Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R2334

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2334 tal-14 ta' Diċembru 2015 li jiftaħ il-ħażna privata għal-laħam tal-majjal u li jiffissa bil-quddiem l-ammont ta' għajnuna

    ĠU L 329, 15.12.2015, p. 10–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 02/02/2016; Imħassar b' 32016R0132

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/2334/oj

    15.12.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 329/10


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2334

    tal-14 ta' Diċembru 2015

    li jiftaħ il-ħażna privata għal-laħam tal-majjal u li jiffissa bil-quddiem l-ammont ta' għajnuna

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 18(2), l-Artikolu 20(c), (k), (l), (m) u (n) u l-Artikolu 223(3)(c) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1370/2013 tas-16 ta' Diċembru 2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta' ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-punt (h) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jipprevedi l-possibbiltà li tingħata għajnuna għall-ħażna privata tal-laħam tal-majjal.

    (2)

    Is-sitwazzjoni fis-settur tal-ħnieżer tal-Unjoni marret għall-agħar matul l-2014 u l-2015. Minħabba l-ispeċifiċitajiet tas-suq tal-ħnieżer, b'sistema ta' adattament b'dewmien inerenti tas-settur tat-trobbija għal tnaqqis fid-domanda għat-tbiċċir tal-ħnieżer, il-produzzjoni tal-ħnieżer fl-Unjoni żdiedet filwaqt li l-esportazzjonijiet bi prestazzjoni tajba naqsu b'mod qawwi minħabba t-telf tar-Russja bħala suq tal-esportazzjoni. B'riżultat ta' dan, is-suq qed jiffaċċja pressjoni kontinwa fuq il-prezz li tmur lil hinn minn dik ta' perijodi ċikliċi normali. Il-prezzijiet medji tas-suq tal-Unjoni rreġistrati kienu taħt il-limitu ta' referenza kif stipulat fil-punt (f) tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 minn nofs Awwissu tal-2015 'l hawn u għandhom impatt negattiv sinifikanti fuq il-marġini fis-settur tal-ħnieżer. Is-sitwazzjoni diffiċli persistenti fis-suq tikkomprometti l-istabbiltà finanzjarja ta' ħafna azjendi agrikoli. It-tneħħija temporanja tal-laħam tal-majjal mis-suq tidher meħtieġa sabiex il-bilanċ tas-suq jistabbilixxi ruħu mill-ġdid u jgħolew il-prezzijiet. Għaldaqstant, huwa xieraq li tingħata għajnuna għal ħżin privat tal-laħam tal-majjal u li jiġi ffissat bil-quddiem l-ammont tal-għajnuna.

    (3)

    Ir-Regolament (KE) Nru 826/2008 (3) stabbilixxa regoli komuni għall-implimentazzjoni tal-iskemi ta' għajnuna għall-ħżin privat.

    (4)

    Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 826/2008, se tingħata għajnuna ffissata minn qabel skont ir-regoli u l-kundizzjonijiet dettaljati kif ipprovduti fil-Kapitolu III ta' dak ir-Regolament.

    (5)

    Sabiex teħfief il-ġestjoni tal-miżura, il-prodotti tal-majjal għandhom jiġu kklassifikati f'kategoriji skont kriterji ta' xebh fir-rigward tal-livell tal-ispejjeż għall-ħżin.

    (6)

    Fid-dawl tal-ħtieġa li jingħataw opportunitajiet indaqs lill-operaturi, għandu jkun possibbli li jittressqu applikazzjonijiet għall-għajnuna ta' ħżin privat għall-kategoriji tal-prodotti tal-majjal eliġibbli għall-għajnuna mill-4 ta' Jannar 2016.

    (7)

    Biex jiġi ffaċilitat ix-xogħol amministrattiv u ta' kontroll f'dak li għandu x'jaqsam mal-konklużjoni ta' kuntratti, għandhom ikunu ffissati l-kwantitajiet minimi ta' prodotti li għandhom jiġu koperti minn kull applikazzjoni.

    (8)

    Għandha tiġi ffissata garanzija sabiex jiġi żgurat li l-operaturi jaqdu d-dmirijiet kuntrattwali tagħhom u li l-miżura jkollha l-effett mixtieq fuq is-suq.

    (9)

    L-esportaturi tal-majjal jikkontribwixxu biex jerġa' jintlaħaq il-bilanc fis-suq. Għaldaqstant, l-Artikolu 28(3) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008 għandu japplika meta l-perjodu tal-ħażna jitqassar u meta l-prodotti li tneħħew mill-ħażna jkunu maħsuba għall-esportazzjoni. Għandhom jiġu ffissati l-ammonti ta' kuljum applikabbli għat-tnaqqis tal-ammont tal-għajnuna msemmija fl-istess Artikolu.

    (10)

    Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28(3) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008, u għal raġunijiet ta' konsistenza u ċarezza għall-operaturi, jeħtieġ li l-perjodu ta' xahrejn imsemmi fl-istess Artikolu jiġi espress f'jiem.

    (11)

    L-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 826/2008 jistipula t-tagħrif li l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni. Huwa xieraq li jiġu stabbiliti xi regoli speċifiċi dwar il-frekwenza tan-notifiki rigward il-kwantitajiet li ssir applikazzjoni għalihom fil-qafas ta' dan ir-Regolament.

    (12)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Kamp ta' applikazzjoni

    1.   Dan ir-Regolament jipprevedi l-għajnuna għall-ħżin privat tal-laħam tal-majjal kif imsemmija fil-punt (h) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

    2.   Il-lista tal-kategoriji tal-prodotti eliġibbli għall-għajnuna u l-ammonti korrispondenti jingħataw fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

    3.   Ir-Regolament (KE) Nru 826/2008 għandu japplika, għajr meta previst xorta oħra f'dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Sottomissjoni tal-applikazzjonijiet

    1.   Mill-4 ta' Jannar 2016 'il quddiem, jintlaqgħu l-applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-ħażna privata għall-kategoriji tal-prodotti tal-laħam tal-majjal eliġibbli għall-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1.

    2.   L-applikazzjonijiet għandhom ikopru perjodu ta' ħżin ta' 90, 120 u 150 jum.

    3.   Kull applikazzjoni għandha tirreferi għal kategorija waħda biss mill-kategoriji ta' prodotti elenkati fl-Anness, waqt li tindika l-kodiċi tan-NM rilevanti fi ħdan dik il-kategorija.

    4.   Kull applikazzjoni għandha tkopri kwantità minima ta' 10 tunnellati għall-prodotti mingħajr għadam, u ta' 15-il tunnellata għal prodotti oħra.

    Artikolu 3

    Garanziji

    L-ammont tal-garanzija, skont it-tunnellaġġ tal-prodott, li għandha tingħata skont l-Artikolu 16(2)(i) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008 għandu jkun ta' 20 % tal-ammonti tal-għajnuna ffissati fil-kolonni 3, 4 u 5 tat-tabella fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 4

    Tneħħija mill-ħżin ta' prodotti maħsuba għall-esportazzjoni

    1.   Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28(3) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008, għandu jkun meħtieġ perjodu minimu ta' ħżin ta' 60 jum.

    2.   Għall-finijiet tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 28(3) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008, l-ammonti ta' kuljum ikunu dawk stabbiliti fil-kolonna 6 tat-tabella fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 5

    Frekwenza tan-notifiki tal-kwantitajiet li għalihom tressqu applikazzjonijiet

    L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, darbtejn fil-ġimgħa, bil-kwantitajiet li għalihom intbagħtu applikazzjonijiet għall-konklużjoni tal-kuntratti, kif ġej:

    (a)

    kull nhar ta' Tnejn sa 12.00 (ħin ta' Brussell) il-kwantitajiet li għalihom intbagħtu applikazzjonijiet il-Ħamis u l-Ġimgħa tal-ġimgħa ta' qabel;

    (b)

    kull nhar ta' Ħamis sa 12.00 (ħin ta' Brussell) il-kwantitajiet li għalihom intbagħtu applikazzjonijiet it-Tnejn, it-Tlieta u l-Erbgħa tal-istess ġimgħa.

    Artikolu 6

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Diċembru 2015.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

    (2)  ĠU L 346, 20.12.2013, p. 12.

    (3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 826/2008 tal-20 ta' Awwissu 2008 li jipprovdi regoli komuni għall-għotja ta' għajnuna għall-ħażna privata ta' ċerti prodotti agrikoli (ĠU L 223, 21.8.2008, p. 3).


    ANNESS

    Kategoriji ta' prodotti

    Prodotti li tingħatalhom l-għajnuna

    Ammont ta' għajnuna għal perjodu ta' ħżin ta' (EUR/tunnellata)

    Ammonti ta' kuljum (EUR/tunnellata/jum)

    90 jum

    120 jum

    150 jum

    1

    2

    3

    4

    5

    6

    Kategorija 1

    ex 0203 11 10

    Nofs karkassi, mingħajr is-sieq ta' quddiem, id-denb, il-kliewi, il-falda l-irqiqa u s-sinsla tad-dahar (1)

    Karkassi sħaħ tal-annimali sa 20 kg

    274

    291

    307

    0,54

    Kategorija 2

    ex 0203 12 11

    Prieżet

    304

    318

    332

    0,47

    ex 0203 12 19

    Spallejn

     

     

     

     

    ex 0203 19 11

    Trufijiet ta' quddiem

     

     

     

     

    ex 0203 19 13

    Ġenbejn, bit-tarf tal-għonq jew mingħajru, jew it-truf tal-għonq separatament, il-ġenbejn bil-koxxa jew mingħajrha (2)  (3)

     

     

     

     

    Kategorija 3

    ex 0203 19 55

    Riġlejn, spallejn, truf ta' quddiem, ġenbejn bit-tarf tal-għonq jew mingħajru, jew truf tal-għonq separati, ġenbejn biċ-chump jew mingħajrha, bil-għadam imneħħi (2)  (3)

    335

    350

    364

    0,49

    Kategorija 4

    ex 0203 19 15

    Żquq, sħaħ jew bix-xtur imneħħija b'qatgħa rettangolari

    250

    264

    278

    0,47

    Kategorija 5

    ex 0203 19 55

    Żquq, sħaħ jew bix-xtur imneħħija b'qatgħa rettangolari, mingħajr il-ġilda ta' barra u l-kustilji

    269

    284

    298

    0,48

    Kategorija 6

    ex 0203 19 55

    Qatgħat li jikkorrispondu għan-“nofsijiet”, bil-ġilda ta' barra jew bix-xaħam jew mingħajrhom, bl-għadam imneħħi (4)

    272

    288

    304

    0,53

    Kategorija 7

    ex 0209 10 11

    Xaħam ta' taħt il-ġilda tal-majjal bil-ġilda jew mingħajrha (5)

    168

    175

    182

    0,24


    (1)  L-għajnuna tista' tingħata wkoll għan-nofs karkassi ppreżentati bħala Wiltshire sides, jiġifieri mingħajr ir-ras, il-ħadd, ix-xedaq, is-saqajn, id-denb, il-grass tas-simna, il-kliewi, il-flett, l-għadma tal-ispalla, l-isternu, is-sinsla, l-għadma pelvika u d-dijaframma.

    (2)  Il-ġenbejn u t-truf tal-għonq jistgħu jkunu bil-ġilda ta' barra jew mingħajrha, imma s-saff tax-xaħam ta' magħha ma għandux jaqbeż fond ta' 25 mm.

    (3)  Il-kwantità kkuntrattata tista' tkopri kull kombinament tal-prodotti msemmija.

    (4)  L-istess preżentazzjoni bħall-prodotti koperti bil-kodiċi tan-NM 0210 19 20.

    (5)  Tessut tax-xaħam frisk li jinġabar taħt il-ġilda tal-ħanżir u jeħel magħha, irrispettivament minn liema parti tal-ħanżir tkun ġejja; f'każ li jiġi preżentat bil-ġilda, il-piż tat-tessut tax-xaħam għandu jaqbeż il-piż tal-ġilda.


    Top