This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32016D0586
Commission Implementing Decision (EU) 2016/586 of 14 April 2016 on technical standards for the refill mechanism of electronic cigarettes (notified under document C(2016) 2093) (Text with EEA relevance)
Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/586 tal-14 ta' April 2016 dwar l-istandards tekniċi għall-mekkaniżmu tar-rikarika tas-sigaretti elettroniċi (notifikat bid-dokument C(2016) 2093) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/586 tal-14 ta' April 2016 dwar l-istandards tekniċi għall-mekkaniżmu tar-rikarika tas-sigaretti elettroniċi (notifikat bid-dokument C(2016) 2093) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
C/2016/2093
ĠU L 101, 16.4.2016, p. 15–16
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
16.4.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 101/15 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/586
tal-14 ta' April 2016
dwar l-istandards tekniċi għall-mekkaniżmu tar-rikarika tas-sigaretti elettroniċi
(notifikat bid-dokument C(2016) 2093)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jirrelataw mal-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 20(13) tagħha,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 20(3)(g) tad-Direttiva 2014/40/UE jesiġi li l-Istati Membri jiżguraw li s-sigaretti elettroniċi u l-kontenituri tar-rikarika tagħhom ikollhom mekkaniżmu li jiżgura li jimtlew mill-ġdid bla ma jnixxu. |
(2) |
L-Artikolu 20(13) tad-Direttiva 2014/40/UE jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-istandards tekniċi għall-mekkaniżmu tar-rikarika tas-sigaretti elettroniċi permezz ta' att ta' implimentazzjoni. |
(3) |
Minħabba t-tossiċità tal-likwidi li fihom in-nikotina użati fis-sigaretti elettroniċi u l-kontenituri tar-rikarika, huwa xieraq li jiġi żgurat li s-sigaretti elettroniċi jkunu jistgħu jerġgħu jimtlew b'mod li jimminimizza r-riskju li dawn il-likwidi jmissu mal-ġilda u jinbelgħu bi żball. |
(4) |
Abbażi tar-rispons tal-partijiet interessati u ħidmet kuntrattur estern, ġew identifikati standards tekniċi maħsuba biex jiżguraw li l-mekkaniżmi tar-rikarika konformi jipprovdu protezzjoni adegwata kontra t-tnixxija. |
(5) |
L-istandards tekniċi identifikati jinkludu wkoll miżuri li jiżguraw li l-konsumaturi jkunu infurmati kif xieraq dwar kif joperaw il-mekkaniżmi tar-rikarika sabiex jiġi żgurat li l-mili mill-ġdid isir bla tnixxija. |
(6) |
Il-partijiet interessati jaf ikunu jixtiequ jipprovdu lill-Kummissjoni b'informazzjoni dwar mekkaniżmi alternattivi li jkunu żviluppaw biex jiżguraw mili mill-ġdid bla tnixxija, u dan jista' jwassal biex din id-Deċiżjoni tiġi riveduta. |
(7) |
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 25 tad-Direttiva 2014/40/UE, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Suġġett
Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-istandards tekniċi għall-mekkaniżmu tar-rikarika tas-sigaretti elettroniċi manifatturati jew importati fl-Unjoni.
Artikolu 2
Rekwiżiti għall-mekkaniżmu tar-rikarika
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sigaretti elettroniċi u l-kontenituri tar-rikarika jitqiegħdu fis-suq biss jekk il-mekkaniżmu tar-rikarika tas-sigaretti elettroniċi jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
jinvolvi l-użu ta' kontenitur tar-rikarika b'tagħmir imwaħħal sew ta' żennuna twila mill-inqas 9 mm, li tkun idjaq mill-fetħa tat-tank tas-sigaretti elettroniċi li tintuża magħhom u li tidħol fiha bla diffikultà filwaqt li jkollha mekkaniżmu li jikkontrolla l-fluss li ma jitfax iktar minn 20 qatra tal-likwidu tal-mili mill-ġdid kull minuta meta jitqiegħed b'mod vertikali u jkun suġġett għal pressjoni atmosferika biss ta' 20 °C ± 5 °C; |
(b) |
dan jopera permezz ta' sistema ta' dokkjar li jirrilaxxa l-likwidi ta' rikarika biss fit-tank tas-sigarett elettroniku meta s-sigarett elettroniku u l-kontenitur tar-rikarika jkunu konnessi. |
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sigaretti elettroniċi u l-kontenituri tar-rikarika jinkludu struzzjonijiet xierqa dwar il-mili mill-ġdid, inklużi dijagrammi, bħala parti tal-istruzzjonijiet għall-użu stipulati mill-Artikolu 20(4)(a)(i) tad-Direttiva 2014/40/UE.
Is-sigaretti elettroniċi li jimtlew mill-ġdid u l-kontenituri tar-rikarika b'mekkaniżmu tar-rikarika tat-tip imsemmi fil-paragrafu 1(a) għandhom jindikaw kemm hi wiesgħa ż-żennuna jew il-fetħa tat-tank fl-istruzzjonijiet għall-użu b'mod li jippermetti lill-konsumaturi jidentifikaw il-kompatibbiltà tas-sigaretti elettroniċi mal-kontenituri tar-rikarika.
Is-sigaretti elettroniċi li jimtlew mill-ġdid u l-kontenituri tar-rikarika b'mekkaniżmu tar-rikarika tat-tip imsemmi fil-paragrafu 1(b) għandhom jispeċikaw, fl-istruzzjonijiet dwar l-użu, it-tipi tas-sistemi ta' dokkjar li magħhom ikunu kompatibbli t-tali sigaretti elettroniċi u kontenituri tar-rikarika.
Artikolu 3
Destinatarji
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, l-14 ta' April 2016.
Għall-Kummissjoni
Vytenis ANDRIUKAITIS
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 127, 29.4.2014, p. 1.