Dit document is overgenomen van EUR-Lex
Document 32016D0883
Commission Decision (EU, Euratom) 2016/883 of 31 May 2016 on implementing rules for standard security measures, alert states and management of crisis situations in the Commission pursuant to Article 21 of Decision (EU, Euratom) 2015/443 on security in the Commission
Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2016/883 tal-31 ta' Mejju 2016 dwar l-implimentazzjoni ta' regoli għal miżuri ta' sigurtà attwali, stati ta' allert u ġestjoni ta' sitwazzjonijiet ta' kriżi fil-Kummissjoni skont l-Artikolu 21 tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/443 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni
Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2016/883 tal-31 ta' Mejju 2016 dwar l-implimentazzjoni ta' regoli għal miżuri ta' sigurtà attwali, stati ta' allert u ġestjoni ta' sitwazzjonijiet ta' kriżi fil-Kummissjoni skont l-Artikolu 21 tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/443 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni
C/2016/3341
ĠU L 146, 3.6.2016, blz. 25–28
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Van kracht
3.6.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 146/25 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE, Euratom) 2016/883
tal-31 ta' Mejju 2016
dwar l-implimentazzjoni ta' regoli għal miżuri ta' sigurtà attwali, stati ta' allert u ġestjoni ta' sitwazzjonijiet ta' kriżi fil-Kummissjoni skont l-Artikolu 21 tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/443 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,
Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta' Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 21 tagħha,
Billi:
(1) |
L-objettiv tar-regoli ta' implimentazzjoni għal miżuri ta' sigurtà attwali, stati ta' allert u ġestjoni ta' sitwazzjonijiet ta' kriżi huwa li jipprovdu livelli xierqa ta' protezzjoni għall-integrità fiżika ta' persuni, bini jew assi oħra b'mod proporzjonat mar-riskji identifikati, filwaqt li jiżguraw sigurtà effiċjenti u f'waqtha. |
(2) |
Is-sistema ta' allert ta' sigurtà tal-Kummissjoni introdotta permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/65/KE (2) jeħtieġ li tiġi riveduta u simplifikata biex din issir iktar flessibbli u effettiva bħala rispons għal theddid għas-sigurtà. |
(3) |
L-istabbiliment tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) bħala korp funzjonalment awtonomu tal-Unjoni jeħtieġ emenda tar-regoli attwali dwar l-istati ta' allert dwar id-dmir ta' diliġenza lejn il-persunal tal-Kummissjoni. Is-SEAE huwa responsabbli mis-sigurtà u s-sikurezza ta' binjiet tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea u tal-persunal li jaħdem hemm. |
(4) |
Din id-Deċiżjoni hija soġġetta għal deċiżjoni ta' għoti ta' setgħa tal-Kummissjoni favur il-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għal kwistjonijiet ta' sigurtà, f'konformità sħiħa mar-regoli ta' proċedura interni kif imsemmi fl-Artikolu 21 tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/443. |
(5) |
Għalhekk id-Deċiżjoni 2007/65/KE għandha titħassar, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
KAPITOLU 1
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Definizzjoni
Minbarra d-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/443, tapplika d-definizzjoni li ġejja:
|
“stat ta' allert” tfisser sett ta' miżuri ta' sigurtà maħsuba biex jipprovdu livell speċifiku ta' protezzjoni tal-integrità fiżika ta' persuni, bini jew assi oħrajn fil-Kummissjoni b'mod proporzjonat mat-theddid għas-sigurtà. |
Artikolu 2
Suġġett u kamp ta' applikazzjoni
1. Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi miżuri ta' stat ta' allert f'konformità mad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/443 b'antiċipazzjoni ta' jew rispons għal theddidiet u inċidenti li jaffettwaw is-sigurtà fil-Kummissjoni u miżuri meħtieġa għall-ġestjoni ta' sitwazzjonijiet ta' kriżi.
2. Sistema ta' sigurtà li tinkludi miżuri ta' sigurtà attwali u tliet stati ta' allert tapplika fil-bini tal-Kummissjoni. Il-miżuri ta' sigurtà attwali u l-istati ta' allert jiġu identifikati permezz ta' kodiċi ta' kulur: ABJAD jikkorrispondi għall-miżuri ta' sigurtà attwali; ISFAR, ORANĠJO u AĦMAR jikkorrispondu għaż-żieda fil-livelli ta' theddid.
3. Din id-Deċiżjoni tapplika għad-dipartimenti kollha tal-Kummissjoni u fis-siti kollha tal-Kummissjoni li jinsabu ġewwa u barra mill-Unjoni Ewropea soġġetti għal responsabbiltajiet msemmija fl-Artikolu 4.
Artikolu 3
Il-livelli ta' stat ta' allert
1. Meta ma tkun identifikata l-ebda theddida jew inċident partikolari li jaffettwaw l-integrità ta' persuni, bini jew assi oħra mill-Kummissjoni, japplikaw il-miżuri attwali ta' sigurtà ABJAD. Dawn jintużaw fuq bażi ta' kuljum u huma mfassla biex jiżguraw livell xieraq ta' sigurtà.
2. Meta jsir theddid jew inċident li jaffettwa l-integrità ta' persuni, bini jew assi oħrajn li jista' jkollu effett negattiv fuq il-Kummissjoni jew il-funzjonament tagħha, japplika l-istat ta' allert ISFAR.
3. Meta jsir theddid li jaffettwa l-integrità ta' persuni, bini jew assi oħra mmirati speċifikament lejn il-Kummissjoni jew il-funzjonament tagħha, anki jekk ma tiġi identifikata l-ebda mira jew ħin tal-attakk, japplika l-istat ta' allert ORANĠJO.
4. Meta jsir theddid ta' attakk imminenti li jaffettwa l-integrità ta' persuni, bini jew assi oħra mmirati speċifikament lejn il-Kummissjoni jew il-funzjonament tagħha, japplika l-istat ta' allert AĦMAR.
Artikolu 4
Responsabilitajiet
1. Il-Membru tal-Kummissjoni responsabbli mis-sigurtà:
(a) |
jiddeċiedi f'konsultazzjoni ma' istituzzjonijiet Ewropej u entitajiet Ewropej rilevanti oħra dwar it-tibdil fil-livell tal-istat ta' allert; |
(b) |
jiddeċiedi fuq parir mingħand id-Direttorat Ġenerali għar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà, liema miżuri speċifiċi tal-istati ta' allert għandhom jiġu implimentati fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali tas-sigurtà u liema miżuri addizzjonali jeħtieġ li jittieħdu; |
(c) |
jinforma lill-President u lill-Membri l-oħra tal-Kummissjoni b'kull deċiżjoni li tittieħed skont dan l-Artikolu. |
2. Id-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u tas-Sigurtà:
(a) |
ikun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni fil-bini tal-Kummissjoni li jinsabu fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. |
(b) |
jiżgura kollegament estern kif stabbilit fl-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/443 f'każ ta' theddid jew inċidenti li jaffettwaw l-integrità fiżika tal-persuni, bini jew assi oħra tal-Kummissjoni; |
(c) |
f'każ ta' urġenza jieħu d-deċiżjonijiet stipulati fil-paragrafu 1, (a) u (b). Id-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u tas-Sigurtà, malajr kemm jista' jkun wara li jittieħdu dawn il-miżuri, jinforma lill-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-Kwistjonijiet ta' Sigurtà dwar il-miżuri u r-raġunijiet għalihom; |
(d) |
jimmonitorja kontinwament it-theddidiet u r-riskji għas-sigurtà. |
3. Id-Direttorat Ġenerali għall-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni fl-uffiċċji kollha tiegħu li jinsabu f'pajjiżi terzi.
4. Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni fir-Rappreżentanzi tal-Kummissjoni u r-Rappreżentanzi Reġjonali.
5. Id-Direttorat Ġenerali għaċ-Ċentru Konġunt ta' Riċerka, ikun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni skont il-bini taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni.
6. Id-Direttorati Ġenerali elenkati hawn fuq jistgħu jieħdu miżuri addizzjonali ta' sigurtà f'każ ta' emerġenza f'konformità ma' din id-Deċiżjoni u d-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/443. Id-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà jiġi mgħarraf b'dawn il-miżuri mingħajr dewmien.
Artikolu 5
Miżuri
1. Id-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà jieħu u jimplimenta l-miżuri ta' sigurtà skont id-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/443. Lista mhux eżawrjenti ta' miżuri li titħejja u tiġi implimentata mid-Direttorat Ġenerali għar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà.
2. Il-miżuri ta' stat ta' allert ikunu strettament konformi mad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/443. Il-livelli ta' stat ta' allert jiġu definiti f'kooperazzjoni mill-qrib mas-servizzi kompetenti ta' istituzzjonijiet Ewropej oħra u entitajiet Ewropej oħra rilevanti u mal-Istati Membri li jospitaw il-binjiet tal-Kummissjoni.
3. Il-livelli ta' stat ta' allert ikunu espressi f'żoni pubbliċi permezz ta' sistema ta' sinjalazzjoni b'kodiċi ta' kuluri u l-kulur ivarja skont il-livell tal-istat ta' allert.
4. Miżuri ta' sigurtà “ABJAD” jiġu stipulati f'avviż ta' sigurtà skont l-Artikolu 21(2) tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/443.
KAPITOLU 2
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI U MIXXELLANJI
Artikolu 6
Trasparenza
Din id-Deċiżjoni tinġieb għall-attenzjoni tal-persunal tal-Kummissjoni u tal-individwi kollha li tapplika għalihom.
Artikolu 7
Tħassir
Titħassar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/65/KE.
Artikolu 8
Id-dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Mejju 2016.
Għall-Kummissjoni,
F'isem il-President,
Kristalina GEORGIEVA
Viċi President
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/65/KE tal-15 ta' Diċembru 2006 li tistabbilixxi l-miżuri ta' sigurtà attwali u l-istati ta' allert u li temenda r-Regoli ta' Proċedura tagħha dwar il-proċeduri operattivi għall-ġestjoni ta' sitwazzjonijiet ta' kriżi (ĠU L 32, 6.2.2007, p. 144).