Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R2232

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2232 tat-2 ta' Diċembru 2015 li jawtorizza żieda tal-limiti għall-arrikkiment tal-inbid prodott mill-għeneb maħsud fl-2015 fir-reġjuni kollha tal-vitikultura tad-Danimarka, tan-Netherlands, tal-Iżvezja u tar-Renju Unit

    ĠU L 317, 3.12.2015, p. 24–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/2232/oj

    3.12.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 317/24


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2232

    tat-2 ta' Diċembru 2015

    li jawtorizza żieda tal-limiti għall-arrikkiment tal-inbid prodott mill-għeneb maħsud fl-2015 fir-reġjuni kollha tal-vitikultura tad-Danimarka, tan-Netherlands, tal-Iżvezja u tar-Renju Unit

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 91 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-punt A.3 tal-Parti I tal-Anness VIII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistipula li l-Istati Membri jistgħu jitolbu li l-limiti għaż-żieda tal-qawwa alkoħolika (l-arrikkiment) tal-inbid skont il-volum, jiżdiedu b'mhux aktar minn 0,5 % fis-snin li fihom il-kundizzjonijiet klimatiċi jkunu eċċezzjonalment ħżiena.

    (2)

    Id-Danimarka, in-Netherlands, l-Iżvezja u r-Renju Unit talbu dawn iż-żidiet tal-limiti għall-arrikkiment tal-inbid prodott mill-għeneb maħsud fl-2015, minħabba li l-kundizzjonijiet klimatiċi matul l-istaġun tat-tkabbir kienu eċċezzjonalment ħżiena.

    (3)

    Minħabba l-kundizzjonijiet klimatiċi eċċezzjonalment ħżiena matul l-2015, il-limiti fuq iż-żidiet tal-qawwa alkoħolika naturali previsti fil-punt A.2 tal-Parti I tal-Anness VIII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, ma jippermettux il-produzzjoni ta' nbid b'qawwa alkoħolika totali xierqa f'ċerti reġjuni tal-vitikultura u li għalih normalment ikun hemm domanda fis-suq.

    (4)

    Għalhekk, huwa xieraq li tiġi awtorizzata żieda tal-limiti għall-arrikkiment tal-inbid prodott mill-għeneb maħsud fl-2015 fid-Danimarka, fin-Netherlands, fl-Iżvezja u fir-Renju Unit.

    (5)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    B'deroga mill-punt A.3 tal-Parti I tal-Anness VIII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, fir-reġjuni kollha tal-vitikultura tad-Danimarka, tan-Netherlands, tal-Iżvezja u tar-Renju Unit, iż-żieda fil-qawwa alkoħolika naturali skont il-volum ta' għeneb frisk maħsud fl-2015, il-most, il-most fil-fermentazzjoni, l-inbid ġdid li jkun għadu qed jiffermenta u l-inbid li jkun ġie prodott mill-għeneb maħsud fl-2015, ma għandhiex taqbeż il-volum ta' 3,5 %.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Diċembru 2015.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.


    Top