Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R2441

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/2441 tat-18 ta' Diċembru 2015 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità 27 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 336, 23.12.2015, p. 49–53 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 15/10/2023; Impliċitament imħassar minn 32023R1803

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/2441/oj

    23.12.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 336/49


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2441

    tat-18 ta' Diċembru 2015

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità 27

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 (2) ġew adottati ċerti standards internazzjonali u interpretazzjonijiet li kienu fis-seħħ fil-15 ta' Ottubru 2008.

    (2)

    Fit-12 ta' Awwissu 2014, il-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà ppubblika emendi għall-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 27 Rapporti Finanzjarji Separati intitolat Metodu tal-Ekwità f'Rapporti Finanzjarji Separati. L-objettiv tal-emendi huwa li jippermettu lil entitajiet li jużaw il-metodu tal-ekwità, kif deskritt fl-IAS 28 Investimenti f'Kumpaniji Assoċjati u Impriżi Konġunti, li jinkludu investimenti f'sussidjarji, impriżi konġunti u kumpaniji assoċjati fir-rapporti finanzjarji separati tagħhom.

    (3)

    L-emendi fl-IAS 27 jimplikaw, bħala konsegwenza emendi fl-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (IFRS) 1 u l-IAS 28 sabiex tiġi żgurata l-konsistenza bejn l-istandards internazzjonali tal-kontabilità.

    (4)

    L-emendi fl-IAS 27 fihom xi referenzi għall-IFRS 9, li fil-preżent ma jistax jiġi applikat peress li l-IFRS 9 ma ġiex adottat mill-Unjoni. Għalhekk kwalunkwe referenza għall-IFRS 9 kif stabbilit fl-Anness ta' dan ir-Regolament għandha tinqara bħala referenza għall-Istandard Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IAS) 39 Strumenti Finanzjarji: Għarfien u Kejl.

    (5)

    Il-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju jikkonferma li l-emendi għall-IAS 27 jissodisfaw il-kriterji għall-adozzjoni stipulati fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002.

    (6)

    Għalhekk ir-Regolament (KE) Nru 1126/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

    (7)

    Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju dwar il-Kontabilità,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1126/2008 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    L-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (IFRS) 1 Adozzjoni għall-ewwel darba tal-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament;

    (b)

    L-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 27 Rapporti Finanzjarji Separati huwa emendat kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament;

    (c)

    L-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità 28 Investimenti f'Kumpaniji Assoċjati u Impriżi Konġunti huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

    2.   Kwalunkwe referenza għall-IFRS 9 kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament għandha tinqara bħala referenza għall-IAS 39 Strumenti Finanzjarji: Għarfien u Kejl.

    Artikolu 2

    Kull kumpanija tapplika l-emendi msemmija fil-Artikolu 1, sa mhux aktar tard mid-data tal-bidu tal-ewwel sena finanzjarja tagħha li tibda fl-1 ta' Jannar 2016 jew wara.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Diċembru 2015.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 tat-3 ta' Novembru 2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1).


    ANNESS

    Il-Metodu tal-Ekwità fir-Rapporti Finanzjarji Separati

    (Emendi għall-IAS 27)

    Emendi għall-IAS 27

    Rapporti Finanzjarji Separati

    Il-paragrafi 4-7, 10, 11B u 12 huma emendati u jiżdied il-paragrafu 18J.

    DEFINIZZJONIJIET

    4.

    It-termini li ġejjin jintużaw f'dan l-Istandard bit-tifsiriet speċifikati:

    Rapporti finanzjarji separati huma dawk ippreżentati minn entità li fihom l-entità tista' tagħżel, soġġett għar-rekwiżiti f'dan l-Istandard, li tikkontabilizza l-investimenti tagħha f'sussidjarji, f'impriżi konġunti u f'kumpaniji assoċjati skont il-kost, f'konformità mal-IFRS 9 Strumenti Finanzjarji jew bl-użu tal-metodu tal-ekwità kif deskritt fl-IAS 28 Investimenti f'Kumpaniji Assoċjati u Impriżi Konġunti.

    5.

    It-termini li ġejjin huma definiti fl-Appendiċi A tal-IFRS 10Rapporti Finanzjarji Konsolidati, fl-Appendiċi A tal-IFRS 11 Arranġamenti Konġunti u fil-paragrafu 3 tal-IAS 28:

    kumpanija assoċjata

    metodu tal-ekwità

    6.

    Rapporti finanzjarji separati huma dawk ippreżentati b'mod konġunt mar-rapporti finanzjarji konsolidati jew b'mod konġunt mar-rapporti finanzjarji ta' investitur li ma għandux investimenti f'sussidjarji imma għandu investimenti f'kumpaniji assoċjati jew impriżi konġunti fejn huwa rikjest mill-IAS 28 li l-investimenti f'kumpaniji assoċjati jew impriżi konġunti jiġu kontabilizzati abbażi tal-metodu tal-ekwità, għajr fiċ-ċirkostanzi stipulati fil-paragrafi 8–8 A.

    7.

    Ir-rapporti finanzjarji ta' entità li ma għandhiex sussidjarja, kumpanija assoċjata jew interess konġunt ta' imprenditur f'impriża konġunta mhumiex rapporti finanzjarji separati.

    TĦEJJIJA TA' RAPPORTI FINANZJARJI SEPARATI

    10.

    Meta entità tħejji rapporti finanzjarji separati, tikkontabilizza għall-investimenti f'sussidjarji, impriżi konġunti u kumpaniji assoċjati jew:

    (a)

    skont il-kost;

    (b)

    f'konformità mal-IFRS 9; jew

    (c)

    billi tuża l-metodu tal-ekwità kif deskritt fl-IAS 28.

    L-entità tapplika l-istess kontabilità għal kull kategorija ta' investimenti. Investmenti kontabilizzati skont il-kost jew bl-użu tal-metodu tal-ekwità jiġu kontabilizzati f'konformità mal-IFRS 5 Assi Mhux Kurrenti Miżmuma għall-Bejgħ u Operazzjonijiet li Ma Tkomplewx meta jkunu kklassifikati bħala miżmuma għall-bejgħ jew għad-distribuzzjoni (jew inklużi fi grupp tad-disponiment li hu kklassifikat bħala miżmum għall-bejgħ jew għad-distribuzzjoni). Il-kejl tal-investimenti kontabilizzati f'konformità mal-IFRS 9 f'ċirkostanzi bħal dawn ma jitbiddilx.

    11B

    Meta kumpanija prinċipali ma tibqax entità tal-investiment, jew issir entità tal-investiment, tikkontabilizza tali bidla mid-data meta sseħħ il-bidla fl-istatus, b'dan il-mod:

    (a)

    meta entità ma tibqax entità tal-investiment, l-entità tikkontabilizza investiment f'sussidjarja, f'konformità mal-paragrafu 10. Id-data tal-bidla fl-istatus tkun id-data ta' akkwiżizzjoni preżunta. Il-valur ġust tas-sussidjarja fid-data tal-akkwiżizzjoni preżunta jirrappreżenta l-korrispettiv preżunt trasferit meta jiġu kontabilizzati l-investimenti, f'konformità mal-paragrafu 10.

    (i)

    [imħassar]

    (ii)

    [imħassar]

    (b)

    meta entità ssir entità tal-investiment, tikkontabbilizza investiment f'sussidjarja bil-valur ġust permezz ta' profitt jew telf f'konformità mal-IFRS 9. Id-differenza bejn l-ammont riportat preċedenti tas-sussidjarja u l-valur ġust tagħha fid-data tal-bidla fl-istatus tal-investitur tiġi rikonoxxuta bħala qligħ jew telf fil-profitt jew fit-telf. L-ammont kumulattiv ta' kull qligħ jew telf rikonoxxut preċedentement bħala introjtu ieħor komprensiv fir-rigward ta' dawk is-sussidjarji jiġi ttrattat daqs li kieku l-entità tal-investiment iddisponiet minn dawk is-sussidjarji fid-data tal-bidla fl-istatus.

    12.

    Dividendi minn sussidjarja, impriża konġunta jew kumpanija assoċjata huma rikonoxxuti fir-rapporti finanzjarji separati ta' entità meta jiġi stabbilit id-dritt tal-entità li tirċievi d-dividend. Id-dividend huwa rikonoxxut fi profitt jew telf ħlief jekk l-entità tagħżel li tuża l-metodu tal-ekwità, f'liema każ id-dividend huwa rikonoxxut bħala tnaqqis mill-ammont riportat tal-investiment.

    DATA EFFETTIVA U TRANŻIZZJONI

    18J

    Metodi tal-Ekwità fir-Rapporti Finanzjarji Separati (Emendi għall-IAS 27), ippubblikati f'Awwissu 2014, emendaw il-paragrafi 4–7, 10, 11B u 12. L-entità tapplika b'mod retrospettiv dawn l-emendi għall-perjodi annwali li jibdew fl-1 ta' Jannar 2016 jew wara din id-data, f'konformità mal-IAS 8 Politiki Kontabilistiċi, Bidliet fl-Istimi Kontabilistiċi u Żbalji. Applikazzjoni qabel din id-data hija permessa. Jekk entità tapplika dawn l-emendi qabel iż-żmien stipulat, dan irid jiġi mgħarraf.

    Emendi konsegwenzjali ta' Standards oħra

    IFRS 1 Adozzjoni għall-ewwel darba ta' Standards Internazzjonali ta' Rappurtar Finanzjarju

    Il-paragrafu 39Z huwa miżjud.

    DATA EFFETTIVA

    39Z

    Metodi tal-Ekwità fir-Rapporti Finanzjarji Separati (Emendi għall-IAS 27), ippubblikati f'Awwissu 2014, emendaw il-paragrafi D14 u żiedu l-paragrafu D15 A. Entità tapplika dawk l-emendi għall-perjodi annwali li jibdew mill-1 ta' Jannar 2016 jew wara din id-data. Applikazzjoni qabel din id-data hija permessa. Jekk entità tapplika dawn l-emendi qabel iż-żmien stipulat, dan irid jiġi mgħarraf.

    Fl-Appendiċi D, il-paragrafu D14 ġie emendat u l-paragrafu D15 A ġie miżjud.

    Investimenti f'sussidjarji, impriżi konġunti u kumpaniji assoċjati

    D14

    Meta entità tħejji rapporti finanzjarji separati, l-IAS 27 jirrikjedi li tikkontabilizza l-investimenti tagħha f'sussidjarji, impriżi konġunti u kumpaniji assoċjati jew:

    (a)

    skont il-kost;

    (b)

    f'konformità mal-IFRS 9; jew

    (c)

    billi tuża l-metodu tal-ekwità kif deskritt fl-IAS 28.

    D15 A

    Jekk min jadotta l-Istandard għall-ewwel darba jikkontabilizza investiment bħal dan bl-użu tal-proċeduri tal-metodu tal-ekwità kif deskritt fl-IAS 28:

    (a)

    min jadotta l-Istandard għall-ewwel darba japplika l-eżenzjoni għal kombinament ta' operazzjonijiet fil-passat (l-Appendiċi C) għall-akkwist tal-investiment.

    (b)

    jekk l-entità tadotta l-Istandard għall-ewwel darba għar-rapporti finanzjarji separati tagħha qabel ma' tagħmel dan għar-rapporti finanzjarji konsolidati tagħha u

    (i)

    aktar tard mill-kumpanija prinċipali tagħha, l-entità tapplika l-paragrafu D16 fir-rapporti finanzjarji separati tagħha.

    (ii)

    aktar tard mis-sussidjarja tagħha, l-entità tapplika l-paragrafu D16 fir-rapporti finanzjarji separati tagħha.

    IAS 28 Investimenti f'Kumpaniji Assoċjati u Impriżi Konġunti

    Il-paragrafu 25 ġie emendat u l-paragrafu 45B ġie miżjud

    Tibdiliet fl-interessi ta' sjieda

    25.

    Jekk jonqos l-interess ta' sjieda ta' entità f'kumpanija assoċjata jew impriża konġunta, iżda l-investiment jibqa' klassifikat bħala kumpanija assoċjata jew bħala impriża konġunta rispettivament, l-entità tikklassifika mill-ġdid fi profitt jew telf il-parti tal-qligħ jew telf li kien ġie rikonoxxut preċedentement bħala dħul komprensiv ieħor marbut ma' dak it-tnaqqis fl-interess ta' sjieda jekk ikun meħtieġ li dak il-qligħ jew it-telf jiġi kklassifikat mill-ġdid fi profitt jew telf mad-disponiment tal-assi jew l-obbligazzjonijiet relatati.

    DATA EFFETTIVA U TRANŻIZZJONI

    45B

    Metodi tal-Ekwità fir-Rapporti Finanzjarji Separati (Emendi għall-IAS 27), ippubblikati f'Awwissu 2014, emendaw il-paragrafu 25. Entità tapplika b'mod retrospettiv dik l-emenda għall-perjodi annwali li jibdew fl-1 ta' Jannar 2016 jew wara din id-data, f'konformità mal-IAS 8 Politiki Kontabilistiċi, Bidliet fl-Istimi Kontabilistiċi u Żbalji. Applikazzjoni qabel din id-data hija permessa. Jekk entità tapplika dik l-emenda qabel iż-żmien stipulat, dan irid jiġi mgħarraf.


    Top