EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D0035

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/35 tal-14 ta' Jannar 2016 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran

ĠU L 10, 15.1.2016, p. 15–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/35/oj

15.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 10/15


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2016/35

tal-14 ta' Jannar 2016

li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-26 ta' Lulju 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/413/PESK (1) dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran.

(2)

Fl-24 ta' Novembru 2013, iċ-Ċina, Franza, il-Ġermanja, il-Federazzjoni Russa, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti, bl-appoġġ tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, laħqu ftehim mal-Iran dwar Pjan ta' Azzjoni Konġunt li jistabbilixxi approċċ għall-kisba ta' soluzzjoni komprensiva fit-tul għall-kwistjoni nukleari Iranjana. Ġie miftiehem li l-proċess li jwassal għal din is-soluzzjoni komprensiva jinkludi, bħala l-ewwel pass, miżuri inizjali maqbula b'mod reċiproku li għandhom jittieħdu miż-żewġ naħat għal perijodu ta' sitt xhur u rinnovabbli bi qbil komuni.

(3)

Fl-14 ta' Lulju 2015, iċ-Ċina, Franza, il-Ġermanja, il-Federazzjoni Russa, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti, bl-appoġġ tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, laħqu ftehim dwar soluzzjoni komprensiva fit-tul għall-kwistjoni nukleari Iranjana. L-implimentazzjoni b'suċċess tal-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (JCPOA) ser tiżgura n-natura esklużivament paċifika tal-programm nukleari Iranjan u tipprevedi t-tneħħija totali tas-sanzjonijiet kollha relatati mal-kwistjonijiet nukleari.

(4)

Fl-14 ta' Lulju 2015, iċ-Ċina, Franza, il-Ġermanja, il-Federazzjoni Russa, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti, bl-appoġġ tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, ftehmu mal-Iran li tiġi estiża l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-Pjan ta' Azzjoni Konġunt sabiex ikunu jistgħu jsiru l-arranġamenti u l-preparazzjonijiet neċessarji għall-implimentazzjoni tal-JCPOA.

(5)

Fl-14 ta' Lulju 2015, bid-Deċiżjoni (PESK) 2015/1148 (2), il-Kunsill iddeċieda li jestendi l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-Pjan ta' Azzjoni Konġunt sal-14 ta' Jannar 2016.

(6)

Sabiex jingħata biżżejjed żmien għall-arranġamenti u t-tħejjijiet neċessarji għall-implimentazzjoni tal-JCPOA, is-sospensjoni tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni speċifikati fil-Pjan ta' Azzjoni Konġunt għandha tiġi estiża sat-28 ta' Jannar 2016. Il-kuntratti rilevanti għandhom jiġu eżegwiti sa dik id-data.

(7)

Id-Deċiżjoni 2010/413/PESK għandha għalhekk tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 26a tad-Deċiżjoni 2010/413/PESK huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 26a

1.   Il-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 3a(1) għandha tiġi sospiża sat-28 ta' Jannar 2016 sa fejn din tirrigwarda t-trasport taż-żejt mhux maħdum Iranjan.

2.   Il-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 3a(2) għandha tiġi sospiża sat-28 ta' Jannar 2016 sa fejn din tirrigwarda l-forniment ta' assigurazzjoni u riassigurazzjoni, relatati mal-importazzjoni, ix-xiri, jew it-trasport taż-żejt mhux maħdum Iranjan.

3.   Il-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 3b għandha tiġi sospiża sat-28 ta' Jannar 2016.

4.   Il-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 4c għandha tiġi sospiża sat-28 ta' Jannar 2016 sa fejn din tirrigwarda d-deheb u l-metalli prezzjużi.

5.   Il-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 10(3) huma sostitwiti bil-punti li ġejjin sat-28 ta' Jannar 2016:

‘(a)

trasferimenti dovuti għal transazzjonijiet fir-rigward ta' oġġetti tal-ikel, il-kura tas-saħħa, it-tagħmir mediku, jew għal finijiet agrikoli jew umanitarji ta' inqas minn EUR 1 000 000, kif ukoll trasferimenti fir-rigward ta' rimessi personali, ta' inqas minn EUR 400 000, għandhom isiru mingħajr ebda awtorizzazzjoni minn qabel. It-trasferiment għandu jiġi nnotifikat lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat jekk ikun ta' aktar minn EUR 10 000;

(b)

trasferimenti dovuti għal transazzjonijiet fir-rigward ta' oġġetti tal-ikel, il-kura tas-saħħa, it-tagħmir mediku, jew għal finijiet agrikoli jew umanitarji ta' aktar minn EUR 1 000 000, kif ukoll trasferimenti fir-rigward ta' rimessi personali, ta' aktar minn EUR 400 000, għandu jkollhom l-awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat. L-Istat Membru rilevanti għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra dwar kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija;

(c)

kwalunkwe trasferiment ieħor ta' aktar minn EUR 100 000 għandu jkollu l-awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat. L-Istat Membru rilevanti għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra dwar kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija.’.

6.   Il-punti (b) u (c) tal-Artikolu 10(4), għandhom jiġu sostitwiti bil-punti li ġejjin sat-28 ta' Jannar 2016:

‘(b)

kwalunkwe trasferiment ieħor ta' inqas minn EUR 400 000 għandu jsir mingħajr ebda awtorizzazzjoni minn qabel. It-trasferiment għandu jiġi nnotifikat lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat jekk ikun ta' aktar minn EUR 10 000;

(c)

kwalunkwe trasferiment ieħor ta' aktar minn EUR 400 000 għandu jkollu l-awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat. L-awtorizzazzjoni għandha titqies li tkun mogħtija fi żmien erba' ġimgħat sakemm l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat ma tkunx oġġezzjonat f'dak il-perijodu ta' żmien. L-Istat Membru rilevanti għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra dwar kwalunkwe awtorizzazzjoni miċħuda.’.

7.   Il-projbizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 18b għandhom jiġu sospiżi sat-28 ta' Jannar 2016.

8.   Il-projbizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 20(1)(b) u (c) u fl-Artikolu 20(2) fir-rigward tal-Ministeru taż-Żejt, elenkati fl-Anness II, għandhom jiġu sospiżi sat-28 ta' Jannar 2016, sa fejn ikun neċessarju għall-eżekuzzjoni, sat-28 ta' Jannar 2016, ta' kuntratti għall-importazzjoni jew ix-xiri ta' prodotti petrokimiċi Iranjani.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Jannar 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

A.G. KOENDERS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK tas-26 ta' Lulju 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, 27.7.2010, p. 39).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1148 tal-14 ta' Lulju 2015 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 186, 14.7.2015, p. 2).


Top