Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D0598

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/598 tal-14 ta' April 2016 li tawtorizza l-estensjoni tal-użu tal-estratt tal-lipidi mill-Krill tal-Antartiku (Euphausia superba) bħala ingredjent tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    C/2016/2104

    ĠU L 103, 19.4.2016, p. 34–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2016/598/oj

    19.4.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 103/34


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/598

    tal-14 ta' April 2016

    li tawtorizza l-estensjoni tal-użu tal-estratt tal-lipidi mill-Krill tal-Antartiku (Euphausia superba) bħala ingredjent tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Jannar 1997 dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti tal-ikel il-ġdid (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/752/KE (2) awtorizzat, f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 258/97, it-tqegħid fis-suq tal-estratt tal-lipidi mill-Krill tal-Antartiku (Euphausia superba) bħala ingredjent tal-ikel ġdid biex jintuża f'ċertu ikel u oġġetti tal-ikel.

    (2)

    Fl-11 ta' Diċembru 2009, il-kumpanija Aker BioMarine Antarctic AS innotifikat lill-Kummissjoni dwar l-intenzjoni li tqiegħed fis-suq estratt tal-lipidi mill-Krill tal-Antartiku (Euphausia superba) abbażi ta' opinjoni mogħtija mill-entità kompetenti għall-valutazzjoni tal-ikel tal-Finlandja dwar l-ekwivalenza sostanzjali tal-estratt tal-lipidi tagħha mill-Krill tal-Antartiku (Euphausia superba) awtorizzat permezz tad-Deċiżjoni 2009/752/KE.

    (3)

    Fil-15 ta' Settembru 2014, il-kumpanija Aker BioMarine Antarctic AS talbet lill-awtoritajiet kompetenti tal-Irlanda għal estensjoni tal-użi tal-estratt tal-lipidi mill-Krill tal-Antartiku (Euphausia superba) bħala ingredjent tal-ikel ġdid.

    (4)

    Fit-23 ta' Diċembru 2014, l-entità kompetenti għall-valutazzjoni tal-ikel tal-Irlanda ħarġet l-ewwel rapport ta' valutazzjoni tagħha. F'dak ir-rapport, ikkonkludiet li l-estensjoni tal-użi tal-estratt tal-lipidi mill-Krill tal-Antartiku (Euphausia superba) tissodisfa l-kriterji tal-ikel il-ġdid stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 258/97.

    (5)

    Fit-22 ta' Jannar 2015, il-Kummissjoni għaddiet l-ewwel rapport ta' valutazzjoni lill-Istati Membri l-oħra.

    (6)

    Matul il-perjodu ta' 60 jum stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament (KE) Nru 258/97, tqajmu xi oġġezzjonijiet motivati. B'konsegwenza ta' dan, l-applikant biddel it-talba dwar il-kategoriji tal-ikel proposta. Din il-bidla u l-ispjegazzjonijiet addizzjonali min-naħa tal-applikant taffew it-tħassib għas-sodisfazzjon tal-Istati Membri u l-Kummissjoni.

    (7)

    Id-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) tistabbilixxi rekwiżiti dwar is-supplimenti tal-ikel. L-użu tal-estratt tal-lipidi mill-Krill tal-Antartiku (Euphausia superba) għandu jkun awtorizzat mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta' dik il-leġiżlazzjoni.

    (8)

    Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-estratt tal-lipidi mill-Krill tal-Antartiku (Euphausia superba) kif speċifikat fl-Anness I jista' jitqiegħed fis-suq tal-Unjoni bħala ingredjent tal-ikel ġdid għall-użi definiti u fil-livelli massimi stabbiliti fl-Anness II mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi tad-Direttiva 2002/46/KE.

    Artikolu 2

    Id-denominazzjoni ta' estratt tal-lipidi mill-Krill tal-Antartiku (Euphausia superba) awtorizzata permezz ta' din id-Deċiżjoni dwar it-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel li fihom dan l-ingredjent għandha tkun “estratt tal-lipidi mill-krustaċju Krill tal-Antartiku (Euphausia superba)”.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil Aker BioMarine Antarctic AS, PO Box 496 NO-1327, Lysaker, in-Norveġja.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta' April 2016.

    Għall-Kummissjoni

    Vytenis ANDRIUKAITIS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 43, 14.2.1997, p. 1.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/752/KE tat-12 ta' Ottubru 2009 dwar l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' estratt lipidu mill-Krill tal-Antartiku Euphausia superba bħala ingredjent alimentari ġdid skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 268, 13.10.2009, p. 33).

    (3)  Id-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Ġunju 2002 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-supplimenti tal-ikel (ĠU L 183, 12.7.2002, p. 51).


    ANNESS I

    Speċifikazzjoni ta' estratt tal-lipidi mill-Krill tal-Antartiku (Euphausia superba)

    Deskrizzjoni: Sabiex jiġi prodott l-estratt tal-lipidi mill-Krill tal-Antartiku (Euphausia superba), il-krill tal-Antartiku mitħun jiġi soġġett għall-estrazzjoni bl-etanol. Il-proteini u l-krill jitneħħew mill-estratt tal-lipidi permezz tal-filtrazzjoni. L-etanol u l-ilma li jibqa' jitneħħew permezz tal-evaporazzjoni.

    Test

    Speċifikazzjoni

    Valur tas-saponifikazzjoni

    Mhux aktar minn 185 mg KOH/g

    Valur tal-perossidu (PV)

    Mhux aktar minn 2 meq O2/kg żejt

    Umdità u volatili

    Mhux aktar minn 0,6 (1)

    Fosfolipidi

    Mhux anqas minn 35 % w/w

    Aċidi xaħmin trans

    Mhux aktar minn 1 % w/w

    EPA (aċidu ejkosapentenojku)

    Mhux anqas minn 15 % tal-aċidi xaħmin totali

    DHA (aċidu dokosaeżaenojku)

    Mhux anqas minn 7 % tal-aċidi xaħmin totali


    (1)  Espress bħala attività tal-ilma f'25 °C.


    ANNESS II

    Użi awtorizzati tal-estratt tal-lipidi mill-Krill tal-Antartiku (Euphausia superba)

    Kategorija tal-ikel

    Kontenut massimu ta' DHA u EPA kombinati

    Supplimenti tal-ikel kif definiti fid-Direttiva 2002/46/KE.

    3 g kuljum għall-popolazzjoni ġenerali

    450 mg kuljum għan-nisa tqal u li jreddgħu

    Nota: Il-prodotti kollha tal-ikel li fihom iż-żejt rikk fid-DHA u l-EPA mill-Krill tal-Antartiku għandhom juru l-istabbiltà ossidattiva permezz ta' metodoloġija tal-ittestjar nazzjonali/internazzjonali xierqa u rikonoxxuta (eż. AOAC).


    Top