Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D0992

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/992 tas-16 ta' Ġunju 2016 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/170/UE li tistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU skont ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat fir-rigward ta' Sri Lanka

    ĠU L 162, 21.6.2016, p. 15–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2016/992/oj

    21.6.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 162/15


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/992

    tas-16 ta' Ġunju 2016

    li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/170/UE li tistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU skont ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat fir-rigward ta' Sri Lanka

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 34(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    1.   INTRODUZZJONI

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 jistabbilixxi sistema tal-Unjoni li tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU).

    (2)

    Il-Kapitolu VI tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008 jistabbilixxi l-proċedura fir-rigward tal-identifikazzjoni ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx u l-proċeduri politiċi fir-rigward ta' pajjiżi identifikati bħala pajjiżi terzi li ma jikkooperawx, u jistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx, il-proċedura għat-tneħħija mil-lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx, u jipprovdi għall-pubblikazzjoni tal-lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx u kull miżura ta' emerġenza.

    (3)

    F'konformità mal-Artikolu 32 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008, permezz tad-Deċiżjoni tal-15 ta' Novembru 2012 (2) ('id-Deċiżjoni tal-15 ta' Novembru 2012'), il-Kummissjoni nnotifikat tmien pajjiżi terzi dwar il-possibbiltà li jiġu identifikati bħala pajjiżi li l-Kummissjoni qieset bħala pajjiżi terzi li ma jikkooperawx. Fost dawk il-pajjiżi kien hemm ir-Repubblika Demokratika Soċjalista tas-Sri Lanka.

    (4)

    Fid-Deċiżjoni tal-15 ta' Novembru 2012, il-Kummissjoni inkludiet informazzjoni dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li jsostnu dik il-possibbiltà.

    (5)

    Ukoll fil-15 ta' Novembru 2012, il-Kummissjoni nnotifikat lit-tmien pajjiżi terzi permezz ta' ittri separati li hija kienet qiegħda tikkonsidra l-possibbiltà li tidentifikahom bħala pajjiżi terzi li ma jikkooperawx. Is-Sri Lanka kienet fost dawk il-pajjiżi.

    (6)

    Bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/715/UE (3), il-Kummissjoni identifikat lis-Sri Lanka bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd IUU. F'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1005/2008, il-Kummissjoni ddikjarat ir-raġunijiet li għalihom qieset li s-Sri Lanka naqset milli taqdi dmirijietha taħt id-dritt internazzjonali, bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq, li tieħu azzjoni biex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd IUU.

    (7)

    F'konformità mal-Artikolu 33 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008, il-Kunsill, permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/200 (4), emenda l-lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU billi żied fiha s-Sri Lanka.

    (8)

    Konsegwentement għal dik l-emenda, il-Kummissjoni offriet l-opportunità lis-Sri Lanka biex tkompli d-djalogu f'konformità mar-rekwiżiti sostantivi u proċedurali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1005/2008. Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li hija qieset neċessarja, inklużi kummenti bil-fomm u bil-miktub, bil-għan li tagħti lis-Sri Lanka l-opportunità biex tirrettifika s-sitwazzjoni li wasslet għall-elenkar tagħha, u biex tieħu miżuri konkreti li jistgħu jwasslu għar-rimedjar tan-nuqqasijiet li ġew identifikati. Dak il-proċess irriżulta fir-rikonoxximent mill-Kummissjoni li s-Sri Lanka rrettifikat is-sitwazzjoni u ħadet azzjoni ta' rimedju.

    (9)

    F'konformità mal-Artikolu 34(1) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008, il-Kunsill għandu għaldaqstant jemenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/170/UE (5) billi jneħħi lis-Sri Lanka mil-lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx.

    (10)

    Mal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni li tneħħi lis-Sri Lanka mil-lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx skont l-Artikolu 34(1) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/715/UE li tidentifika lis-Sri Lanka bħala pajjiż terz li ma jikkooperax ma għandhiex tibqa' rilevanti.

    2.   IT-TNEĦĦIJA TAS-SRI LANKA MIL-LISTA TA' PAJJIŻI TERZI LI MA JIKKOOPERAWX

    (11)

    Konsegwentement għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/715/UE u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/200, il-Kummissjoni kompliet id-djalogu tagħha mas-Sri Lanka. B'mod partikolari, is-Sri Lanka tidher li implimentat l-obbligi tagħha taħt id-dritt internazzjonali u adottat qafas legali adegwat biex tiġġieled kontra s-sajd IUU. Hija introduċiet skema adegwata u effiċjenti ta' monitoraġġ, kontroll u spezzjoni billi introduċiet ġurnali ta' abbord biex tiġi reġistrata dejta dwar il-qbid, flimkien ma' sinjali tas-sejħa tar-radju għall-bastimenti tas-sajd u armat il-flotta kollha tal-ibħra miftuħa b'Sistema għall-Monitoraġġ tal-Bastimenti (“VMS”, Vessel Monitoring System). Hija wkoll ħolqot sistema ta' sanzjonijiet ta' deterrent, irrevediet il-qafas legali tagħha dwar is-sajd u żgurat l-implimentazzjoni korretta tal-iskema taċ-ċertifikazzjoni tal-qbid. Barra minn hekk, is-Sri Lanka kompliet ittejjeb il-konformità tagħha mal-obbligi internazzjonali tagħha, inklużi dawk derivanti minn riżoluzzjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (“RFMO”, Regional Fisheries Management Organisations), bħal miżuri ta' Kontroll mill-Istat tal-Port u t-traspożizzjoni tar-regoli tal-RFMO fil-liġi tas-Sri Lanka u adottat Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali tagħha stess kontra s-sajd IUU, f'konformità mal-Pjan ta' Azzjoni Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti kontra s-Sajd Illegali, Mhux Irrappurtat u Mhux Irregolat.

    (12)

    Il-Kummissjoni rrivediet il-qagħda tal-konformità tas-Sri Lanka mal-obbligi internazzjonali tagħha bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq skont il-konklużjonijiet fid-Deċiżjoni tal-15 ta' Novembru 2012, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/715/UE u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/200, u skont informazzjoni rilevanti pprovduta mis-Sri Lanka. Hija qieset ukoll il-miżuri meħuda biex tiġi rettifikata s-sitwazzjoni kif ukoll il-garanziji pprovduti mill-awtoritajiet kompetenti tas-Sri Lanka.

    (13)

    Il-Kummissjoni kkonkludiet, abbażi ta' dak li ssemma hawn fuq, li l-azzjonijiet meħudin mis-Sri Lanka fid-dawl tad-dmirijiet tagħha bħala Stat tal-bandiera huma suffiċjenti biex tkun konformi mal-Artikoli 94, 117 u 118 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar u mal-Artikoli 18, 19, 20 u 23 tal-Ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Istokkijiet tal-Ħut. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-elementi mressqa mis-Sri Lanka juru li s-sitwazzjoni li wasslet biex is-Sri Lanka tiġi inkluża fil-lista ġiet irrettifikata u li s-Sri Lanka ħadet miżuri konkreti li jistgħu jwasslu għal titjib dejjiemi tas-sitwazzjoni.

    (14)

    Fid-dawl ta' dawk iċ-ċirkostanzi kollha u skont l-Artikolu 34(1) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008, il-Kunsill għandu jikkonkludi li s-Sri Lanka għandha titneħħa mil-lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx. Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/170/UE għandha għalhekk tiġi emendata kif meħtieġ.

    (15)

    Din id-Deċiżjoni ma tipprekludi ebda pass sussegwenti li jista' jittieħed mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni, skont il-Kapitolu VI tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008, f'każ li xi elementi fattwali kellhom jiżvelaw li s-Sri Lanka naqset milli taqdi d-dmirijiet li hija għandha taħt id-dritt internazzjonali, bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq, li tieħu azzjoni biex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd IUU.

    (16)

    Fid-dawl tal-konsegwenzi negattivi kkawżati mill-inklużjoni fil-lista bħala pajjiż terz li ma jikkooperax, jeħtieġ li b'effett immedjat is-Sri Lanka titneħħa mil-lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Is-Sri Lanka titneħħa mill-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/170/UE.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fil-Lussemburgu, is-16 ta' Ġunju 2016.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    L.F. ASSCHER


    (1)  ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Novembru 2012 dwar in-notifika lill-pajjiżi terzi li l-Kummissjoni tqis bħala possibbli li jiġu identifikati bħala pajjiżi terzi li ma jikkooperawx skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (ĠU C 354, 17.11.2012, p. 1).

    (3)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/715/UE tal-14 ta' Ottubru 2014 li tidentifika pajjiż terz li l-Kummissjoni tqis li huwa pajjiż terz li ma jikkooperax skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (ĠU L 297, 15.10.2014, p. 13).

    (4)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/200 tas-26 ta' Jannar 2015 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/170/UE li tistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU skont ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat fir-rigward tas-Sri Lanka (ĠU L 33 10.2.2015, p. 15).

    (5)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/170/UE tal-24 ta' Marzu 2014 li tistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU skont ir- Regolament (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (ĠU L 91, 27.3.2014, p. 43).


    Top