Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R2264

    Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2015/2264 tat-3 ta' Diċembru 2015 li jestendi u li jelimina gradwalment il-miżuri derogatorji temporanji tar-Regolament Nru 1 tal-15 ta' April 1958 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea u tar-Regolament Nru 1 tal-15 ta' April 1958 li jistabbilixxi r-reġim lingwistiku tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika introdotti mir-Regolament (KE) Nru 920/2005

    ĠU L 322, 8.12.2015, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/2264/oj

    8.12.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 322/1


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE, Euratom) 2015/2264

    tat-3 ta' Diċembru 2015

    li jestendi u li jelimina gradwalment il-miżuri derogatorji temporanji tar-Regolament Nru 1 tal-15 ta' April 1958 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea u tar-Regolament Nru 1 tal-15 ta' April 1958 li jistabbilixxi r-reġim lingwistiku tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika introdotti mir-Regolament (KE) Nru 920/2005

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 342 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 920/2005 (1) jagħti lill-Irlandiż l-istatus ta' lingwa uffiċjali u ta' lingwa ta' ħidma tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

    (2)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1257/2010 (2) estenda d-deroga prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 920/2005 għal perijodu ta' ħames snin sal-31 ta' Diċembru 2016.

    (3)

    Ir-Regolament (KE) Nru 920/2005 jipprevedi li, għal raġunijiet prattiċi u fuq bażi transitorja, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhomx ikunu marbuta bl-obbligu li jfasslu jew jittraduċu l-atti kollha, inklużi s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, għal-lingwa Irlandiża, bl-eċċezzjoni tar-Regolamenti adottati b'mod konġunt mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Huwa l-Kunsill li jiddeċiedi, mhux aktar minn erba' snin mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 920/2005 u f'intervalli ta' ħames snin wara dan, jekk għandhiex tintemm dik id-deroga.

    (4)

    Filwaqt li hu meqjus bħala meħtieġ li tiġi estiża b'mod ulterjuri d-deroga prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 920/2005 għal perijodu ta' ħames snin mill-1 ta' Jannar 2017, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom ikomplu l-approċċ proattiv tagħhom sabiex iżidu d-disponibbiltà tal-informazzjoni bil-lingwa Irlandiża dwar l-attivitajiet tal-Unjoni. Il-kamp ta' applikazzjoni tad-deroga għandu għalhekk jitnaqqas gradwalment, bil-għan li tintemm id-deroga fi tmiem il-perijodu attwali ta' ħames snin.

    (5)

    Sabiex jiġi evitat dewmien fil-proċess leġislattiv tal-Unjoni, it-tnaqqis tal-kamp ta' applikazzjoni tad-deroga għandu jiġu mmonitorjat mill-qrib u jiġi rieżaminat fid-dawl tal-kapaċità ta' traduzzjoni disponibbli. L-awtoritajiet Irlandiżi u l-Kummissjoni, f'kollaborazzjoni mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni, għandhom jiltaqgħu b'mod regolari biex jimmonitorjaw il-progress ta' reklutaġġ rilevanti mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, il-kapaċità ta' fornituri esterni tas-servizzi u aktar kollaborazzjoni dwar riżorsi lingwistiċi, kif ukoll dwar kwistjonijiet relatati mad-disponibbiltà tal-acquis.

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Id-deroga prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 920/2005 hija b'dan estiża għal perijodu ta' ħames snin mill-1 ta' Jannar 2017.

    Dan l-Artikolu m'għandux japplika għar-Regolamenti adottati b'mod konġunt mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Barra minn hekk, huwa m'għandux japplika għall-kategoriji ta' atti elenkati fl-Anness, mid-dati rispettivi speċifikati fih għal kull kategorija.

    Artikolu 2

    L-awtoritajiet Irlandiżi u l-Kummissjoni, f'kollaborazzjoni mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni, għandhom jiltaqgħu regolarment biex jimmonitorjaw ir-reklutaġġ ta' għadd suffiċjenti ta' persunal tal-lingwa Irlandiża mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex jiġi ttrattat b'suċċess it-tnaqqis gradwali tad-deroga indikata fl-Anness, u biex jimmonitorjaw il-kapaċità u l-użu ta' fornituri esterni tas-servizzi sabiex jipprovdu għar-rekwiżiti tal-lingwa Irlandiża tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

    Mhux aktar tard minn Ottubru 2019, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar il-progress mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni rigward l-implimentazzjoni tat-tnaqqis gradwali tad-deroga indikata fl-Anness.

    Wara li jqis dan ir-rapport ta' implimentazzjoni, il-Kunsill jista' jiddeċiedi, f'konformità mal-Artikolu 342 tat-Trattat, li jirrevedi d-dati kif jinsabu fl-Anness.

    Artikolu 3

    Mhux aktar tard minn Ġunju 2021, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar jekk l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhomx biżżejjed kapaċità disponibbli, meta mqabbla mal-lingwi uffiċjali l-oħra, li japplikaw ir-Regolament Nru 1 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (3), u r-Regolament Nru 1 li jistabbilixxi r-reġim lingwistiku tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (4), mingħajr deroga mill-1 ta' Jannar 2022, abbażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 2.

    Artikolu 4

    Fin-nuqqas ta' Regolament tal-Kunsill li jiddikjara mod ieħor, id-deroga prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 920/2005 għandu jieqaf japplika sa mill-1 ta' Jannar 2022.

    Artikolu 5

    L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 920/2005 huwa mħassar.

    Artikolu 6

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2017.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-3 ta' Diċembru 2015.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    F. BRAZ


    (1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 920/2005 tat-13 ta' Ġunju 2005 li jemenda r-Regolament Nru 1 tal-15 ta' April 1958 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Regolament Nru 1 tal-15 ta' April 1958 li jistabbilixxi r-reġim lingwistiku tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u li jintroduċi miżuri derogatorji temporanji għal dawk ir-Regolamenti (ĠU L 156, 18.6.2005, p. 3).

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1257/2010 tal-20 ta' Diċembru 2010 li jestendi l-miżuri derogatorji temporanji għar-Regolament Nru 1 tal-15 ta' April 1958 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea u tar-Regolament Nru 1 tal-15 ta' April 1958 li jistabbilixxi r-reġim lingwistiku tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika introdotti mir-Regolament (KE) Nru 920/2005 (ĠU L 343, 29.12.2010, p. 5).

    (3)  ĠU 17, 6.10.1958, p. 385.

    (4)  ĠU 17, 6.10.1958, p. 401.


    ANNESS

    Skeda ta' żmien għat-tnaqqis gradwali tad-deroga

    Atti

    Dati

    Direttivi adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill

    Sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2017

    Deċiżjonijiet adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill

    Sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2018

    Direttivi adottati mill-Kunsill li huma indirizzati lill-Istati Membri kollha

    Sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2020

    Regolamenti adottati mill-Kunsill

    Sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2020

    Deċiżjonijiet adottati mill-Kunsill li ma jispeċifikawx lil min huma indirizzati

    Sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2020

    Regolamenti adottati mill-Kummissjoni

    Sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2021

    Direttivi adottati mill-Kummissjoni li huma indirizzati lill-Istati Membri kollha

    Sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2021

    Deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni li ma jispeċifikawx lil min huma indirizzati

    Sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2021


    Top