EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D0969

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/969 tal-15 ta' Ġunju 2016 li tistabbilixxi rekwiżiti standard ta' rapportar għal programmi nazzjonali għall-eradikazzjoni, il-kontroll u s-sorveljanza ta' mard tal-annimali u żoonożi kofinanzjati mill-Unjoni u li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/288/UE (notifikata bid-dokument C(2016) 3615) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

C/2016/3615

ĠU L 160, 17.6.2016, p. 94–102 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2016/969/oj

17.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 160/94


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/969

tal-15 ta' Ġunju 2016

li tistabbilixxi rekwiżiti standard ta' rapportar għal programmi nazzjonali għall-eradikazzjoni, il-kontroll u s-sorveljanza ta' mard tal-annimali u żoonożi kofinanzjati mill-Unjoni u li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/288/UE

(notifikata bid-dokument C(2016) 3615)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 652/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tan-nefqa marbuta mal-katina alimentari, mas-saħħa tal-annimali u mat-trattament xieraq tal-annimali, u marbuta mas-saħħa tal-pjanti u mal-materjal riproduttiv tal-pjanti, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 98/56/KE, 2000/29/KE u 2008/90/KE, ir-Regolamenti (KE) Nru 178/2002, (KE) Nru 882/2004 u (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 66/399/KEE, 76/894/KEE u 2009/470/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 36(5) tiegħu.

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 652/2014 jistabbilixxi, fost l-oħrajn, dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tan-nefqa marbuta mal-katina alimentari u mas-saħħa tal-annimali u r-rekwiżiti għas-sottomissjoni u għall-kontenut tal-programmi nazzjonali għall-eradikazzjoni, il-kontroll u s-sorveljanza tal-mard tal-annimali u taż-żoonożi.

(2)

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 652/2014 jistipula li kull sena, sat-30 ta' April, għal kull programm nazzjonali annwali jew pluriennali approvat, l-Istati Membri jridu jressqu lill-Kummissjoni rapport annwali tekniku u finanzjarju dettaljat li jkopri s-sena preċedenti.

(3)

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 652/2014 jistipula li kull sena, sal-31 ta' Awwissu, għal kull programm nazzjonali annwali approvat, l-Istati Membri jridu jressqu lill-Kummissjoni rapport finanzjarju intermedju.

(4)

L-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 652/2014 jistipula li kull sena, sat-30 ta' April, għal kull programm nazzjonali annwali approvat, l-Istati Membri jridu jressqu lill-Kummissjoni talba għall-pagament dwar il-programmi implimentati matul is-sena preċedenti.

(5)

L-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/288/UE (2) jistipula li għall-programmi implimentati mill-1 ta' Jannar 2015 l-Istati Membri jridu jressqu rapporti intermedji u finali online billi jużaw il-mudelli elettroniċi standard korrispondenti pprovduti mill-Kummissjoni (ħlief għall-programmi marbuta ma' ċertu mard tal-akkwakultura).

(6)

L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/288/UE jiddefinixxi l-informazzjoni li trid tiġi pprovduta fir-rapporti.

(7)

Għall-konformità mal-evoluzzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u biex jistgħu jsiru l-modifiki meħtieġa jew jiġu inklużi aktar dettalji, għandhom jintużaw il-mudelli elettroniċi standard għal rapporti intermedji u finali, inkluż it-talbiet għal pagament, provduti fuq l-Internet fuq is-sit web tal-Kummissjoni għal programmi veterinarji dwar id-deni Afrikan tal-ħnieżer, l-influwenza avjarja, il-marda tal-ilsien blu, il-bruċellożi bovina, il-bruċellożi ovina u kaprina, id-deni klassiku tal-ħnieżer, ir-rabja, l-infezzjoni tas-Salmonella f'ċerti popolazzjonijiet ta' tjur, it-tuberkulożi bovina u l-enċefalopatiji sponġiformi trażmissibbli. Il-Kummissjoni se tinforma lill-Istati Membri u se tiddiskuti magħhom il-modifiki kollha meħtieġa tal-mudelli elettroniċi standard fil-qafas tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf. Il-mudelli elettroniċi standard riveduti, minbarra li huma disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni, se jintbagħtu lill-Istati Membri kollha mhux aktar tard mill-ewwel ġimgħa ta' Ġunju (rapporti intermedji) u sa mhux aktar tard mill-ewwel ġimgħa ta' Marzu (rapporti finali u talbiet għal pagamenti) tas-sena konċernata.

(8)

Għal mard ieħor mhux inkluż fil-mudelli elettroniċi standard u għal mard tal-akkwakultura, l-użu tal-formoli standard mhux elettroniċi jitqies bħala l-għodda xierqa għall-preżentazzjoni tar-rapporti, minħabba l-għadd żgħir ta' programmi approvati f'dawn l-aħħar snin, li ma jeħtieġx l-iżvilupp ta' mudelli elettroniċi speċifiċi.

(9)

F'isem iċ-ċarezza għandha għalhekk titħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/288/UE u tinbidel b'din id-Deċiżjoni.

(10)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għal programmi nazzjonali approvati għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni u li jikkonċernaw id-deni Afrikan tal-ħnieżer, l-influwenza avjarja, il-marda tal-ilsien blu, il-bruċellożi bovina, il-bruċellożi ovina u kaprina, id-deni klassiku tal-ħnieżer, ir-rabja, l-infezzjoni tas-Salmonella f'ċerti popolazzjonijiet ta' tjur, it-tuberkolożi bovina u l-enċifalopatiji sponġiformi, ir-rapporti annwali u intermedji (inkluż it-talbiet għall-pagament) għandu jkun fihom l-informazzjoni prevista fil-formoli msemmija fl-Annessi I u II ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Ir-rapporti intermedji u annwali msemmija fl-Artikolu 1 għandhom jintbagħtu online bl-użu tal-mudelli elettroniċi standard korrispondenti stipulati fl-Annessi I u II.

Artikolu 3

Għal mard ieħor mhux inkluż fil-mudelli elettroniċi, il-Kummissjoni għandha tiżviluppa mudelli ta' rapporti fuq bażi ad hoc u tipprovdihom lill-Istati Membri kkonċernati. Ir-rapporti għandhom jiġu ppreżentati bil-posta jew b'mezzi elettroniċi.

Għar-rapport annwali dwar mard tal-akkwakultura, l-Istati Membri għandhom jużaw il-mudell korrispondenti stabbilit fl-Anness III u jibagħtu r-rapport bil-posta jew b'mezzi elettroniċi.

Artikolu 4

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/288/UE hija mħassra.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni tapplika għal preżentazzjonijiet ta' rapporti intermedji u ta' rapporti annwali, inkluż talbiet għal pagament, fir-rigward ta' programmi implimentati mill-2016.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Ġunju 2016.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 189, 27.6.2014, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/288/UE tat-12 ta' Mejju 2014 fir-rigward tar-rekwiżiti standard ta' rapportaġġ għall-programmi nazzjonali għall-eradikazzjoni, il-kontroll u l-monitoraġġ ta' ċertu mard u mard żoonotiku tal-annimali kofinanzjati mill-Unjoni u li jirrevokaw id-Deċiżjoni 2008/940/KE (ĠU L 147, 17.5.2014, p. 88).


ANNESS I

Il-mudell pdf speċifiku li għandu jintuża għall-abbozzar u l-preżentazzjoni tar-rapporti intermedji tal-programmi nazzjonali msemmija fl-Artikolu 2 huwa disponibbli fuq il-paġna web ta' DĠ SANTE:

http://ec.europa.eu/dgs/health_food-safety/funding/cff/animal_health/vet_progs_en.htm


ANNESS II

Il-mudell pdf speċifiku li għandu jintuża għall-abbozzar u l-preżentazzjoni tar-rapporti annwali (inkluż it-talbiet għall-pagament) tal-programmi nazzjonali msemmija fl-Artikolu 2 huwa disponibbli fuq il-paġna web ta' DĠ SANTE:

http://ec.europa.eu/dgs/health_food-safety/funding/cff/animal_health/vet_progs_en.htm


ANNESS III

Rekwiżiti standard għall-preżentazzjoni tar-rapporti annwali tal-programmi nazzjonali għall-qerda tal-mard tal-annimali tal-akkwakultura

Il-mard tal-annimali tal-akkwakultura konċernat:

Nekrożi ematopojetika infettiva (IHN)

Anemija infettiva tas-salamun (ISA)

Marda tal virus tal-erpete tal-koi (KHV)

Settiċemija emorraġika virali (VHS)

Infezzjoni bil-Marteilia refringens

Infezzjoni bil-Bonamia ostreae

Marda tal-ponot bojod fil-krustaċji

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Top