal-forzi u l-proċeduri għall-eżami ta' dawk li jitħarrġu, il-kompitu ta' sostenn imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jitwettaq fl-ibħra miftuħa fiż-żona tal-operazzjoni miftiehma, kif definita fid-dokumenti rilevanti tal-ippjanar, tal-EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA.

    3.   Il-kompitu ta' sostenn imsemmi fil-paragrafu 1 jista' jitwettaq ukoll fit-territorju, inklużi l-ibħra territorjali, tal-Libja jew ta' Stat terz ospitanti viċin tal-Libja fejn il-KPS jiddeċiedi hekk wara valutazzjoni mill-Kunsill fuq il-bażi ta' stedina mil-Libja jew mill-Istat ospitanti kkonċernat, u f'konformità mad-dritt internazzjonali.

    4.   Fid-dawl tar-rekwiżiti operazzjonali eċċezzjonali, parti mill-kompitu ta' sostenn imsemmi fil-paragrafu 1 tista' titwettaq, fuq stedina, fi Stat Membru, inkluż f'ċentri ta' taħriġ rilevanti.

    5.   Sa fejn ikun meħtieġ għall-kompitu ta' sostenn imsemmi fil-paragrafu 1, l-EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA tista' tiġbor, taħżen u tikkondividi mal-Istati Membri, l-UNSMIL, l-EUROPOL u l-Frontex l-informazzjoni, inkluża data personali, miġbura għall-fini tal-proċeduri għall-eżami ta' dawk bil-possibbiltà li jitħarrġu, dment li dawn ikunu taw il-kunsens tagħhom bil-miktub. Barra minn hekk, l-EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA tista' tiġbor u taħżen l-informazzjoni medika u d-data bijometrika meħtieġa dwar dawk li jitħarrġu bil-kunsens bil-miktub tagħhom.

    Artikolu 2b

    Kontribut għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-implimentazzjoni tal-embargo tal-armi tan-NU fl-ibħra miftuħa 'l barra mill-kosta tal-Libja

    1.   Bħala parti mill-kompitu ta' sostenn tagħha biex tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-embargo tal-armi tan-NU fl-ibħra miftuħa 'l barra mill-kosta tal-Libja, l-EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA għandha tiġbor u tikkondividi informazzjoni ma' sħab u aġenziji rilevanti permezz tal-mekkaniżmi fid-dokumenti tal-ippjanar sabiex tikkontribwixxi għal għarfien tas-sitwazzjoni marittima komprensiva fiż-żona tal-operazzjoni miftiehma kif definita fid-dokumenti rilevanti tal-ippjanar. Fejn tali informazzjoni tkun klassifikata sal-livell ta' ‘RESTREINT UE/EU RESTRICTED’, din tista' tiġi kondiviża mas-sħab u aġenziji rilevanti f'konformità mad-Deċiżjoni 2013/488/UE u abbażi ta' Arranġamenti konklużi bejn ir-RGħ u dawk is-sħab, b'rispett sħiħ tal-prinċipji tar-reċiproċità u l-inklużività. L-informazzjoni klassifikata riċevuta għandha tiġi trattata mill-EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA mingħajr ebda distinzjoni bejn il-persunal tagħha u unikament fuq il-bażi ta' rekwiżiti operazzjonali.

    2.   Meta l-KPS jiddeċiedi li jkunu ntlaħqu l-kundizzjonijiet rilevanti, l-EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA għandha tibda, fiż-żona tal-operazzjoni miftiehma, kif definita fid-dokumenti rilevanti tal-ippjanar, fl-ibħra miftuħa 'l barra mill-kosta tal-Libja, bl-ispezzjonijiet ta' bastimenti li jkunu sejrin lejn il-Libja jew ġejjin mil-Libja fejn hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jemmen li tali bastimenti qed iġorru armi jew materjal relatat lejn, jew minn, il-Libja, direttament jew indirettament bi ksur tal-embargo tal-armi fuq il-Libja u għandha tieħu l-azzjoni rilevanti bil-għan li taqbad u tiddisponi minn tali oġġetti, inkluż bil-ħsieb li titbiddel ir-rotta ta' tali bastimenti u l-ekwipaġġi tagħhom lejn port adatt biex tiġi ffaċilitata tali dispożizzjoni, bil-kunsens tal-Istat tal-port, f'konformità mar-Riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, inkluża l-UNSCR 2292 (2016).

    3.   F'konformità mar-Riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, inkluża l-UNSCR 2292 (2016), l-EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA tista', matul l-ispezzjonijiet imwettqa f'konformità mal-paragrafu 2, tiġbor evidenza direttament relatata mal-ġarr ta' oġġetti pprojbiti taħt l-embargo tal-armi fuq il-Libja. Hija tista' tibgħat tali evidenza lill-awtoritajiet rilevanti tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u/jew il-korpi kompetenti tal-Unjoni.”;

    (4)

    Fl-Artikolu 11, il-paragrafu 2 huwa sostitwit minn dan li ġej:

    “2.   Għall-perijodu mit-18 ta' Mejju 2015 sas-27 ta' Lulju 2016, l-ammont ta' referenza għall-ispejjeż komuni tal-EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA għandu jkun ta' EUR 11,82 miljun. Il-perċentwal tal-ammont ta' referenza msemmi fl-Artikolu 25(1) tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 għandu jkun ta' 70 % f'impenji u 40 % għal pagamenti.”;

    (5)

    Fl-Artikolu 11, jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “3.   Għall-perijodu mit-28 ta' Lulju 2016 sas-27 ta' Lulju 2017, l-ammont ta' referenza għall-ispejjeż komuni ta' EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA għandu jkun ta' EUR 6 700 000. Il-perċentwal tal-ammont ta' referenza msemmi fl-Artikolu 25(1) tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 għandu jkun ta' 0 % f'impenji u 0 % għal pagamenti.”;

    (6)

    Fl-Artikolu 12, jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “3a.   F'każ ta' bżonn operazzjonali speċifiku, ir-RGħ hija awtorizzata tirrilaxxa lill-awtoritajiet Libjani leġittimi kwalunkwe informazzjoni klassifikata tal-UE sal-livell “RESTREINT UE/EU RESTRICTED” iġġenerata għall-finijiet tal-EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA, f'konformità mad-Deċiżjoni 2013/488/UE. Għandhom jitfasslu arranġamenti għal dan l-iskop bejn ir-RGħ u l-awtoritajiet kompetenti tal-Libja.”;

    (7)

    Fl-Artikolu 13, it-tieni paragrafu huwa sostitwit minn dan li ġej:

    “L-EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA għandha tintemm fis-27 ta' Lulju 2017.”.

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, l-20 ta' Ġunju 2016.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    F. MOGHERINI


    (1)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/778 tat-18 ta' Mejju 2015 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali (EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA) (ĠU L 122, 19.5.2015, p. 31).


    Top