EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R2378

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2378 tal-15 ta' Diċembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li jħassar ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1156/2012

ĠU L 332, 18.12.2015, p. 19–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/01/2023

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/2378/oj

18.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 332/19


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2378

tal-15 ta' Diċembru 2015

li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li jħassar ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1156/2012

IL-KUMMISSJONI EWROPEA

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta' Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 20(1), 3 u (4) u l-Artikolu 21(1) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2011/16/UE ssostitwixxiet id-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE (2). Saru numru ta' adattamenti importanti tar-regoli dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni, b'mod partikolari fejn jidħol l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri bil-għan li titjieb l-effiċjenza u l-effikaċja ta' skambju ta' informazzjoni transkonfinali.

(2)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE (3) emendat id-Direttiva 2011/16/UE biex jiġi introdott l-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji u s-sett ta' regoli dwar ir-rappurtar u d-diliġenza dovuta relatati.

(3)

Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tal-qafas ġuridiku ġdid, id-Direttiva 2011/16/UE teħtieġ li ċerti regoli dwar formoli standard u formati elettroniċi u l-arranġamenti prattiċi dwar l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri jiġu adottati permezz ta' atti ta' implimentazzjoni. Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1156/2012 (4) jistipula regoli dettaljati rigward il-formoli standard u l-formati kompjuterizzati li għandhom jintużaw b'rabta mad-Direttiva 2011/16/UE.

(4)

Meta wieħed iqis it-tibdiliet li għandhom isiru bil-għan li tiġi implimentata d-Direttiva 2011/16/UE u sabiex jitħaffef il-qari tal-att ta' implimentazzjoni, huwa xieraq li jitħassar ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1156/2012 u li jiġu stabbiliti regoli konsolidati ġodda.

(5)

Sabiex l-iskambju ta' informazzjoni jiġi ffaċilitat, id-Direttiva 2011/16/UE titlob li tali skambju ta' informazzjoni skont dik id-Direttiva għandu jseħħ fuq il-bażi ta' formoli standard minbarra skambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni.

(6)

Il-formoli standard li għandhom jintużaw għandhom ikollhom numru ta' taqsimiet li huma diversifikati biżżejjed, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu faċilment jittrattaw il-każijiet rilevanti kollha, bl-użu tal-oqsma xierqa għal kull każ.

(7)

Għall-finijiet tal-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni, id-Direttiva 2011/16/UE teħtieġ lill-Kummissjoni tadotta kemm l-arranġamenti prattiċi kif ukoll il-format kompjuterizzat. Bil-ħsieb li tkun żgurata l-adegwatezza u l-utilità tal-informazzjoni skambjata u l-effiċjenza tal-iskambju nnifsu, għandhom jiġu stabbiliti regoli dettaljati f'dan ir-rigward.

(8)

Il-kundizzjoni li l-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni dwar il-ħames kategoriji ta' dħul u kapital skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2011/16/UE ikun suġġett għad-disponibbiltà ta' informazzjoni tiġġustifika li l-format kompjuterizzat korrispondenti ma jkunx speċifikat lil hinn mil-livell tal-istruttura ġenerali u l-klassijiet ta' elementi li jikkomponu l-format kompjuterizzat, filwaqt li l-elementi dettaljati skambjati taħt kull waħda minn dawn il-klassijiet jibqgħu suġġetti għad-disponibbiltà tagħhom f'kull Stat Membru.

(9)

B'kont meħud li l-informazzjoni skambjata skont l-Artikolu 8(3a) tad-Direttiva 2011/16/UE għandha tiġi miġbura mill-Istituzzjonijiet Finanzjarji Rapportanti skont ir-regoli ta' rappurtar u ta' diliġenza dovuta applikabbli stabbiliti fl-Annessi I u II tad-Direttiva 2011/16/UE u li l-iskambju huwa għaldaqstant mhux suġġett għall-kundizzjoni tad-disponibbiltà tal-informazzjoni, il-format kompjuterizzat li jrid jintuża għandu, għall-kuntrarju, jiġi estiż biex jinkludi l-inqas livell ta' dettall u jinkludi kull element, flimkien mal-karatteristiċi rilevanti tiegħu, jekk ikun hemm.

(10)

Skont id-Direttiva 2011/16/UE, l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta b'mezz elettroniku permezz tan-Network tal-Komunikazzjoni Komuni (“CCN”) safejn hu possibbli. Meta jkun meħtieġ, l-arranġamenti prattiċi għall-komunikazzjoni għandhom ikunu speċifikati. Għandhom japplikaw regoli dettaljati għall-komunikazzjoni ta' rapporti, dikjarazzjonijiet u dokumenti oħra li ma jikkonsistux mill-informazzjoni skambjata innifisha iżda li jappoġġawha u, fil-każ ta' komunikazzjoni barra in-netwerk CCN u mingħajr preġudizzju għal arranġamenti oħra miftiehma bilateralment, għall-komunikazzjoni u l-identifikazzjoni tal-informazzjoni skambjata.

(11)

Il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi fl-Istati Membri meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 8(3a) tad-Direttiva 2011/16/UE rigward l-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2016. Dan ir-Regolament għandu għalhekk jibda japplika mill-istess data.

(12)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva għat-Tassazzjoni,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Formoli standard għal skambji fuq talba, skambji spontanji, notifiki u rispons

1.   Fir-rigward tal-formoli li għandhom jintużaw, “qasam” tfisser post f'forma fejn l-informazzjoni li trid tiġi skambjata skont id-Direttiva 2011/16/UE tista' tiġi rreġistrata.

2.   Il-formola li għandha tintuża għal talbiet għal informazzjoni u għal indaġnijiet amministrattivi skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/16/UE u t-tweġibiet tagħhom, rikonoxximenti, talbiet għall-informazzjoni addizzjonali tal-isfond, l-inabbiltà jew ir-rifjut skont l-Artikolu 7 ta' dik id-Direttiva għandhom jikkonformaw mal-Anness I ta' dan ir-Regolament.

3.   Il-formola li għandha tintuża għal informazzjoni spontanja u r-rikonoxximent tagħha skont l-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva 2011/16/UE għandha tkun konformi mal-Anness II ta' dan ir-Regolament.

4.   Il-formola li għandha tintuża għal talbiet għal notifika amministrattiva skont l-Artikolu 13(1) u 13(2) tad-Direttiva 2011/16/UE u t-tweġibiet tagħhom skont l-Artikolu 13(3) ta' dik id-Direttiva għandhom ikunu konformi mal-Anness III ta' dan ir-Regolament.

5.   Il-formola li għandha tintuża għal informazzjoni ta' rispons skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2011/16/UE għandha tkun konformi mal-Anness IV għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Formati kompjuterizzati għall-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni

1.   Il-format kompjuterizzat li jrid jintuża għall-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2011/16/UE għandu jikkonforma mal-Anness V ta' dan ir-Regolament.

2.   Il-format kompjuterizzat li jrid jintuża għall-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni skont l-Artikolu 8(3a) tad-Direttiva 2011/16/UE għandu jikkonforma mal-Anness VI ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Arranġamenti prattiċi rigward l-użu tan-netwerk CCN

1.   Ir-rapporti, dikjarazzjonijiet u dokumenti oħra msemmija fl-informazzjoni kkomunikata skont id-Direttiva 2011/16/UE, jistgħu jintbagħtu bl-użu ta' mezzi ta' komunikazzjoni għajr in-netwerk CCN.

2.   Fejn l-informazzjoni msemmija fid-Direttiva 2011/16/UE ma ġietx skambjata b'mezzi elettroniċi permezz tan-netwerk CCN, u sakemm mhux miftiehem mod ieħor bilateralment, l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta permezz ta' ittra li tiddeskrivi l-informazzjoni kkomunikata u debitament iffirmata mill-awtorità kompetenti li tikkomunika l-informazzjoni.

Artikolu 4

Tħassir

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1156/2012 jitħassar b'seħħ mill-1 ta' Jannar 2016.

Ir-referenzi li jsiru għar-Regolament ta' Implimentazzjoni mħassar għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa japplika mill-1 ta' Jannar 2016.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Diċembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE tad-19 ta' Diċembru 1977 dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta (ĠU L 336, 27.12.1977, p. 15).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE tad-9 ta' Diċembru 2014 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni (ĠU L 359, 16.12.2014, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1156/2012 tas-6 ta' Diċembru 2012 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni (ĠU L 335, 7.12.2012, p. 42).


ANNESS I

Formola msemmija fl-Artikolu 1(2)

Il-formola għal talbiet għal informazzjoni u għal indaġnijiet amministrattivi skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/16/UE u t-tweġibiet tagħhom, rikonoxximenti, talbiet għall-informazzjoni addizzjonali tal-isfond, l-inabbiltà jew ir-rifjut skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2011/16/UE fiha l-oqsma li ġejjin (1):

Bażi legali

Numru ta' referenza

Data

L-identità tal-awtoritajiet rikjedenti u rikjesti

L-identità tal-persuna taħt eżami jew investigazzjoni

Deskrizzjoni ġenerali tal-każ u, jekk xieraq, informazzjoni speċifika tal-isfond li x'aktarx tippermetti l-valutazzjoni tar-rilevanza prevedibbli tal-informazzjoni mitluba għall-amministrazzjoni u l-infurzar tal-liġijiet domestiċi tal-Istati Membri dwar taxxi msemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/16/UE.

L-għan tat-taxxa li għalih tintalab l-informazzjoni

Il-perjodu taħt investigazzjoni

L-isem u l-indirizz ta' kwalunkwe persuna maħsuba li tkun fil-pussess tal-informazzjoni mitluba

It-twettiq tar-rekwiżit legali impost bl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2011/16/UE

It-twettiq tar-rekwiżit legali impost bl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2011/16/UE

Talba raġunata għal indaġni amministrattiva speċifika u r-raġunijiet għar-rifjut li twettaq l-indaġni amministrattiva speċifika mitluba

Rikonoxximent tat-talba għal informazzjoni

Talba għall-informazzjoni addizzjonali tal-isfond

Raġunijiet għall-inabbiltà jew ir-rifjut biex tiġi pprovduta l-informazzjoni

Raġunijiet għal nuqqas ta' tweġiba fil-limitu ta' żmien rilevanti u d-data sa meta l-awtorità rikjesta tqis li tkun tista' twieġeb.


(1)  Madankollu, l-oqsma biss li attwalment huma mimlija f'każ partikolari jeħtieġu li jidhru fil-formola użata f'dak il-każ.


ANNESS II

Formola msemmija fl-Artikolu 1(3)

Il-formola għal informazzjoni spontanja u r-rikonoxximent tagħha skont l-Artikoli 9 u 10 rispettivament tad-Direttiva 2011/16/UE fiha l-oqsma li ġejjin (1):

Bażi legali

Numru ta' referenza

Data

L-identità tal-awtoritajiet li jibagħtu u li jirċievu

L-identità tal-persuna suġġetta għall-iskambju spontanju ta' informazzjoni

Perjodu kopert mill-iskambju spontanju ta' informazzjoni

It-twettiq tar-rekwiżit legali impost bl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2011/16/UE

Rikonoxximent tal-informazzjoni spontanja.


(1)  Madankollu, l-oqsma biss li attwalment huma mimlija f'każ partikolari jeħtieġu li jidhru fil-formola użata f'dak il-każ.


ANNESS III

Formola msemmija fl-Artikolu 1(4)

Il-formola għal talba għal notifika skont l-Artikolu 13(1) u 13(2) tad-Direttiva 2011/16/UE u tat-tweġibiet tagħhom skont l-Artikolu 13(3) ta' dik id-Direttiva fiha l-oqsma li ġejjin (1);

Bażi legali

Numru ta' referenza

Data

L-identità tal-awtoritajiet rikjedenti u rikjesti

Isem u indirizz tad-destinatarju tal-istrument jew deċiżjoni

Informazzjoni oħra li tista' tiffaċilita l-identifikazzjoni tad-destinatarju

Is-suġġett tal-istrument jew deċiżjoni

Rispons tal-awtorità rikjesta, skont l-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 2011/16/UE, inkluż id-data tan-notifika tal-istrument jew id-deċiżjoni lid-destinatarju.


(1)  Madankollu, l-oqsma biss li attwalment huma mimlija f'każ partikolari jeħtieġu li jidhru fil-formola użata f'dak il-każ.


ANNESS IV

Formola msemmija fl-Artikolu 1(5)

Il-formola għal rispons skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2011/16/UE fiha l-oqsma li ġejjin (1):

Numru ta' referenza

Data

L-identità tal-awtorità kompetenti li toħroġ ir-rispons

Rispons ġenerali fuq l-informazzjoni pprovduta

Riżultati direttament relatati mal-informazzjoni pprovduta


(1)  Madankollu, l-oqsma biss li attwalment huma mimlija f'każ partikolari jeħtieġu li jidhru fil-formola użata f'dak il-każ.


ANNESS V

Format kompjuterizzat imsemmi fl-Artikolu 2(1)

Il-formati kompjuterizzati għall-iskambju awtomatiku obbligatorju tal-informazzjoni skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2011/16/UE jikkonformaw mal-istruttura ġerarkika li ġejja u jinkludi l-klassijiet ta' elementi li ġejjin (1):

(a)

Fir-rigward tal-messaġġ ġenerali:

Image

(b)

Fir-rigward tal-korp għall-komunikazzjoni tal-informazzjoni dwar id-dħul mill-impjieg jew il-miżati tad-direttur:

Image

(c)

Fir-rigward tal-korp għall-komunikazzjoni tal-informazzjoni dwar il-pensjonijiet:

Image

(d)

Fir-rigward tal-korp għall-komunikazzjoni tal-informazzjoni dwar il-prodotti ta' assigurazzjoni tal-ħajja:

Image

(e)

Fir-rigward tal-korp għall-komunikazzjoni ta' informazzjoni dwar is-sjieda ta' proprjetà immobbli u d-dħul minnha:

Image

(f)

Fir-rigward tal-korp f'każ li ma tiġi kkomunikata l-ebda informazzjoni b'rabta ma' kategorija speċifika:

Image

(g)

Fir-rigward tal-korp għal konferma tal-wasla tal-informazzjoni għal kategorija speċifika:

Image

(1)  Madankollu, huma biss il-klassijiet tal-elementi attwalment disponibbli u applikabbli f'każ partikolari, li jridu jidhru fil-format kompjuterizzat użat f'dak il-każ.


ANNESS VI

Format kompjuterizzat imsemmi fl-Artikolu 2(2)

Il-format kompjuterizzat għall-iskambju awtomatiku obbligatorju tal-informazzjoni skont l-Artikolu 8(3a) tad-Direttiva 2011/16/UE jikkonforma mal-istruttura ġerarkika li ġejja u jinkludi l-klassijiet ta' elementi li ġejjin (1):

(a)

Fir-rigward tal-messaġġ ġenerali:

Image Image Image Image Image Image Image Image Image Image Image

(b)

Fir-rigward tat-tipi komuni għal FATCA u CRS li jintużaw fil-messaġġ taħt il-punt (a) hawn fuq:

Image Image Image Image

(c)

Fir-rigward tat-tipi komuni tal-OECD użati fil-messaġġ taħt il-punt (a) hawn fuq:

Image Image Image

(1)  Madankollu, huma biss l-elementi u l-attributi attwalment applikabbli f'każ partikolari, wara t-twettiq ta' regoli ta' rappurtaġġ u ta' diliġenza dovuta inklużi fl-Annessi I u II tad-Direttiva 2011/16/UE li jridu jidhru fil-format kompjuterizzat użat f'dak il-każ.


Top