This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32016D0610
Council Decision (CFSP) 2016/610 of 19 April 2016 on a European Union CSDP Military Training Mission in the Central African Republic (EUTM RCA)
Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/610 tad-19 ta' April 2016 dwar Missjoni ta' Taħriġ Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM RCA)
Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/610 tad-19 ta' April 2016 dwar Missjoni ta' Taħriġ Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM RCA)
ĠU L 104, 20.4.2016, p. 21–26
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 06/09/2024
20.4.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 104/21 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2016/610
tad-19 ta' April 2016
dwar Missjoni ta' Taħriġ Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM RCA)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 28, l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
(1) |
Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-17 u t-18 ta' Novembru 2014, il-Kunsill għaraf il-ħtieġa ta' approċċi komuni man-Nazzjonijiet Uniti (NU) fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (RĊA) fir-riforma tal-forzi tas-sigurtà tagħha, inklużi l-forzi armati, sabiex is-sitwazzjoni tiġi stabbilizzata bħala sostenn għall-proċess politiku. F'dak ir-rigward, huwa jirrikonoxxi l-valur miżjud ta' rwol ieħor potenzjali għall-Unjoni fir-riforma tas-settur tas-sigurtà, b'appoġġ għall-isforzi tan-NU, filwaqt li tiġi żgurata parteċipazzjoni lokali. |
(2) |
Fd-19 ta' Jannar 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/78/ (1) dwar Missjoni Konsultattiva Militari tal-Politika ta' Sigurtà u Difiża Komuni (PSDK) tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUMAM RCA). Il-mandat ta' EUMAM RCA jiġi fi tmiemu fis-16 ta' Lulju 2016. |
(3) |
Permezz ta' ittra datata t-8 ta' Ottubru 2015, ix-Chef de l'État de la Transition tar-RĊA stieden lill-Unjoni biex tkompli tappoġġa lill-Forzi Armati Ċentru-Afrikani (FACA) permezz ta' struttura ta' taħriġ operazzjonali imsaħħa b'kollaborazzjoni sħiħa ma' Missjoni Multidimensjonali Integrata tan-Nazzjonijiet Uniti fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (MINUSCA). |
(4) |
Fis-17 ta' Novembru 2015, il-Kunsill faħħar il-ħidma tal-EUMAM RCA li tappoġġa r-ristrutturazzjoni tal-FACA u stieden lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ) biex tibda tħejjijiet għal missjoni biex tipprovdi pariri strateġiċi u taħriġ operazzjonali, li ser titnieda wara l-inawgurazzjoni tal-awtoritajiet eletti demokratikament u fi żmien adegwat qabel tmiem il-mandat tal-EUMAM RCA. |
(5) |
Fl-14 ta' Marzu 2016, il-Kunsill approva l-Kunċett ta' Maniġġar ta' Kriżi għal missjoni possibbli ta' taħriġ militari tal-PSDK tal-Unjoni fir-RĊA. |
(6) |
Permezz ta' ittra datata t-30 ta' Marzu 2016, il-President tar-RĊA stieden lill-Unjoni tibgħat missjoni ta' taħriġ militari tal-PSDK fir-RĊA (EUTM RCA). |
(7) |
EUTM RCA għandha timplimenta malajr kemm jista' jkun il-Kapaċità Operattiva Sħiħa (FOC). |
(8) |
Il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-RGħ, kontroll politiku fuq EUTM RCA, jagħtiha direzzjoni strateġika u jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti f'konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). |
(9) |
Huwa meħtieġ li jiġu negozjati u konklużi ftehimiet internazzjonali relatati mal-istatus ta' unitajiet u persunal immexxija mill-UE u mal-parteċipazzjoni ta' Stati terzi f'missjonijiet tal-Unjoni. |
(10) |
F'konformità mal-Artikolu 41(2) TUE u f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/528 (2), in-nefqa operazzjonali li tirriżulta minn din id-Deċiżjoni, li jkollha implikazzjonijiet militari jew ta' difiża, għandha titħallas mill-Istati Membri. |
(11) |
F'konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-TUE u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), id-Danimarka ma tiħux sehem fl-elaborazzjoni u fl-implimentazzjoni ta' deċiżjonijiet u azzjonijiet tal-Unjoni li jkollhom implikazzjonijiet ta' difiża. B'konsegwenza ta' dan, id-Danimarka mhix tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, la hi marbuta biha u lanqas mhija soġġetta għall-applikazzjoni tagħha u ma tiħux sehem fil-finanzjament ta' din il-missjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Missjoni
1. L-Unjoni għandha twettaq Missjoni ta' Taħriġ Militari tal-PSDK fir-Repubblika Ċentru-Afrikan (EUTM RCA) sabiex tikkontribwixxi għar-Riforma tas-Settur tad-Difiża fir-RĊA fi ħdan il-proċess tar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċentru-Afrikana kkoordinat minn MINUSCA.
2. Filwaqt li taħdem biex tintlaħaq il-mira li l-Forzi Armati Ċentru-Afrikani (FACA) jsiru modernizzati, effettivi u responsabbli demokratikament, l-EUTM RCA għandha tipprovdi:
(a) |
pariri strateġiċi lill-Ministeru tad-Difiża, il-Persunal Militari u l-Forzi Armati tar-RĊA; |
(b) |
edukazzjoni lill-uffiċjali kummissjonati u mhux kummissjonati tal-FACA; |
(c) |
taħriġ lill-FACA. |
3. L-EUTM RCA għandha tipprovdi fi ħdan il-mezzi u l-kapaċitajiet tagħha, kompetenza militari, ta' sigurtà u tal-istat tad-dritt lid-delegazzjoni tal-Unjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana.
4. L-EUTM RCA għandha żżomm kuntatt ma' MINUSCA bl-għan li tiżgura l-koerenza bejn il-proċess ta' Riforma tas-Settur tas-Sigurtà u l-istazzjonar ta' elementi mħarrġa tal-FACA.
5. L-EUTM RCA għandha topera skont l-objettivi politiċi u strateġiċi kif jinsabu fil-Kunċett ta' Ġestjoni ta' Kriżijiet approvat mill-Kunsill fl-14 ta' Marzu 2016.
Artikolu 2
Ħatra tal-Kmandant tal-Missjoni tal-UE
1. Il-Brigadier Ġenerali Eric HAUTECLOQUE-RAYSZ huwa b'dan maħtur Kmandant tal-Missjoni tal-UE tal-EUTM RCA (“Il-Kmandant tal-Missjoni tal-UE”).
2. Il-Kmandant tal-Missjoni tal-UE għandu jeżerċita l-funzjonijiet ta' Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE u ta' Kmandant tal-Forza tal-UE.
Artikolu 3
Għażla tal-Kwartieri Ġenerali tal-Missjoni
1. Il-Kwartieri Ġenerali tal-Missjoni tal-EUTM RCA għandhom ikunu f'Bangui, ir-RĊA. Huma għandhom iwettqu l-funzjonijiet kemm ta' Kwartieri Ġenerali Operazzjonali kif ukoll ta' Kwartieri Ġenerali tal-Forza.
2. Il-Kwartieri Ġenerali tal-Missjoni tal-EUTM RCA għandhom jinkludu ċellola ta' appoġġ fi Brussell.
Artikolu 4
Ippjanar u tnedija tal-EUTM RCA
1. Ir-Regoli tal-Ingaġġ applikabbli għall-EUMAM RCA għandhom ikunu applikabbli għall-EUTM RCA fil-fażi ta' ppjanar fil-provinċja ta' Bangui.
2. L-EUTM RCA għandha tiġi mnedija b'Deċiżjoni tal-Kunsill fid-data rrakkomandata mill-Kmandant tal-Missjoni tal-UE wara l-approvazzjoni tal-Pjan tal-Missjoni u tar-Regoli tal-Ingaġġ.
Artikolu 5
Kontroll politiku u direzzjoni strateġika
1. Taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-RGħ, il-KPS għandu jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-EUTM RCA. Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti f'konformità mal-Artikolu 38 TUE. Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat biex jiġu emendati d-dokumenti tal-ippjanar, inkluż il-Pjan tal-Missjoni u r-Regoli tal-Ingaġġ. Għandha tinkludi wkoll is-setgħat biex jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-ħatra tal-Kmandanti sussegwenti ta' Missjonijiet tal-UE. Is-setgħat ta' deċiżjoni rigward l-objettivi, skop u t-tmiem tal-EUTM RCA, kif ukoll il-kondizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-kompiti tagħha għandhom jibqgħu f'idejn il-Kunsill.
2. Il-KPS għandu jirrapporta lill-Kunsill f'intervalli regolari.
3. Il-KPS għandu, f'intervalli regolari, jirċievi rapporti mill-president tal-Kumitat Militari tal-UE (EUMC) rigward kif qed timxi l-EUTM RCA. Il-KPS jista' jistieden lill-Kmandant tal-Missjoni tal-UE għal-laqgħat tiegħu, kif xieraq.
Artikolu 6
Direzzjoni militari
1. L-EUMC għandu jissorvelja l-eżekuzzjoni korretta tal-EUTM RCA li ssir taħt ir-responsabbiltà tal-Kmandant tal-Missjoni tal-UE.
2. L-EUMC għandu, f'intervalli regolari, jirċievi rapporti mill-Kmandant tal-Missjoni tal-UE. Huwa jista' jistieden lill-Kmandant tal-Missjoni tal-UE għal-laqgħat tiegħu, kif xieraq.
3. Il-president tal-EUMC għandu jaġixxi bħala l-punt ewlieni ta' kuntatt mal-Kmandant tal-Missjoni tal-UE.
Artikolu 7
Konsistenza tar-rispons u l-koordinament tal-Unjoni
1. Ir-RGħ għandu jiżgura l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha mal-azzjoni esterna kollha tal-Unjoni, inklużi l-programmi ta' żvilupp tal-Unjoni u l-għajnuna umanitarja tagħha.
2. Mingħajr preġudizzju għall-katina ta' kmand, il-Kmandant tal-Missjoni tal-UE għandu jirċievi gwida politika lokali mill-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana.
3. Ir-RGħ, assistit mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), għandu jaġixxi bħala l-punt ta' kuntatt ewlieni man-NU, l-awtoritajiet tar-RĊA u l-pajjiżi ġirien, l-Unjoni Afrikana (UA), il-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika Ċentrali (ECCAS), kif ukoll ma' atturi internazzjonali u bilaterali oħrajn rilevanti.
4. L-arranġamenti ta' koordinazzjoni bejn il-Kmandant tal-Missjoni tal-UE, l-atturi tal-Unjoni u sħab strateġiċi ewlenin lokali rilevanti għall-operazzjoni għandhom jiġu definiti fil-Pjan tal-Missjoni.
Artikolu 8
Parteċipazzjoni ta' Stati terzi
1. Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Unjoni u l-qafas istituzzjonali uniku tagħha, u skont il-linji gwida rilevanti tal-Kunsill Ewropew, Stati terzi jistgħu jiġu mistiedna jieħdu sehem fl-EUTM RCA.
2. Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-KPS biex jistieden lil Stati terzi sabiex jipproponu kontribut u biex jieħu d-deċiżjonijiet adatti dwar l-aċċettazzjoni ta' kontributi proposti, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kmandant tal-Missjoni tal-UE u l-EUMC.
3. L-arranġamenti dettaljati għall-parteċipazzjoni ta' Stati terzi għandhom ikunu s-suġġett ta' ftehimiet konklużi skont l-Artikolu 37 TUE u f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 218 TFUE. Fejn l-Unjoni u Stat terz ikunu kkonkludew ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta' dan tal-aħħar f'missjonijiet ta' ġestjoni ta' kriżijiet tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet ta' tali ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest tal-EUTM RCA.
4. Stati Terzi li jagħmlu kontributi militari sinifikanti għall-EUTM RCA għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi fir-rigward tat-tmexxija ta' kuljum tal-EUTM RCA bħall-Istati Membri parteċipanti tal-EUTM RCA.
5. Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-KPS biex jieħu deċiżjonijiet rilevanti rigward it-twaqqif ta' Kumitat ta' Kontributuri fil-każ li xi Stati terzi jipprovdu kontributi militari sinifikanti.
Artikolu 9
Status tal-persunal immexxi mill-UE
L-istatus tal-unitajiet u l-persunal immexxija mill-UE, inklużi l-privileġġi, l-immunitajiet u l-garanziji ulterjuri meħtieġa għat-twettiq u l-funzjonament bla xkiel tal-missjoni tagħhom, għandu jkun is-suġġett ta' ftehim konkluż skont l-Artikolu 37 TUE u f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 218 TFUE.
Artikolu 10
Arranġamenti finanzjarji
1. L-ispejjeż komuni tal-EUTM RCA għandhom jiġu amministrati skont id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528.
2. L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-ispejjeż komuni tal-EUTM RCA għandu jkun ta' EUR 18 180 000. Il-perċentwal tal-ammont ta' referenza msemmi fl-Artikolu 25(1) tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 għandu jkun ta' 15 % u l-perċentwal imsemmi fl-Artikolu 34(3) ta' dik id-Deċiżjoni għandu jkun ta' 60 % għall-impenn u 15 % għall-ħlas.
Artikolu 11
Ċellula ta' proġetti
1. L-EUTM RCA għandu jkollha ċellola ta' proġetti għall-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni ta' proġetti, biex jiġu ffinanzjati mill-Unjoni, mill-Istati Membri jew l-Istati terzi, li huma konsistenti mal-objettivi tagħha u jikkontribwixxu għat-twettiq tal-mandat.
2. Athena tista' tiġġestixxi l-kontribuzzjonijiet finanzjarji marbuta mal-proġetti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu f'konformità mal-Artikolu 30 tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/528.
3. L-Unjoni jew ir-RGħ m'għandhom taħt ebda ċirkostanza jinżammu responsabbli mill-Istati li jikkontribwixxu għal atti jew ommissjonijiet minn EUTM RCA fl-użu tal-fondi pprovduti minn dawk l-Istati.
Artikolu 12
Rilaxx ta' informazzjoni
1. Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat li jgħaddi lill-Istati terzi assoċjati ma' din id-Deċiżjoni, kif adatt u f'konformità mal-ħtiġijiet tal-EUTM RCA, informazzjoni klassifikata tal-UE ġġenerata għall-finijiet tal-EUTM RCA, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (3), kif ġej:
(a) |
sal-livell previst mill-Ftehimiet applikabbli dwar is-Sigurtà tal-Informazzjoni konklużi bejn l-Unjoni u l-Istat terz konċernat; jew |
(b) |
sal-livell “CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL” f'każijiet oħrajn. |
2. Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat jgħaddi lin-NU u lill-UA, f'konformità mal-ħtiġijiet operazzjonali tal-EUTM RCA, informazzjoni klassifikata tal-UE sal-livell “RESTREINT UE/EU RESTRICTED” li hija ġġenerata għall-finijiet tal-EUTM RCA, f'konformità mad-Deċiżjoni 2013/488/UE. Għandhom isiru arranġamenti għal dak l-iskop bejn ir-RGħ u l-awtoritajiet kompetenti tan-NU u tal-UA.
3. Fil-każ ta' ħtieġa operazzjonali speċifika u immedjata, ir-RGħ għandu jkun awtorizzat ukoll jgħaddi lill-Istat ospitanti kwalunkwe informazzjoni klassifikata tal-UE sal-livell “RESTREINT UE/EU RESTRICTED” li hija ġġenerata għall-finijiet tal-EUTM RCA, f'konformità mad-Deċiżjoni 2013/488/UE. Għandhom jitfasslu arranġamenti għal dak l-iskop bejn ir-RGħ u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ospitanti.
4. Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat li jgħaddi lill-Istati terzi assoċjati ma' din id-Deċiżjoni kwalunkwe dokument mhux klassifikat tal-UE marbut mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill dwar EUTM RCA u li jkun kopert mill-obbligu tas-segretezza professjonali skont l-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill (4).
5. Ir-RGħ jista' jiddelega tali awtorizzazzjonijiet, kif ukoll il-kapaċità li jiġu konklużi l-arranġamenti msemmija f'dan l-Artikolu, lill-uffiċjali tas-SEAE u/jew lill-Kmandant tal-Missjoni tal-UE.
Artikolu 13
Dħul fis-seħħ u terminazzjoni
1. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
2. L-EUTM RCA għandha tintemm mhux aktar tard minn 24 xahar wara li tkun laħqet il-FOC.
3. Din id-Deċiżjoni għandha titħassar mid-data tal-għeluq tal-Kwartieri Ġenerali tal-Missjoni EUTM RCA skont il-pjanijiet approvati għat-tmiem tal-EUTM RCA, u mingħajr preġudizzju għall-proċeduri li jirrigwardaw l-awditjar u l-preżentazzjoni tal-kontijiet tal-EUTM RCA, kif stabbiliti fid-Deċiżjoni (PESK) 2015/528.
Magħmul fil-Lussemburgu, id-19 ta' April 2016.
Għall-Kunsill
Il-President
F. MOGHERINI
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/78 tad-19 ta' Jannar 2015 dwar Missjoni Konsultattiva Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUMAM RCA) (ĠU L 13, 20.1.2015, p. 8).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/528 tas-27 ta' Marzu 2015 li tistabbilixxi mekkaniżmu sabiex jiġi amministrat il-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża (Athena) u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/871/PESK (ĠU L 84, 28.3.2015, p. 39).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta' Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).